Intervista | 'Bla saqaf fuq rasha minħabba l-vizzju tal-logħob'

Il-gazzetta ILLUM mal-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli dwar il-vizzju tal-logħob. Kemm hawn Maltin vittmi ta’ dan il-vizzju? Imma l-logħob kollu ħażin? Persuna kif tinduna li l-logħob ikun qed jirkibha? X’tista’ tagħmel?

“Il-logħob minn dejjem kien realtà fil-pajjiż, iżda llum sar aktar aċċessibbli anke minħabba l-evolviment tat-teknoloġija. Għalhekk għandna nitkellmu u nindirizzaw bis-serjetà l-vizzju tal-logħob ukoll.” Hekk stqarr mal-gazzetta ILLUM Kayne Said, l-Uffiċjal Eżekuttiv għall-Promozzjoni tal-Fondazzjoni Logħob Responsabbli, Fondazzjoni li twaqqfet lura fl-2014 bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar logħob responsabbli u tgħin lil dawk il-vittmi li jbatu mill-vizzju.

Fl-intervista li għamlet mas-Sur Said, il-gazzetta ILLUM tkellmet dwar dan il-vizzju, kif jiżviluppa, għal xiex iwassal u jekk hux qed jiżdied jew inkella jonqos.

“Permezz tat-teknoloġija li dejjem qiegħda tiżviluppa matul iż-żmien, il-logħob sar aktar aċċessibbli. Persuna m’hemmx għalfejn tmur tilgħab fil-ħwienet tal-logħob, fil-każinos jew inkella fis-swali tat-tombla. Persuna tista’ tilgħab il-logħob tal-azzard online fil-kumdità ta’ darha,” saħaq Said biex jenfasizza kemm hu aktar faċli l-aċċessibbiltà u l-possibililità li persuna taqa’ f’dan il-vizzju.

M’hemmx għalfejn ngħidu. Ma jfissirx li kull persuna li tmur każinò, tmur tilgħab it-tombla jew inkella tilgħab logħob tal-azzard online tkun qed tbati mill-vizzju tal-logħob.

“Aħna mhux kontra l-logħob rikreattiv jew inkella ta’ divertiment, sakemm persuna żżomm ma’ dik li aħna nsejħulha l-linja tal-kontroll. Kull persuna, mit-tfal, għall-adulti u l-anzjani għandhom kull dritt li jilagħbu u għandhom kull dritt li jistrieħu u jieħdu pjaċir,” saħaq Said.

Persuna meta taqbeż il-linja tal-kontroll?

Staqsejna lil Said xi tfisser din il-linja tal-kontroll. Hemm xi ammont partikolari kemm wieħed għandu jilgħab flus?

L-ewwel u qabel kollox, jispjegalna l-uffiċjal tal-Fondazzjoni, il-linja tal-kontroll għandha tkun kemm waħda finanzjarja, iżda anke ta’ ħin.

“Il-linja tal-kontroll tiegħi hija differenti minn tiegħek. Il-paga tiegħi hija differenti minn tiegħek,” spegalna Said.

Li persuna tirrealizza li għandha problema u li għandha bżonn l-għajnuna huma l-aktar żewġ passi diffiċli u l-aktar żewġ passi importanti

Għalhekk il-parir tiegħu huwa li persuna taqbad biċċa karta u fuqha tikteb il-paga tagħha u r-responsabbilitajiet tagħha x’inhuma. Hawnhekk il-persuna għandha tniżżel kemm tista’ tħalli ammont mill-paga għad-delizzji tagħha u timxi ma’ dak il-kontroll. Kulħadd huwa differenti. Min hu single, min hu f’relazzjoni jew miżżewweġ, min għandu loan mal-bank, min għandu t-tfal.

“Importanti li tagħmel il-baġit tiegħek ta’ kull xahar. Mhux qed ngħidu li persuna ma għandhiex tilgħab. Jekk jiena niflaħ li mmur fi tmiem il-ġimgħa, nagħmel siegħa jew sagħtejn u nilgħab €200, hemm qed nimxi mal-linja tal-kontroll. Tlifthom jew erbaħthom jiena niflaħ noħroġhom. Ħaddieħor jista’ jaffordja siegħa fil-ġimgħa u jilgħab €50. L-ammonti jvarjaw,” spjega Kayne Said.

Innotajna li kien qed jagħmel enfasi kbira fuq il-ħin ukoll u mhux fuq sempliċiment il-flus, b’Said jispjegalna li l-persuna bil-vizzju tal-logħob mhuwiex biss dak li jilgħab il-flus bla kontroll, iżda anke min qed jinqata’ mill-ħajja soċjali tiegħu għax il-logħob biss ikun qed jagħtih pjaċir.

Kif jiżviluppa l-vizzju?

Staqsejna lil Said biex, mill-esperjenzi li jiltaqgħu magħhom, jispjegalna kif jiżviluppa dan il-vizzju tal-logħob.

Fi kliemu, normalment, persuna li tkun waqgħet fil-vizzju, tkun bdiet timxi mal-linja tal-kontroll, iżda f’dak il-mument ta’ eċċitament, tibda tiżgarra ftit ftit.

“Li tiżgarra darba b’ammonti żgħar ma jkun ġara xejn ħażin. Iżda meta tiżgarra t-tieni darba u t-tielet darba u l-ammonti jibdew telgħin, persuna tibda tiġi daharha mal-ħajt kemm finanzjarjament u anke soċjalment,” spjega Said. “Ikun hemm min jilgħab l-ewwel darba u jiżgarra mill-ewwel iżda normalment il-proċess jibda b’mod gradwali.”

Mistoqsi jekk dan ifissirx li kull min se jmiss ma’ kaxxa tal-logħob jew jixref f’każnò eventwalment se jaqa’ fil-vizzju, Said saħaq li wieħed ma jista’ qatt jiġġeneralizza.

“Hemm dak il-1% jew 2% tal-persuni li jħallsu biex jilagħbu li jirrapportaw vizzju tal-logħob,” kompla jispjega.

Jispiċċaw jissugraw anke d-dar u l-karozza…

Dħalna aktar fid-dettall ta’ dak li jissejjaħ il-logħob tal-azzard, jiġifieri dak il-logħob fejn persuna tilgħab u tissogra l-flus tagħha.

Said kompla jispjega mal-ILLUM li jkun hemm min apparti l-flus, tant jiġi dahru mal-ħajt li jispiċċa jissogra affarijiet oħra li f’ħajtu huma importanti.

“Ir-riskju jvarja. Ikun hemm min jaqbeż il-baġit tiegħu b’mod perikoluż, anke jasal biex jitfa’ d-dar u l-karozza tiegħu fuq il-mejda tal-logħob,” qalilna Said. “Il-vittmi jispiċċaw jaqgħu f’nasba ta’ gideb għax problema ġġib lill-oħra.”

L-uffiċjal qalilna kif ta’ spiss jisimgħu b’każijiet ta’ persuni li jispiċċaw midjuna u jduru fuq il-ġenituri tagħhom meta jkun tard wisq.

“Ġenituri joffru għajnuna sa fejn jistgħu. Nisimgħu mbagħad stejjer ta’ persuni fejn il-flus li jingħataw mill-ġenituri jispiċċaw ukoll jonfquhom fil-logħob. Huwa ċirku vizzjuż.”

Is-Sur Kayne Said semma każ ta’ persuna partikolari li spiċċa tkeċċa minn daru mill-ġenituri tiegħu stess minħabba l-gideb, dejn esaġerat u l-vizzju u mar l-isptar f’lejla partikolari biex joqgħod bilqiegħda u jqatta’ l-lejl hemmhekk, almenu jkollu saqaf fuq rasu.

Kemm hawn persuni bil-vizzju tal-logħob f’Malta?

Hija l-istatistika li qed juru kif il-qasam tal-gaming qiegħed jimbotta ’l quddiem l-ekonomija Maltija b’mod tajjeb ħafna. Said fakkarna kif skont il-magażin iGaming Capital, fl-2017, dan is-settur fisser €1.1 biljun aktar għall-ekonomija u ħolqien ta’ 10,000 impjieg ġdid.

“Jiena nikkwota lis-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Silvio Schembri, fejn dejjem isostni li wara kull numru hemm storja li s-soċjetà huwa d-dmir tagħha li tismagħha u toffri l-għajnuna. Hemm fejn nidħlu aħna bħala Fondazzjoni,” insista Said.

Fil-fatt, il-Fondazzjoni taħdem biex toħloq kuxjenza u għarfien dwar kif persuna tista’ tilgħab b’responsabbilità u mhux biex il-logħob jinqata’.

Mistoqsi jekk in-numru ta’ persuni bil-vizzju tal-logħob f’Malta huwiex allarmanti, Said wieġeb fin-negattiv anke għax jidher li r-rata ta’ persuni bil-vizzju tal-logħob hija madwar il-medja Ewropea.

Semma kif skont studji ta’ Dr Gordin Cordina, ikkummissjonat mill-Awtorità Maltija għal-Logħob, jirriżulta li fl-2017, il-poplu Malti nefaq €128 miljun f’logħob. 53% tal-Maltin nefqu l-flus biex jilagħbu.

“Minn dawk li nefqu l-flus għal-logħob, għandek madwar 1% jew 2% li rrapportaw vizzju. Jiġifieri bejn 1,900 u 3,800 persuna,” saħaq Said.

‘’Il-problema ma tistax tintefa’ taħt it-tapit’’

Anke jekk mhux allarmanti, Said saħaq li l-problema ma tistax tintefa’ taħt it-tapit. “Dan huwa vizzju. Ma nistgħux nibqgħu niffokaw biss fuq il-vizzju tad-droga, tal-alkoħol jew tat-tipjip, iżda għandna nieħdu bis-serjetà dan il-vizzju wkoll.”

Ma nistgħux nibqgħu niffokaw biss fuq il-vizzju tad-droga, tal-alkoħol jew tat-tipjip, iżda għandna nieħdu bis-serjetà dan il-vizzju wkoll

Kien hawn li Said fakkar li hawn servizzi f’Malta li jgħinu persuni bil-vizzju tal-logħob, tant li l-Fondazzjoni taħdem id f’id magħhom, inkluż mas-Sedqa tal-FSWS u anke mal-Gamblers Anonymous tal-Caritas.

“Fejn ma naslux aħna, naħdmu ma’ dawn l-entitajiet. Ngħaddu wkoll numru ta’ telefonati fil-listi ta’ stennija tal-programmi mħarsa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS),” spjega Said.

Persuna bil-vizzju trid tagħmel żewġ passi importanti iżda diffiċli

Tkellimna mal-Uffiċjal Eżekuttiv għall-Promozzjoni dwar kif taħdem il-Fondazzjoni fejn fakkar fil-Helpline Nazzjonali 1777, miftuħ 24 siegħa kuljum, li jista’ jintuża kemm mill-persuni li jkunu għaddejja mill-vizzju, jew inkella mill-qraba u l-persuni viċin tagħhom.

“Għandna grupp ta’ ħaddiema mħarrġa apposta. Jisimgħu l-istejjer, jifhmu s-sitwazzjoni ta’ kull telefonata u minn hemm nassiguraw li kemm jista’ jkun naħdmu fuq kull telefonata,” saħaq Said.

Iżda kemm hu faċli li persuni bil-vizzju se taqbad it-telefon u ċċempel? Diffiċli ħafna, spjegalna.

“Hemm żewġ passi diffiċli ħafna, imma li persuna teħtieġ li tagħmilhom. L-ewwel nett li persuna tirrealizza li għandha bżonn l-għajnuna u tirrikonoxxi li għandha problema,” qalilna Said.

Fil-fatt qalilna li jiltaqgħu ma’ diversi każijiet fejn ġenituri, maħbubin, tfal u anke ħbieb jiġbdu l-attenzjoni ta’ persuna li jkollha l-vizzju tal-logħob, iżda din ma tkunx trid tisma’ akkost ta’ kollox.

Kompla jispjegalna kif ħafna drabi huma l-persuni l-aktar viċin tal-vittmi li jindunaw li jkun hemm problema.

“Ma jistax ikun li l-missier jirċievi l-paga fix-xahar u jonfoqha kollha fil-logħob u t-tfal jispiċċaw mingħajr l-aktar affarijiet bażiċi. Ma jistax ikun li l-maħbuba jew il-mara tqum filgħodu u tispiċċa mingħajr dar għax ir-raġel jew il-maħbub ikun lagħabha u tilifha u viċe versa. Dawn kollha huwa realtajiet,’ kompla jgħidilna Said.

Kien hawn li tenna kif dan kollu jwassal għal problemi oħra, fosthom vjolenza domestika, telefonati u rapporti lill-Pulizija, serq u oħrajn.

“Hija karba soċjali li tajjeb li s-soċjetà, permezz tal-Fondazzjoni u entitajiet oħra, tismagħha,’’ kompla jgħidilna.

‘Importanti li t-tfal tagħna jimxu mal-kontroll ta’ ħin meta jilagħbu’’

Aktar qabel, Said għamel distinzjoni bejn logħob tal-azzard u logħob ieħor li ma jinvolvix riskju. Persuna li tintefa minn filgħodu sa filgħaxija tilgħab il-logħob fuq il-kompjuter tista’ tgħid li għandha vizzju? Il-Fondazzjoni tgħin f’dawn il-każijiet?

“Aħna niffokaw fuq il-logħob tal-azzard, iżda ż-żmien qed jurna li dawn il-console games fid-djar aktar ma qed isiru attraenti, aktar qed jiġbdu lit-tfal minn meta jkunu żgħar u għalhekk bħala Fondazzjoni qed nirrikonoxxu dan,” saħaq Said.

Bħal fil-każ tal-logħob tal-azzard, il-Fondazzjoni tibqa’ tisħaq li t-tfal, l-adulti u l-anzjani għandhom kull dritt iqattgħu ħin jilagħbu u jirrilassaw.

Kompla jispjega kif hawn, il-Fondazzjoni tinsisti biex ma tinqabiżx il-linja tal-kontroll tal-ħin, speċjalment fost dawk taħt it-tmintax-il sena.

Fil-fatt bħalissa, il-Fondazzjoni għaddejja b’kampanja fost it-tfal fl-iskejjel biex it-tfal jagħrfu l-importanza li jilagħbu taħt il-kontroll tal-ħin u għandha l-ħsieb li testendi din il-kampanja fost l-iskejjel sekondarji u anke mal-ġenituri.

“Mhux tfajt lit-tfal fuq tablet jew il-kompjuter jilagħbu u l-aqwa li qegħdin kwieti. Importanti li jkun hemm kontroll tal-ħin mill-ġenituri u l-ħin ma jinqabiżx għax ikun hemm il-periklu li l-logħob jispiċċa l-unika prijorità,” insista Said. “Importanti li filwaqt li għandhom dritt jilagħbu, il-prijoritajiet għat-tfal għandhom jibqgħu l-istudju, l-iskola u l-ħajja soċjali, li joħorġu u jitkellmu ma’ ħaddieħor.”

 “Ejja nilqgħu mill-bidu u nżommu għajnejna miftuħa fuq it-tfal tagħna u naraw kemm qed iqattgħu ħin jilagħbu. Ilgħab. Għamel dawk is-siegħa, sagħtejn, iżda għamel ix-xogħol tal-iskola, studja, oħroġ iltaqa’ man-nies,” kompla jisħaq Said.

Said kompla jispjega li l-Fondazzjoni wkoll temmen ħafna dwar l-alternattivi għal-logħob u għalhekk taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet tal-ibliet u l-irħula biex jittellgħu diversi attivitajiet fosthom ta’ sports, arti, mużika u kultura, fejn it-tfal ikollhom alternattiva għal-logħob.

Madwar 1,000 persuna fis-sena teskludi lilha nnifisha mill-ħwienet tal-logħob

Lura għal-logħob tal-azzard, Kayne Said spjega kif fost il-ħafna servizzi li toffri, il-Fondazzjoni tipproċessa dawk magħrufa bħala “self exclusion requests.”

Dan xi jfisser? Said spjega kif bażikament, persuna tagħżel hi minn jeddha biex teskludi lilha nnifisha, għal sitt xhur, sena jew perjodu indefinit mill-istabbilimenti kollha tal-logħob li huma liċenzjati mill-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Li jiġri huwa li persuna li tkun tixtieq dan is-servizz, għandha ċċempel fuq 1777, tagħmel appuntament biex tiltaqa’ mal-Fondazzjoni b’kunfidenzjalità assoluta u tagħti d-dettalji personali tagħha li jiddaħħlu f’sistema amministrata mill-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Wara li tagħmel dan, il-persuna li tkun għażlet li teskludi lilha nnifisha, ma tkunx tista’ tidħol fil-ħwienet tal-logħob liċenzjati mill-MGA.

“Dan il-proċess jgħin ħafna lill-persuni. Ikollna numru konsiderevoli tagħhom. Kull sena jkun hemm madwar 1,000 applikazzjoni. Hemm persuni li ġew għall-ewwel darba, oħrajn li jġeddu u oħrajn li joħorġu mill-vizzju,” kompla jgħidilna Said.

Barra minn hekk, ikun hemm ċirkostanzi, fejn il-Fondazzjoni tħeġġeġ persuna biex tfittex għajnuna medika wkoll minn professjonist fil-qasam.

U l-ħwienet tal-logħob mhux iżidu l-problema?

Fl-aħħar nett la semmejna l-ħwienet tal-logħob liċenzjati, ma stajniex ma nistaqux lil Said jekk dawn hux qed iżidu l-problema jew hijiex perċezzjoni li qed jinfetħu f’ċertu lokalitajiet fejn l-aktar li hemm problemi soċjali. Teżisti statistika fejn hemm konċentrazzjoni tal-aktar persuni bil-vizzju tal-logħob?

Kayne Said spjegalna kif ir-riċerka hija limitata ħafna u bdiet issir fl-aħħar snin biss u qabel ma kien hemm kważi xejn.

Fil-fatt, apparti l-istatistika li ħarġet l-MGA, il-Fondazzjoni nediet proġett ta’ riċerka u taħriġ. Se ssir riċerka dwar il-problema tal-logħob f’Malta u wara, skont ir-riżultati u l-analiżi tar-riċerka, il-Fondazzjoni se tkun qed taħdem fuq kampanja ta’ għarfien u toffri taħriġ għal dawk kollha li jaħdmu mal-vittmi, inkluż il-ħaddiema tagħha stess, dawk tal-FSWS, ħaddiema tal-kumpaniji tal-logħob, professjonisti u anke għalliema.

Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €1 miljun u se jkun iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

“Ma nistgħux nibqgħu nitfgħu l-vizzju tal-logħob taħt it-tapit. Irridu nqisuh bħala realtà. Għall-kuntrarju tal-vizzju tal-alkoħol, id-droga u t-tipjip, dak tal-logħob ma għandux riperkussjonijiet fiżiċi u allura aktar diffiċli biex tinduna li persuna jkollha problema,” temm jgħid Said.

Jekk għandek bżonn l-għajnuna ċempel fuq 1777 jew żur is-sit www.rgf.org.mt fejn tista’ titkellem u tiftaħ qalbek b’mod anonimu u kunfidenzjali ma’ wieħed mill-aġenti tal-Fondazzjoni.

More in Socjali