Sorpriża għal Monsinjur Grech mingħand eks resident ta' San Blas

Eks resident ta' San Blas jaħdem bust fil-ġebel tal-Monsinjur li ddedika 40 sena għal dawk bil-vizzju tad-droga

Dar Charles Miceli, servizz ta’ Aftercare għal persuni li qed jirkupraw mid-dipendenza fuq id-droga, qed tiċċelebra għeluq l-ewwel sena minn mindu laqgħet l-ewwel klijenti tagħha.

Dan qed jaħbat ukoll mal-50 Anniversarju ta’ Caritas Malta u għalhekk saru diversi attivitajiet ċelebrattivi mill-klijenti u l-istaff li jagħmlu parti minn din id-dar.

Nhar it-Tnejn 4 ta’ Marzu, Monsinjur Victor Grech li wara Dun Fortunato Mizzi, iddedika aktar minn 40 sena ta’ ħidma sħiħa fi ħdan Caritas Malta kien il-mistieden speċjali.

Mons. Grech iltaqa’ mal-grupp ta’ persuni li qed jibbenefikaw minn din id-dar u b’sorpriża kixef ukoll bust tiegħu li nħadem minn wieħed mill-klijenti li għamel il-programm f’San Blas.

Godwin Spiteri, li ħadem dan il-bust, żviluppa l-iskultura u talenti artistiċi tiegħu waqt ir-riabilitazzjoni f’San Blas u l-bust ta’ Monsinjur Victor Grech kien l-ewwel attentat ta’ portrait li hu għamel fil-ġebel.

Kien ilu jaħdem fuq dan il-bust minn Novermbru tal-2018 fil-ħin liberu fid-Dar Charles Miceli stess.

“Sorpriza kbira! Qatt ma stennejtha! Inħossni kuntent li din l-arti ħarġet minn idejn persuna li sab ir-refuġju tiegħu fil-Caritas,” saħaq Monsinjur Grech malli ra dan il-bust.

Waqt id-diskors tiegħu, Monsinjur Grech tkellem fuq kif wieħed irrid ifittex u jara s-sabiħ li hemm fih u li m’għandu jaqta’ qalbu qatt fil-vjaġġ tiegħu għall-fejqan.

Stqarr li Caritas Malta qed tkompli bis-sħiħ l-appoġġ għall-persuni fil-bżonn u ħeġġeġ biex min għandu bżonn jersaq għall-għajuna għandu jagħmel dan bla biża’ li jiġi ġġudikat.

Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, esprima l-apprezzament għall-Monsinjur Victor Grech u għall-ħidma sfiqa u kontinwa tiegħu u għat-triq li witta fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga u fil-ħidma mal-fqir u l-emarġinat.

Anthony Gatt irringrazzja  wkoll lill-awtoritajiet tal-appoġġ biex infetħet din id-dar u wkoll lill-Gvern tal-kontribut finanzjarju, lill-benefatturi u lis-Sorijiet tal-Karità li offrew id-dar li tospità dan is-servizz.

More in Socjali