Madwar 550 jattendu għall-ikla li torganizza Caritas Malta f’Jum il-Milied

Din kienet ir-raba' sena konsekuttiva illi matulha saret l-ikla tal-Milied għal dawk li huma waħedhom

550 persuna għall-ikla li torganizza l-Caritas
550 persuna għall-ikla li torganizza l-Caritas

Ftit iktar minn 550 persuna attendew għall-ikla li Caritas Malta għamlet f’Jum il-Milied fil-binja tal-Kurja tal-Arċisqof. Din kienet ir-raba’ sena konsekuttiva li Caritas Malta ħadet ħsieb torganizza din l-ikla għal dawk li jinsabu weħidhom jew li m'ghandhomx biżżejjed mezzi jew bla saqaf fuq rashom. Din is-sena l-ikla taħbat fil-ħamsin sena anniversarju ta' Caritas Malta.

Żaru l-okkażjoni tal-bieraħ l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom l-E.T l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, President Emeritus George Abela, L-ET in-Nunzju Appostoliku Alessandro D'Errico, L-ET Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, L-ET Monsinjur Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia.

Caritas Malta, fi stqarrija rringrazzjat lill-istaff, voluntiera u residenti tad-djar tagħha, lill-Arċisfqijiet ta’ Malta u staff tal-Kurja, lill-Alfred Mizzi Foundation, lill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, lill-X Tend għall-mużika waqt l-attività u wkoll lir-Red Cross li kienu preżenti jekk ikun hemm bżonn l-ewwel għajnuna u numru ta' benefatturi oħra li għamlu din l-ikla possibbli. "Grazzi lill-media li waslu l-messaġġi ta’ Caritas Malta. Grazzi lil dawk li attendew u għamluha possibbli li nkunu familja għal xulxin  u prosit lil dawk li kellhom bżonn il-kuraġġ biex jaghmlu l-pass u  jċemplu biex u ma baqgħux weħidhom."

 

More in Socjali