In-nuqqas tas-smigħ assoċjat mad-dimensja, id-dipressjoni u l-esklużjoni soċjali

Nhar il-Ħadd li għadda kien il-Jum Dinji ddedikat għas-smigħ, bl-Għaqda Dinjija għas-Saħħa tisħaq dwar l-importanza li kulħadd jeżamina s-smigħ tiegħu. Iżda s-smigħ kif jista’ jkun affettwat? Ħsejjes tal-kostruzzjoni jistgħu jħallu effett? U hearing aid biżżejjed?

Illum, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qed tiċċelebra l-Jum Dinji tas-Smigħ bit-tema magħżula għal din is-sena tinsisti dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb dan is-sens u jiċċekja l-livell ta’ smigħ tiegħu.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-awdjoloġista Christopher Deguara li spjega kif għalkemm huwa proċess naturali li l-livell tas-smigħ jonqos mal-età, wieħed jista’ jgħaġġel dan il-proċess jekk jesponi ruħu kontinwament u mingħajr protezzjoni għal storbju eċċessiv.

Mistoqsi min jista’ jkun l-aktar f’riskju, l-awdjoloġista semma persuni li jisimgħu mużika għolja fuq headphones, persuni li jaħdmu jew li jiffrekwentaw ta’ spiss id-diskoteki u anke dawk li jipprattikaw delizzji partikolari, fosthom il-kaċċaturi u anke l-persuni li jdoqqu l-qniepen, fost oħrajn.

“Għal dawn jew oħrajn, jekk ma jipproteġux lilhom infushom b’ear plugs, ir-rata tad-deterjorazzjoni tas-smigħ se tkun aktar mgħaġġla. Dak li jkollu jiġri fl-età ta’ 80 sena se jiġri f’età iżgħar,” spjega l-awdjoloġista. “Il-prevenzjoni hija importanti ħafna.”

Ta’ min nagħmlu aċċenn partikolari għall-fatt li meta wieħed qed jitkellem fuq nuqqas ta’ smigħ mhux qed jirreferi għal persuni li ma jisimgħu xejn, iżda għal dawk li s-smigħ tagħhom ma jaqbadx ċertu frekwenzi partikolari.

“Ma ninsewx li kull ittra għandha frekwenza u intensità partikolari. Li jiġri huwa li tibda tisma’ imma ma tifhimx, għax kull kelma li tisma’ jibda jkollha ittri neqsin, skont il-frekwenzi li tkun tisma’,” kompla jispjega Deguara. “Tajjeb nifhmu d-differenza bejn li wieħed jisma’ u li wieħed jifhem. Li tisma’ huwa proċess li qiegħed isir fil-widna, iżda huwa l-moħħ li jipproċessa u jifhem dawk is-sinjali. Għandna żewġ widnejn u żewġ partijiet fil-moħħ li jagħmlu dan il-proċess.”

X’inhuma l-ewwel sintomi?

Lura għall-prevenzjoni, l-awdjoloġista spjega kif jekk wieħed jesponi lilu nnifsu għal tul ta’ ħin għal storbju eċċessiv, bħal ngħidu aħna erba’ sigħat kuljum jisma’ mużika għolja fuq headphones, ikun qiegħed jagħmel ħsara li hija permanenti. Kompla jispjega li din tibda b’mod temporanju, bħal meta persuna toħroġ minn diskoteka u tisma’ żarżir u tisfir f’widnejha għal tul ta’ ħin.

“Dawn huma l-ewwel sintomi. Iżda meta dan ikun irrepetut darba wara l-oħra u wara l-oħra, il-ħsara li ssir tkun permanenti,” saħaq l-awdjoloġista.

Min jesponi lilu nnifsu għal storbju eċċessiv għal tul ta' ħin huwa aktar f'riskju
Min jesponi lilu nnifsu għal storbju eċċessiv għal tul ta' ħin huwa aktar f'riskju

Kif jidħlu d-dimensja u d-dipressjoni?

Iżda għalfejn huwa importanti li wieħed jiċċekja l-livell tas-smigħ? Christopher Deguara saħaq li filwaqt li s-smigħ naħsbuh xi ħaġa trivjali jew forsi ma tantx nagħtu kasu għax imdorrija bih, il-verità hi li jeżistu ħafna assoċjazzjonijiet.

“Irridu noqogħdu attenti. Il-popolazzjoni qiegħda tikber u għalkemm mhux il-kawża, in-nuqqas tas-smigħ huwa assoċjat mad-dimensja, mad-dipressjoni u mal-esklużjoni soċjali, fost oħrajn,” qalilna l-awdjoloġista. “Immaġina persuna li tmur attività, kulħadd qed jitkellem,  iżda hu qed jisma’ u mhux jifhem.”

Semma wkoll assoċjazzjonijiet oħra, fosthom it-tinitus, kundizzjoni tedjanti ħafna fejn persuna tibda’ tisma’ ħsejjes ta’ kull tip, b’mod partikolari meta jkun fis-silenzju.

Staqsejnieh kif in-nuqqas ta’ smigħ jista’ jaffettwa d-dimensja. “Fi kliem sempliċi, meta inti mhux tħaddem dik il-parti tal-moħħ li tifhem u tipproċessa l-ħsejjes, se titlifha. Kif ngħidu bl-Ingliż: What we do not use, we lose,” spjega Deguara u dan wassalna biex nitkellmu dwar il-hearing aids.

‘Hearing aid għandha tamplifika biss ċertu frekwenzi’

L-ewwel u qabel kollox, appella lill-pazjenti biex jagħtu ċans li jidraw il-hearing aid. Bħal xi ħadd li jbiddel lenti ta’ nuċċali, persuna li juża hearing aid irid jagħti ftit ċans li jidraha.

“Għall-ewwel tista’ tkun xokkanti. Immaġina perjodu twil ta’ żmien li fih ma tkunx qed tistimola dik il-parti tal-moħħ li tgħinek tifhem dak li qed tisma’ u f’daqqa waħda tagħmel il-hearing aid u tibda tisma’. Għall-bidu tista’ ma tirrikonoxxix ċertu ħsejjes, bħal pereżempju ċ-ċekċik tal-platti jew it-tħaxwix tal-karti.”

Komplejna nitkellmu dwar il-hearing aids, b’Deguara jinsisti dwar l-importanza li dawn ikunu adegwati. Fi kliemu, dawn ma għandhomx ikunu hearing aids li jamplifikaw il-frekwenzi kollha, għax dawn ma jkunux qed jamplifikawx biss il-frekwenzi neqsin, iżda jamplifikaw kollox u jispiċċaw jagħmlu aktar ħsara milli ġid.

L-awdjoloġista spjega kif wara li jsir test kif għandu jsir, hearing aid tkun tista’ tiġi ssettjata għall-bżonnijiet partikolari tal-pazjent, fejn jogħlew f’ċertu livelli dawk il-frekwenzi li persuna tkun qed tbati biex tisma’.

Kien hawn li l-awdjoloġista saħaq dwar l-importanza li meta wieħed jagħmel dan it-test, imur għand awdjoloġisti professjonali u rreġistrati li jistgħu jagħtu lill-pazjent stampa aktar olistika.

L-awdjoloġista Christopher Deguara
L-awdjoloġista Christopher Deguara

‘Jekk espost għal storbju eċċessiv uża hearing plugs’

Mistoqsi kemm hu komuni n-nuqqas ta’ smigħ f’Malta, l-awdjoloġista spjega kif statistika nazzjonali ma teżistix, iżda l-prelevanza internazzjonali hija ta’ bejn 10 u 15% tal-popolazzjoni u qed ikun previst li r-rata se tkompli tikber, anke għax l-istorbju ta’ madwarna kulma jmur qiegħed jiżdied.

L-awdjoloġista tenna l-importanza li dawk li huma esposti għal storbju eċċessiv jużaw affarijiet apposta biex jipproteġu widnejhom. “Qed tiġini f’moħħi persuna partikolari li ddoqq il-qniepen u ta’ 40 sena diġà qed tbati minn nuqqas ta’ smigħ.”

Malli l-ħsara tkun saret ma hemmx triq lura ħlief affarijiet li jistgħu jgħinuk, bħalma huwa nuċċali jew bastun. Bastun mhux se jfejqek iżda se jgħinek. L-istess hearing aid, spjega Deguara. L-ebda hearing aid mhi se tagħtik dak li hu naturali, iżda tista’ tgħinek.

‘Anke l-ħsejjes tal-kostruzzjoni jistgħu jħallu effett’

Ma stajniex ma nirreferux għall-fatt li skont statistiċi Ewropej, inkluż il-Eurostat, Malta hija l-aktar pajjiż storbjuż tal-Unjoni Ewropea. It-traffiku, il-kostruzzjoni u ħsejjes oħra kollha jaffettwaw dak li jissejjaħ ‘noise pollution.’ Dan x’effett jista’ jkollu fuq is-smigħ?

“Dawn il-ħsejjes, inkluż dawk tal-kostruzzjoni, jekk wieħed se jkun kontinwament espost għalihom jistgħu jkollhom ukoll effett dirett fuq il-livell tas-smigħ ta’ persuna,” spjega l-awdjoloġista. “Meta għandek sit ta’ kostruzzjoni wieħed f’żona partikolari huwa differenti minn meta għandek erba’ siti ta’ kostruzzjoni fl-istess żona.”

‘…anke s-sewwieqa tal-muturi għandhom joqogħdu attenti’

L-istess jgħodd għat-traffiku, bl-awdjoloġista jagħmel aċċenn partikolari fuq is-sewwieqa tal-muturi li jkunu esposti għal ħafna aktar storbju mis-sewwieqa tal-karozzi.

Iżda staqsejna lil Deguara x’jistgħu jagħmlu sewwieqa tal-muturi. Dawn jistgħu jilbsu ear plugs? L-awdjoloġista wieġeb li jeżistu ear plugs li jiffiltraw frekwenzi jew ħsejjes partikolari fejn pereżempju sewwieq ta’ mutur ma jismax il-magna b’daqshekk intensità iżda ħorn ta’ karozza jisimgħu.

“Jeżistu filtered ear plugs għal mużika u anke għal ċertu ħsejjes tal-kostruzzjoni,” kompla l-awdjoloġista. “Immaġina persuna li għandu passatemp ta’ mastrudaxxa u qed jaqta’ bil-jigsaw. Tqatta’ llum u tqatta’ għada… kollox jista’ jaffettwa. Immaġina tal-laħam li qed jaqta’ biċċa għadma jew mastrudaxxa li jaħdem fulltime.”

Interessanti li mal-awdjoloġista tkellimna fuq ħsejjes li nisimgħuhom il-ħin kollu. “Mhux se tkun affettwat jekk tmur siegħa kollox tkellem mastrudaxxa, iżda dak il-mastrudaxxa li jagħmel tmien sigħat jisma’ taħbit u tqattigħ bil-jigsaw jista’ jagħmel ħsara jekk ma jipprevenix,” kompla Deguara.

X’għandu jsir fuq il-postijiet tax-xogħol?

Mistoqsi dwar il-postijiet tax-xogħol, fejn l-impjegati huma esposti kontinwament għall-istorbju, l-awdjoloġista spjega kif huwa rrakkomandat li qabel wieħed jibda xogħol għandu joqgħod għat-test tas-smigħ biex wieħed ikun jista’ jassessja, kull tant żmien, jekk l-istorbju hux qed ikollu effett u anke jkun hemm testijiet fuq il-livell ta’ storbju f’post tax-xogħol.

Fejn ma jkunx possibbli li l-istorbju jkun ikkontrollat, Deguara spjega li huwa importanti li l-ħaddiema jużaw dawn l-ear plugs li jiffiltraw il-ħoss.

“Ħaddiem ta’ gaffa għandu dejjem jużahom. Jekk xi ħadd se jgħajjatlu se jisimgħu xorta,” kompla jisħaq.

Kull meta għandu jsir test tas-smigħ?

Mistoqsi kemm-il darba għandu jsir dan it-test tas-smigħ, l-awdjoloġista qal li l-ideali huwa li wieħed jagħmlu kull sentejn iżda għal min jaħseb li s-smigħ tiegħu mar lura ħafna, għandu jitkellem mat-tabib tal-familja jew inkella ma’ speċjalista għax jista’ jkun hemm diversi raġunijiet.

Pereżempju wieħed jista’ jkun li jagħmel ħsara lit-tanbur jekk ibati mis-sinus u jkun siefer b’ajruplan. “Ma rridux nallarmaw lin-nies iżda jista’ jkun hemm affarijiet kliniċi wkoll li jinfluwenzaw is-smigħ u għalhekk tajjeb li wieħed ifittex l-għajnuna.”

Kif l-aħjar tikkomunika ma’ persuni b’nuqqas ta’ smigħ

Għalaqna billi staqsejnieh kif l-aħjar li wieħed jikkomunika ma’ persuna li tbati b’nuqqas ta’ smigħ, bl-awdjoloġista jisħaq fuq l-importanza li wieħed jitkellem bil-mod.

“Meta jonqos is-smigħ, il-bniedem jaddatta ruħu biex imur għal sensi oħra. Dawn il-persuni x’aktarx se jużaw aktar is-sens tal-ħars u jidraw iħarsu lejn ix-xoffa u kważi kważi jaqraw dak li qed jingħad,” kompla jispjega għalkemm appella biex persuna nieqsa mis-smigħ tipprova kemm jista’ jkun tikkoreġi l-problema biex ma toħloqx stress fuq is-sensi l-oħra.

More in Socjali