Ir-ramel tas-Saħħara għatta lill-Gżejjer Maltin għal sitt ijiem sħaħ f'April

Anke jekk għamlet xita tal-ħamrija, April kien aktar niexef mis-soltu

Ħafna li l-ħin kollu jaħslu l-karozza jew inkella jillustraw il-ħġieġ ma tantx ħadu gost bix-xahar ta’ April. Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ir-ramel mis-Saħħara għatta lill-gżejjer Maltin għal sitt ijiem sħaħ.

Iżda l-ħmura fis-sema ma tantx damet lanqas ma taret mar-riħ qawwi li ħakem lill-gżejjer hekk kif matul April, il-qawwa tar-riħ laħqet medja ta’ 10.3 knots, 0.8 knots iktar qawwi min-norma klimatika.

It-temperaturi kienu wkoll aktar baxx mill-medja. Normalment, it-temperatura medja matul dan ix-xahar hija ta’ 16.1°C, iżda din is-sena tbaxxiet għal 15.9°C.

Il-medja tal-iktar temperaturi għoljin għal dan iż-żmien tas-sena s-soltu tkun ta’ 19.8°C, iżda din is-sena, April kien ikseħ mis-soltu.

Fil-fatt, il-medja tal-iktar temperaturi sħan niżlet b’0.7°C.

Il-medja tal-iktar temperaturi baxxi baqgħet prattikament l-istess, ladarba saħnet biss b’0.2°C meta mqabbla man-norma klimatika ta’ 12.4°C.

Anke jekk għamlet xita tal-ħamrija, April kien xahar pjuttost niexef, hekk kif tkejlu biss 15.4mm ta’ xita, li 39% minnhom ġew reġistrati fil- 5 t’April, l-iktar jum imxarrab tax-xahar.

Madankollu, l-ewwel ġimgħa ta’ April kienet laħqet ippreparatna għal xahar imdallam u tempestuż, wara li x-xemx baqgħet ma dehritx għal erbgħa mill- ewwel ħamest ijiem tax-xahar.

Madankollu, ix-xemx Maltija tant mistennija ma damitx ma reġgħet tfaċċat, u malajr pattiet għall- perjodu qasir ta’ maltemp.

Il-Gżejjer Maltin gawdew 240.7 sigħat ta’ xemx matul April, li jammontaw għal 8 sigħat inqas mill-medja għax-xahar.

Minkejja dan, medja ta’ 8 sigħat ta’ xemx kuljum dawlu l-jiem tat-tieni xahar tal-istaġun tar-Rebbiegħa, filwaqt li l-iktar jum imdawwal tax-xahar, it-28 t’April, irreġistra total ta’ 12.5 sigħat ta’ xemx.

More in Socjali