‘F’dan iż-żmien festiv tisforza lil ħadd biex jaċċetta stedina’

Il-Psikologu Nicholas Briffa jappella għal aktar sensittività f’dan iż-żmien ta’ festi

Ninsabu fi żmien mimli ferħ, ċelebrazzjonijiet, festini u ġabra. Perjodu hieni għal ħafna, però oħrajn b’mod speċjali dawk li attwalment jinsabu jikkumbattu ma’ problemi ta’ saħħa mentali, dan huwa kontinwità tal-perjodu mudlam. Din il-ġimgħa, l-ILLUM, tkellmet mal-psikologu u s-sesswologu Nicholas Briffa rigward ir-relazzjoni bejn iż-żmien festiv u l-prevelanza tal-mard mentali fosthom id-dipressjoni.

Mal-ILLUM, Briffa jibda biex jgħid, “kull minuta f’dawn il-jiem se jkun hemm xi ħaġa li tfakkrek f'dawn iż-żmien ta' għaqda u ċelebrazzjonijiet. Mill-armar sal-awguri tan-nies. Persuna li mhux qed tħossha komda tifraħ u tkompli b’mod enerġetiku u vibranti mal-kumplament tan-nies, awtomatikament tħossha aktar ħażin li m’għandhiex din il-kapaċità.”

“Minħabba dan kollu,” kompla jgħid il-psikologu, “f’dan iż-żmien għandna dejjem inżommu f’moħħna li nipproponu u mhux nimponu. M’għandna qatt nagħmlu pressjoni fuq xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli biex jattendi xi attività. L-attendenza ‘sfurzata’ taf tagħmel aktar ħsara milli ġid,” saħaq Briffa.

Apparti minn dan, huwa appella wkoll biex bħala poplu nkunu aktar sensittivi għall-bżonnijiet tal-komunità. “Persważ, li kull bniedem li qed jaqra dan l-artiklu għandu xi ħadd fiċ-ċrieki tiegħu li bħalissa qed iħossu waħdu,” qal Briffa.

“Għalhekk dan f'dan iż-żmien, ibgħat messaġġ ċkejken ta’ awgurju lil dik il-persuna li ilek ma tkellem. Stedinha għal kikkra kafè. B’dan il-messaġġ jew telefonata jew ġest tista’ verament tagħmel differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd li qed iħossu waħdu,” sostna Briffa.

Ibgħat messaġġ ċkejken ta’ awgurju lil dik il-persuna li ilek ma tkellem. Stedinha għal kikkra kafè. B’dan il-messaġġ jew telefonata jew ġest tista’ verament tagħmel differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd

“Persuna taf tkun imdawra bil-familja però xorta tħossha waħedha.”

Mal-ILLUM Briffa tkellem ukoll fuq il-prevelanza tal-marda tad-dipressjoni fis-soċjetà Maltija. “Illum il-ġurnata nafu li 17% tal-popolazzjoni qed issofri minn dipressjoni. F’dan il-każ, waħda mis-sintomi hi li persuna ma tibqax tieħu gost bl-affarijiet li qabel kienu jagħtuha pjaċir. Għalhekk din tibda awtomatikament tevitahom u tfittex li tkun waħedha,” spjega l-psikologu.

Staqsejt lil Briffa, x’jaħseb li huma l-fatturi li jwasslu għal żieda f’dawn il-każijiet. Hu jirrispondi billi jgħid, “illum għandna pjaga kbira fis-soċjetà; is-solitudini. Irrid nagħmilha ċara li din il-problema ilha teżisti, però llum il-ġurnata qed issir iktar evidenti.” Is-solitudni hi differenti minn meta inti tagħżel li tinqata’ ftit għalik. Persuna taf tkun imdawra bil-familja, iżda xorta waħda tħossha waħedha u bla konnessjoni man-nies ta’ madwarha. Din hi s-solitudini,” sostna Briffa.

‘Ngħixu fi żmien fejn l-affarijiet li jikkawżaw l-istress żdiedu’

Il-psikologu Briffa hu tal-opinjoni wkoll li, “illum ngħixu fi żmien fejn l-affarijiet li jikkawżaw l-istress żdiedu sew. L-aspettattivi tagħna żdiedu. Ħafna nies qed jaħdmu ħafna. Hawn piżijiet differenti, li ovvjament jista’ jkun li qegħdin jikkumplikaw ir-realtà kollha u joħolqu sitwazzjoni li diffiċli nlaħħqu magħha,” saħaq Briffa.

Madanakollu huwa għamilha ċara li, “il-problemi ta’ saħħa mentali kienu minn dejjem, però llum jidhru li żdiedu minħabba l-għarfien li hawn. Qabel meta xi ħadd kien ikun imdejjaq, kien jiġi ttimbrat bħala bir-riħ isfel jew forsi li jbati bil-burdati. Illum ovvjament nafu li meta persuna tippreżenta ċertu sintomi jista' jkun li jkun hemm xi problema,” sostna Briffa.

Apparti minn hekk huwa qal li, “illum hawn ħafna servizzi ta’ saħħa mentali differenti, mhux biss fl-isptarijiet tagħna iżda anke servizzi fil-komunità, żdiedet l-aċċessibilità, in-nies qed iħossuha eħfef biex imorru għall-għajnuna,” temm jgħid il-psikologu.

More in Socjali