‘F’Għawdex aktar faċli tixtri d-droga milli flixkun ilma’

Żagħżugħ Għawdxi jagħmel kuraġġ u jagħżel li jitkellem mal-ILLUM dwar dik li jsejħilha bħala l-epidemija tad-droga f’Għawdex. Kemm hi reali din il-problema? Kemm hu faċli ssib id-droga f’Għawdex?

'Tmur fil-pjazez fid-dawl tax-xemx ta’ nofsinhar u tarahom iqassmu d-droga'
'Tmur fil-pjazez fid-dawl tax-xemx ta’ nofsinhar u tarahom iqassmu d-droga'

Fl-aħħar ġimgħat, diversi Għawdxin, inkluż politiċi, għamlu kuntatt mal-gazzetta ILLUM biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar id-droga u t-traffikar tagħha f’Għawdex. Wara li din l-istess gazzetta żvelat il-każ tal-pulizija Għawdxi li ġie arrestat wara li nqabad bid-droga kokaina, żagħżugħ ċemplilna għax xtaq li jiltaqa’ magħna biex jitkellem dwar din il-problema, li fi kliemu saret il-pjaga tal-gżira Għawdxija.

“Tmur fil-pjazez fid-dawl tax-xemx ta’ nofsinhar u tara d-droga titqassam,” saħaq dan iż-żagħżugħ li talabna ma nsemmux ismu. “Meta tara lil sħabek jaqtgħuk ’il barra għax inti ma tiħux droga jew għax ma għandekx flus biex tixtriha, tweġġa’ u tinduna li hemm problema.”

Iżda mill-ewwel staqsejna lil dan iż-żagħżugħ jekk din hix problema taċ-ċirku ta’ ħbieb li kien ikun magħhom hu, iżda mill-ewwel ħatafna fil-kelma u qalilna li din hija problema Għawdxija.

"Tant kemm hi mifruxa l-problema tad-droga f'Għawdex li jien spiċċajt bla ħbieb," kompla jgħidilna.

Wieħed irid ikun student Għawdxi biex jifhem is-sagrifiċċji li jagħmlu dawn iż-żgħażagħ li jgħixu ġimgħa sħiħa Malta ’l bogħod mill-familja. Kif jasal tmiem il-ġimgħa, ġenn ikollhom biex jitilgħu Għawdex.

“Il-ġimgħa filgħaxija nitla’ Għawdex u nċempel ħabib biex niltaqgħu. Jgħidli bqajt Malta. Sakemm baqa’ Malta biex imur Paceville nifhimha, imma mhux jgħidli li se joqogħdu fl-appartament ta’ ħabib tiegħu. Nassigurak li fl-appartamenti tal-Imsida ma’ hemm xejn speċjali. Allura xi jkunu baqgħu jagħmlu?” kompla jistaqsina.

‘Jekk joffrulek joint u tieħdu tista’ tgħid li nqbadt f’kobba’

Mingħajr ma qagħad idur mal-lewża, qalilna li darba ħabib tiegħu tah joint biex ipejjipha.

“Ġie ħabib tiegħi u tani joint. Ħadtha. Tħossok tajjeb. Imma jien kont kapaċi nieqaf hemm. F’Għawdex illum tawk joint, għada se jagħtuk il-kokaina u pitgħada se jagħtuk l-eroina,” kompla jgħidilna. “Jekk ma tiħux kollox se niżgarraw. Qisek inqbadt f’kobba u jibqgħu jiġru warajk għax ma jafdawkx.”

‘Tmur fil-pjazez u taraha titqassam’

Iżda fi kliemu, ma hemmx għalfejn tkun xi okkażjoni speċjali. “Tmur fil-pjazez u taraha titqassam. L-hena tiegħi nintefa’ Pjazza San Ġorġ ir-Rabat nieħu tazza nbid. Jiġi t-tali, irembel joint u jpejpu qisu xejn mhu xejn quddiem pjazza nies.”

Kemm hu faċli taċċessa d-droga f’Għawdex? “Aktar faċli ġġib id-droga milli l-ilma. Jekk mhux temminni, ejja u ara b’għajnejk. Qed ngħidlek dan b’responsabbilità,” weġibna minnufih.

“Jiġifieri hemm ħafna li jbigħu d-droga?,” staqsejnieh. “Ħafna u din hija l-problema” weġibna mill-ewwel. “Persuna li għadu jlesti l-iskola u ilu ftit xhur biss jaħdem, ta’ 16-il sena jista’ jkollu l-aqwa karozza, jista’ jmurlek New York, jista’ jkollu l-aqwa ħwejjeġ u saħansitra jixtri appartament biex jikrih? Dan ukoll jurik,” kompla jgħidilna.

‘Id-droga saret epidemija…il-festi saru l-bejta’

Tkellimna dwar fejn huwa l-aktar faċli li taċċessa d-droga. Qalilna li faċli ssibha ħafna fil-barijiet, b’mod partikolari semma bar partikolari li mhux se nsemmuh f’dan l-artiklu għax faċli jkun identifikat.

“Tinsiex. Għawdex ftit għandna fejn imorru. Fejn ma tantx hemm x’tagħmel, jew fejn tmur, qed tiftaħ il-bibien beraħ għal epidemija biex tinxtered.” “Jiġifieri qed tirreferi għall-problema tad-droga bħala epidemija?” staqsejnieh. “Hekk hu. Epidemija,” weġibna bla tlaqliq.

Hawnhekk, il-kliem waqa’ wkoll fuq il-festi, biż-żagħżugħ jgħidilna li dawn saru l-bejta tad-droga, u mhux fil-festa ta’ lokalità waħda jew tnejn.

Imma infurzar ma hemmx?

“Iżda infurzar ma hemmx? Il-Pulizija fejn ikunu?” staqsejna lil dan iż-żagħżugħ. “Fil-festa jkunu jafu x’inhu għaddej. Mhux hemm ikunu fil-marċi? Ma jafux x’inhu jiġri?” staqsiena lura dan iż-żagħżugħ.

Kien hawn li semma l-każ li żvelat din il-gazzetta, tal-kuntistabbli żagħżugħ li kien ilu sentejn fil-Korp qabel ġie arrestat għax inqabad bid-droga bħal-lum ħmistax waqt logħba futbol, b’aktar droga saħansitra tinstab fil-vettura tiegħu. “Insemmilek dan il-każ u nieqaf hawn!” saħaq dan iż-żagħżugħ.

‘Jekk taħseb li qed nesaġera…ejja Għawdex u ara b’għajnejk’

Staqsejnieh jekk hux qed jiġġeneralizza ħafna u jekk hux qed jagħti impressjoni li ż-żgħażagħ Għawdxin huma kollha ħżiena. “U żgur li mhux kollha ħżiena,” qalilna. “Iżda mbilli ngħidu hekk x’se nsolvu? Hemm problema u jeħtieġ tkun indirizzata.”

Mistoqsi x’jaħseb li hemm bżonn isir biex din il-problema tissolva, iż-żagħżugħ insista li f’Għawdex hemm bżonn li l-Pulizija tkun aktar preżenti u twettaq rejds f’dawk il-postijiet fejn kulħadd jaf li jkun hemm id-droga.

U lil min jaħseb li qed jesaġera, x’jgħidlu? “Ejja Għawdex. Għamilha li għandek ħafna flus, staqsi għaliha u tirrealizza li għandi raġun u li hemm problema,” temm jgħidilna.

More in Socjali