‘Qed jiżdiedu ħafna l-każijiet ta’ minuri li qed jibagħtu ritratti pornografiċi tagħhom lil xulxin’

Ir-reati ta’ pornografija tat-tfal qed jiżdiedu iżda ħafna minnhom huma minuri stess li jibagħtu ritratti intimi tagħhom lil xulxin. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ispettur Joseph Busuttil.

Fl-aħħar erba’ snin, f’Malta, żdiedu b’mod sostanzjali r-reati marbuta mal-pornografija tat-tfal, fejn sa ftit tax-xhur ilu, il-Pulizija qabdet ċirku ta’ ħames pedofeli f’temp ta’ jumejn.                      

Dan qalu mal-gazzetta ILLUM l-Ispettur Joseph Busuttil mill-Vice Squad, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li spjega kif fl-aħħar erba’ snin u nofs, kemm ilu bbażat f’din l-iskwadra, innota li kull sena qed ikun hemm żieda fir-reati marbuta mal-pornografija tal-minuri.

Iżda l-Ispettur mill-ewwel ġibdilna l-attenzjoni fuq il-fatt li marbuta ma’ dawn qed jiżdiedu l-każijiet ta’ minuri, kważi kważi tista’ ssejħilhom tfal, li jibagħtu ritratti intimi tagħhom stess lil xulxin.

“Jekk wieħed iħares lejn iċ-ċifri marbuta ma’ dawk li tressqu l-Qorti fuq reati ta’ pornografija, se tara li dawn żdiedu immens, imma ħafna minnhom huma każijiet ta’ minuri li jibagħtu ritratti pornografiċi tagħhom stess lil xulxin,” saħaq l-Ispettur.

Semma każ partikolari ta’ tfajla li kien għad għandha inqas minn 14-il sena, ġibdet filmat tagħha tagħmel affarijiet sesswali u bagħtitu liż-żagħżugħ tamparha li kienet qed toħroġ miegħu. Malli dawn kellhom l-ewwel intopp, iż-żagħżugħ xerred il-filmat ma’ sħabu u l-filmat baqa’ dejjem jiġri sakemm żagħżugħ tellgħu fuq sit pornografiku barrani.

“Allura ġejna f’sitwazzjoni li kellek tfajla minuri Maltija li filmat pornografiku tagħha kien fuq sit barrani,” saħaq l-Ispettur waqt li spjega li sakemm infurmaw lis-sit partikolari li t-tfajla kellha biss 14-il sena, kienu għaddew madwar erba’ sigħat.

“Dan ifisser li f’dawk l-erba’ sigħat seta’ kien hemm min ra u saħansitra niżżel dak il-filmat,” kompla l-Ispettur. “Diġà huwa ħażin li tfal jibagħtu filmati tagħhom infushom għarwenin, iżda hawn ilħaqna livell ieħor.”

Iżda jekk ritratt qiegħed jintbagħat bil-kunsens xorta waħda illegali?

Għalhekk, biex nagħmluha ċara, staqsejna lill-Ispettur jekk persuna taħt l-età tkunx qed twettaq reat jekk tibgħat filmat jew ritratt intimu tagħha lil xi ħadd ieħor. L-Ispettur wieġeb fil-pożittiv u saħaq li kellhom każijiet ta’ minuri li tressqu l-Qorti fuq każijiet simili.

Iżda apparti minn hekk, l-Ispettur Busuttil kompla jispjega li kull min qiegħed iżomm għandu ritratt jew filmat pornografiku li fih tidher persuna taħt l-età, qiegħed iwettaq reat kriminali.

“Anke jekk iżżomm għandek ritratt wieħed pornografiku ta’ minuri, mingħajr ma xerridtu, dan huwa illegali,” insista l-Ispettur. “Biex nagħmluha ċara. Anke jekk għandek żewġ minuri li qed jibagħtu ritratti pornografiċi tagħhom lil xulxin u qed iżommuhom, dak huwa illegali.”

‘Ħafna minuri ma jifhmux il-konsegwenzi li qed iġibu b’idejhom’

“Dawn saru każijiet komuni u żdiedu ħafna,” saħaq l-Ispettur tant li bħalissa l-Vice Squad għaddejja b’numru ta’ kampanji ta’ għarfien fl-iskejjel. “Ilna sentejn induru l-iskejjel u nixtiequ li sas-sena d-dieħla nkunu dorna l-iskejjel kollha.”

Kien hawn li wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li ħafna minuri ma jifhmux il-konsegwenzi li jġibu b’idejhom stess meta jibagħtu ritratti intimi tagħhom. “Insa li titressaq il-Qorti...immaġina tikber u ssir pulizija, tkun għalliem jew toħroġ għall-politika jew tkun sempliċiment ġenitur u jfeġġ ritratt tiegħek għarwien meta kellek 16-il sena. Qatt ma tista’ tgħid x’sar minn ritratt” saħaq l-Ispettur.

Fil-fatt, l-appell tiegħu lill-istudenti dejjem ikun li qatt mhu se jiggwadanjaw xejn għax jibagħtu ritratt intimu tagħhom. “Titilfu biss tistgħu,” jgħidilhom Busuttil.

‘Ġenituri, mingħajr ma jafu, xerrdu ritratti pornografiċi ta’ wliedhom’

Iżda apparti dan, din l-iskwadra qed titkellem u tqajjem kuxjenza wkoll fost il-ġenituri, għax fi kliem l-Ispettur, kien hemm każijiet ta’ ġenituri li mingħajr ma jafu u mingħajr ma jridu, kienu huma stess li qed jgħaddu pornografija tal-minuri lil ħaddieħor.

“Ikollok ġenituri li bla ma jridu jtellgħu xi ritratt tat-tfal tagħhom qed jieħdu banju. Dan huwa illegali anke jekk warajhom ma jkun hemm l-ebda intenzjoni ħażina. Imma tkun qed tistieden lil min għandu intenzjoni ħażina li jniżżel dawn ir-ritratti u jxerridhom,” kompla jispjega l-Ispettur Bonnici.

Waqt li konna qed nitkellmu fuq każijiet ta’ pedofelija, staqsejna lill-Ispettur jekk jinnutax xi fattur komuni fil-każijiet ta’ pornografija tat-tfal u mill-ewwel wieġeb li ħafna drabi, il-pedofeli jkunu persuni li jkunu ġew abbużati meta kienu għadhom tfal.

“Ma jfissirx li dejjem ikunu persuni li ġew abbużati, imma ħafna drabi ninnutaw din it-tendenza,” saħaq Bonnici u kien għalhekk li appella dwar l-importanti li tfal li jkunu ġew abbużati sesswalment jingħataw mill-ewwel l-għajnuna li jkollhom bżonn.

‘Anke adulti li jibagħtu ritratti intimi tagħhom qed iwettqu reat’

Diġà missejna ma’ każijiet ta’ revenge porn, jiġifieri każijiet fejn raġel jew mara jxerrdu filmati intimi tal-eks sieħeb jew sieħba tagħhom, biex “ipattuha” lil xulxin.  Għalkemm dawn huma każijiet li ħafna drabi jagħmlu ftit tal-ħoss mhux ħażin fuq il-midja, l-Ispettur saħaq li mhumiex każijiet daqshekk komuni.

Madanakollu, innota li dawn il-każijiet mhumiex marbuta biss maż-żgħażagħ hekk kif iltaqgħu wkoll ma’ każijiet ta’ adulti, li kienu ilhom snin miżżewġa u xerrdu filmati jew ritratti intimi tal-eks sieħeb jew sieħba tagħhom meta sseparaw jew iddivorzjaw.

“Ikollna wkoll nisa u rġiel li jheddu lil xulxin b’ritratti jew filmati simili,” saħaq l-Ispettur u kien għalhekk li mill-ġdid appella biex wieħed jifhem  li ġaladarba qed jibgħat imqar ritratt wieħed, tilef il-kontroll tiegħu.

“Dan biex ma nsemmux l-aspett legali. Ġaladarba għandek filmat, il-provi huma sfaċċati,” qalilna l-Ispettur.

L-istess bħall-każijiet tal-minuri, anke jekk żewġ persuni adulti qed ixerrdu filmati jew ritratti intimi tagħhom, dak huwa reat kriminali għax il-persuna tkun qed ixxerred materjal pornografiku.

‘Ġieli tellajna l-Qorti 52 persuna li xerrdu filmat wieħed’

Staqsejna lill-Ispettur Busuttil jekk ġaladarba kull min ixerred ritratt jew filmat pornografiku jkun qiegħed jikser il-liġi, ifissirx li jkellmu jew iressqu l-Qorti kull persuna li tkun għaddiet dan il-materjal.

“L-aktar li qbadna kienu 52 ruħ li xerrdu filmat wieħed. Tibda minn każ wieħed u dejjem tiftaħ u ssib in-nies,” wieġeb l-Ispettur, anke jekk saħaq li qatt ma jistgħu jkunu ċerti li qabdu l-persuni kollha.

Allura f’dawn il-każi, il-Pulizija tkellem lil kull persuna? “Inkellmu kull persuna, nieħdu stqarrija lil kull persuna u ntellgħuhom kollha. Dan il-każ partikolari ta’ 52 ruħ ħadilna sena sħiħa,” kompla jispjega Busuttil. “Sena wara, kien hemm każ ieħor li fih kienu tressqu madwar 30 persuna li xerrdu materjal wieħed.”

Il-pornografija estrema: illegali anke jekk aċċessata fil-privat

Iżda mal-Ispettur Joseph Busuttil tkellimna wkoll dwar reat ieħor marbut mal-pornografija u li forsi dwaru ftit li xejn hawn għarfien.

L-ewwel u qabel kollox irridu nifhmu li persuna li taċċessa materjal pornografiku fil-privatezza tad-dar tagħha, ma tkun qed tagħmel xejn kontra l-liġi. Diġà stabbilixxejna li dan isir reat, jekk il-persuna taċċessa pornografija tat-tfal, iżda huwa llegali wkoll li wieħed jaċċessa materjal ta’ pornografija estrema.

B’pornografija estrema, qed nifhmu filmati jew ritratti ta’ stupru, atti sesswali li jistgħu jwasslu biex persuna tweġġa’ serjament, bestjalità u atti oħra. 

Anke jekk ma tantx huma każijiet komuni, l-Ispettur Joseph Busuttil qal li liġi hija ċara u tonda. Anke jekk persuna taċċessa biss din it-tip ta’ pornografija, mingħajr ma tniżżel, jew inkella xxerred, tista’ teħel sa massimu ta’ tliet snin ħabs u multa ta’ €6,000.

Iżda l-Pulizija kif issir taf li persuna f’dar aċċessat pornografija illegali?

Iżda ġaladarba persuna tinsab fil-privatezza ta’ dar tagħha u qed taċċessa pornografija estrema jew inkella pornografija tat-tfal, il-Pulizija kif tista’ ssir taf? Bilfors irid ikollha informazzjoni minn terzi persuni?

“Diffiċli iżda mhux impossibbli,” saħaq l-Ispettur Busuttil waqt li spjega li jaħdmu id f’id ma’ entitajiet internazzjonali, anke għax dawn huma reati online u għalhekk jista’ jkun li jinqabdu minn awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra.

“Ġieli nirċievu IP address minn awtoritajiet barranin. Aħna naraw ta’ min hu, insibu l-apparat u dan jiġi investigat,” qal Busuttil.

Ta eżempju ta’ persuna li minn Malta qed tibgħat pornografija tat-tfal xi mkien fl-Istati Uniti jew inkella viċi-versa. Għalhekk l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi jinfurmaw lil xulxin dwar dak li jkun għaddej.

Jista’ jkun ukoll, kompla jispjega l-Ispettur, li pajjiżi barranin jaqbdu servers marbutin ma’ siti magħrufin ma’ min isegwi pornografija tat-tfal. “Dawn is-siti, biex insejħulhom hekk, ma tkunx tista’ taċċessahom mill-internet normali li għandek id-dar, iżda jekk ikollok ċertu programmi tkun tista’ tidħol f’dawn is-siti,” kompla l-Ispettur.

Li jiġri huwa li l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ikollu lista ta’ min ikun aċċessa dan is-sit partikolari u jgħaddi l-IP addresses lill-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi minn fejn ikun ġie aċċessat is-sit.

Kien hawn li semma każ partikolari li seħħ is-sena li għaddiet fejn il-Pulizija Maltija ressqet sebgħa l-Qorti, akkużati b’reati marbuta ma’ pornografija tat-tfal. Il-Pulizija Maltija kienet irċeviet informazzjoni mill-Interpol li kienet għadha kemm qabdet diversi persuni minn madwar id-dinja li aċċessaw, ipproduċew jew xerrdu pornografija tat-tfal.

Dan il-każ partikolari kien xi ftit disturbanti, hekk kif fost oħrajn, wieħed mill-akkużati kellu ritratti ta’ tarbija qed tiġi stuprata.

Iżda, apparti dan, il-Pulizija Maltija għandha wkoll software biex tiċċekkja minn jeddha għal dawn ir-reati. “Mhux kollox jinqabad iżda ġieli qbadna nies permezz tiegħu.”

Logħob online: raġel jistieden tifel Malti għal cybersex

Waħda mid-diffikultajiet li jiffaċjaw il-Pulizija hija l-fatt li t-teknoloġija kontinwament tinbidel. Biżżejjed wieħed isemmi l-apps ta’ komunikazzjoni li dejjem ifaqqsu u jiżviluppaw.

Fil-fatt, l-Ispettur Busuttil spjega kif ir-reati marbuta mal-pornografija żdiedu mhux biss għax żdiedu l-Pulizija f’din l-iskwadra, iżda anke għax it-teknoloġija dejjem qed tiżviluppa u għalhekk dejjem qed isir aktar faċli biex wieħed jaċċessa materjal pornografiku jew inkella jxerred.

Kien għalhekk li insista li l-Pulizija trid iżżomm ruħha dejjem aġġornata u  kontinwament jirċievu taħriġ fuq dawn it-teknoloġiji li jkunu qed jiżviluppaw.

Fost dawn semma wkoll każijiet ta’ persuni li jkunu qed jilagħbu logħba online flimkien u xi ħadd minnhom jistieden lill-ieħor biex jitkellmu fuq skype biex jagħmlu dak magħruf bħala cybersex.

Semma każ partikolari ta’ Malti li kien qed jilgħab online ma’ minuri Malti u stiednu biex jagħmlu cybersex. Dan kien inqabad u weħel ħames snin ħabs.

Mistoqsi jekk għandhomx biżżejjed riżorsi biex ilaħħqu mal-każijiet, l-Ispettur Busuttil qal li meta daħal f’din l-iskwadra kien hemm żewġ spetturi. Illum qegħdin erbgħa u kull spettur għandu t-tim tiegħu.

“Ovvjament aktar ma jkollok aktar se taqbad każijiet. Fejn imbagħad bit-teknoloġija ma naslux aħna nitolbu assistenza oħra, kemm tal-Qorti, permezz ta’ inkjesta Maġisterjali u anke l-għajnuna ta’ taqsimiet oħra tal-Pulizija,” temm jgħid l-Ispettur. “L-imporanti li aħna dejjem nirċievu taħriġ u nkunu aġġornati dwar l-aħħar teknoloġija.”

More in Socjali