Rachel: Minn fuq it-TV fuq Simpatiċi għal nutrizzjonalista

Rachel Micallef  żagħżugħa li għandha tassew għal qalbha l-attività fiżika u nutrizzjoni xierqa. L-ILLUM tiltaqa' magħha u tistaqsiha

Iddeskrivi ġurnata tipika tiegħek.

Filgħodu nqum kmieni, ħalli qabel ma nibda x-xogħol immur niġri. Kif nasal id-dar, ninħasel u nieħu l-kolazzjon. Wara, nirrispondi l-emails u l-messaġġi tal-klijenti. Nerħilha lejn l-istudio biex nibda l-ġurnata tax-xogħol, fejn nara l-klijenti tat-taħriġ personali. Fis-siegħa brejk li jkolli, niekol u nibda nipprepara għas-sessjonijiet ta’ taħriġ. Wara li nispiċċa, jekk ma jkunx tard, nagħmel ftit eżerċizzju jew kif kelli dan l-aħħar, prova ta’ xi reċta. Immur id-dar u sakemm insajjar, nerġa' nibda nirrispondi l-emails u l-messaġġi. Wara nkun nista' mmur norqod!

Irrakkonta l-esperjenza tiegħek fis-sensiela ferm popolari 'Simpatiċi'.

Simpatiċi kienet l-ewwel opportunità tiegħi fuq it-televixin u l-iktar waħda importanti bla dubju. Kienet esperjenza li laqqgħatni ma' ħafna nies ġodda u bosta talenti stabbiliti, li minnhom tgħallimt ħafna. Bis-saħħa ta’ Simpatiċi ksibt ħafna opportunitajiet.

Int ukoll Learning Support Educator ikkwalifikata. X'tikkummenta fuq din l-esperjenza u kemm tgħallimt minnha?

L-akbar sodisfazzjoni li kelli hu meta tisma’ lill-ġenituri tat-tfal jgħidu li bil-ħidma tiegħek għamilt differenza pożittiva fil-ħajja ta’ wliedhom.

Illum għadek attiva fil-qasam tad-drama?

Id-drama hi parti essenzjali minni. Għadni kif spiċċajt minn produzzjoni teatrali b’kitba ta’ Trevor Żahra. Nemmen li l-arti titwieled fik, għaldaqstant ma ngħixx mingħajrha. Fost il-ġranet tax-xogħol twal u impenjati sa tard billejl, nipprova niddedika ftit ħin biex nagħmel dan.

Kif jirnexxielek tlaħħaq ma' kollox fil-ħajja ferm mimlija tiegħek?

Nipprova nkun organizzata u nqassam ħini kif suppost. Illum il-ġurnata, tgħallimt nippjana l-ġranet tiegħi sew.

X'sens ġdid tak l-eżerċizzju fiżiku fil-ħajja tiegħek u dan kif u kemm jgħinek ta' kuljum kemm mil-lat fiżiku u anki minn dak psikoloġiku?

Huwa stil ta’ ħajja li ngħix. L-eżerċizzju fiżiku huwa mod mill-aktar sabiħ biex bih tħossok ferħan, tikseb il-benefiċċji għal saħħtek u tieħu pjaċir. Inħossni ferm aħjar u jkolli aktar enerġija. L-attività fiżika tgħinni nippreveni għadd ta’ problemi tas-saħħa kif ukoll intejjeb il-burdata, l-iżjed wara xi ġurnata qawwija ta’ stress.

Wieħed x'jista' jagħmel biex jonqos mill-piż speċjalment wara dan iż-żmien ta' festi - l-isport u l-eżerċizzju fiżiku ta' kuljum huma biżżejjed jew hemm affarijiet oħra ta' x'wieħed jista' jagħmel bħal ngħidu aħna li wieħed joqgħod attent x'jiekol u jixrob fost oħrajn?

Jekk wieħed irid jonqos fil-piż u allura jkollu ġisem iktar b’saħħtu, jeħtieġ jitgħallem jibdel l-istil tal-ħajja tiegħu billi jiekol dieta bilanċjata kif ukoll jagħmel xi tip ta’ eżerċizzju.

X'kien dak li ġiegħlek tħalli kollox fosthom il-karriera ta' LSE u tagħtiha għall-eżerċizzju fiżiku biss bħala trainer personali? M'hemmx dubju li dan kien jinvolvi riskju għalkemm illum irnexxejt bil-kbir...

Nemmen illi kont ili żmien twil nagħmel l-istess xogħol, għalhekk ħassejt il-ħtieġa li nixtieq nagħmel xi ħaġa differenti, mhux għax kont imdejqa, iżda għax ridt sfidi ġodda. Fil-ħajja jekk ma tirriskjax tibqa’ fejn tkun, veru li tista' tiġi ħażina imma almenu tkun pruvajt.

X'taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess biex int illum irnexxejt bil-kbir bħala trainer personali?

Importanti li temmen fik innifsek u taħdem bis-sħiħ biex jirnexxilek tasal fejn tixtieq. Sintendi biex tasal fejn verament tixtieq hemm bżonn ukoll ta’ ħafna sagrifiċċji, determinazzjoni, dedikazzjoni u motivazzjoni.

Kif tħossok meta tispira lil oħrajn biex jibdew jagħtu importanza lill-eżerċizzju fiżiku fil-ħajja tagħhom?

Sodisfazzjon kbir meta tara lill-klijenti jilħqu l-miri tagħhom. Inħossni ferħana għax jien kont parti minn dan is-suċċess.

Kemm hu importanti li wieħed jagħmel eżerċizzju taħt il-gwida ta' trainer personali kkwalifikat bħalek u mhux waħdu bl-addoċċ? X'konsegwenzi mhux mixtieqa jista' jkun hemm speċjalment rigward is-saħħa tal-persuna jekk dan ma jseħħx?

Huwa importanti ħafna li wieħed jassigura ruħu li l-persuna fil-fatt tkun iċċertifikata biex taħdem bħala trainer personali. Illum il-ġurnata jeżistu reġistri online sabiex wieħed jagħmel dan. Trainer personali jistudja biex ikun jaf kif jaħdem il-ġisem tal-bniedem (anatomija/fiżjoloġija/muskoli/ġogi) u kif jitratta nies bi bżonnijiet mediċi speċjali. Teknika żbaljata tfisser eżercizzju inutli, ineffiċjenti u jista' jikkawża korriment. Ma tistax inti filli qatt m'għamilt attività fiżika u filli mort tiġri ġirja ta’ xi 10km! Flimkien mat-trainer personali jinbena programm apposta għall-persuna. Mill-banda l-oħra ma tistax tibqa' għaddej bl-istess programm għal tul ta’ żmien. Wara ftit, il-ġisem jidra l-eżerċizzju u għalhekk jieqaf milli jagħmel il-progress mixtieq. Għalhekk, wieħed għandu jagħraf l-importanza li jirrikorri għand nies professjonali.

Kif tirrilassa dejjem jekk issib ħin?

Fil-ħin liberu, inħobb immur ġirja ta’ xi 10km. Nipprova nsib bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja/ħbieb. Xi ikla tajba u safra ma jonqsux. Inħobb ukoll inpinġi!

X'inhi l-isbaħ ħaġa fix-xogħol tiegħek jew ma taħsibx li hemm xi aspett isbaħ minn ieħor minħabba li dan kien dejjem dak li xtaqt tagħmel f'ħajtek?

Nemmen ħafna li persuna għandha ssib xogħol li verament ikun għal qalbha. Il-fatt li nispira nies oħrajn u nagħmel dak li nħobb jagħtini sodisfazzjon kbir.

Għaddi messaġġ lil kull min qed jaqra din l-intervista fuq l-importanza li wieħed jeżerċita ruħu b'mod regolari u jgħix ħajja sana speċjalment permezz tal-isport.

Inħossni li nista' nagħmel dan, għaliex jien hekk kont! Dejjem nivvinta l-iskużi u ngħid issa nibda għada. Issa naf id-differenza bejn ħajti kif kienet qabel u bejn ħajti llum. Ibda llum qabel għada. Sib attività fiżika li tħobb u agħmilha, il-benefiċċji huma ħafna. Ħu sehem fi klassi, mur imxi, inkella ssieħeb ma’ xi tim. Jekk tiddejjaq, ipprova xi ħaġa ġdida. Taqta’ qalbek qatt. Jekk irnexxieli jien, jirnexxilek int!

More in Socjali