Intervista | 'Anzjan kull xahar qed iħabbtilna għax jispiċċa bla saqaf fuq rasu'

Minn persuni bil-vizzju tad-droga għal vittmi tat-traffikar uman iħabbtu l-bieb ta’ Dar Papa Franġisku. L-ILLUM iżżur dan ix-xelter ta’ emerġenza li kuljum joffri ikel b’xejn u sodda lil min ifittex kenn

“Hawnhekk differenti. Hawnhekk in-nies jiftakru x’jisimni.” Din il-frażi ħarġet minn fomm raġel li sab ambjent ta’ familja f’Dar Papa Franġisku, l-ewwel xelter ta’ emerġenza li nfetaħ f’Malta f’Lulju tal-2016.

Ta’ kuljum din id-dar toffri ikel f’nofsinhar li min ma jistax ikollu platt sħun u sodda, lil min filgħaxija jsib ruħu jdur fit-toroq mingħajr saqaf fuq rasu.

Xi ftit jew wisq, anke għax il-ħafna sejrin tajjeb, il-familji huma komdi u n-negozji qed ibigħu, naljenaw lilna nfusna u naħsbu li din ir-realtà, almenu f’pajjiżna, ma teżistix. Vera li l-istatistiċi jgħidu iswed fuq l-abjad li l-ekonomija sejra tajjeb, iżda dan ma jfissirx li kulħadd isib l-ikel lest jew is-sodda mifruxa meta jiġi biex jorqod.

Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Ernest Cherrett u Ian Galea, li jmexxu dan ix-xelter ta’ emerġenza għall-irġiel miftuħ mill-Fondazzjoni Dar il-Hena li hija mwaqqfa mill-Gvern, il-Caritas u l-Alfred Mizzi Foundation. L-istess fondazzjoni, fl-istess triq, għandha wkoll Dar Maria Dolores, xelter ta’ emerġenza għan-nisa.

Bdejt billi staqsejt lil Cherrett kemm imorru nies għall-ikel. Wieġeb li bejn wieħed u ieħor, Dar Papa Franġisku tipprovdi ikel, mit-Tnejn sal-Ħadd lil madwar 40 persuna kuljum.

In-numru mhuwiex wieħed żgħir, anke għax dan huwa xelter ta’ emerġenza, jiġifieri n-nies li jirrikorru għall-għajnuna jinbidlu tista’ tgħid kuljum.

Madanakollu, hemm oħrajn li jmorru regolarment għall-ikel f’Dar Papa Franġisku, mhux għax ma għandhomx flus, imma għax dawn il-persuni ma għandhom lil ħadd ma’ min jiftħu qalbhom jew jgħidu kelma. Kien għalhekk li għażilt li niftaħ dan l-artiklu b’din il-kwotazzjoni, għax Dar Papa Franġisku tiftaħ idha wkoll għal dawk li l-faqar tagħhom ma jitkejjilx bl-istatistika.

“Mhuwiex numru żgħir l-għadd ta’ dawn il-persuni li jiġu jieklu biex isibu ma’ min jgħidu kelma,” qalilna Cherrett. “Dan ukoll huwa faqar. Is-solitudni tista’ tieklok, toqtlok, tkissirlek moħħok. Dan il-faqar ma jagħmilx ħoss. Qed niftakar f’raġel partikolari li għalih aħna l-familja tiegħu. Jaf li hawn se jiġi, se jsib min ikellmu u min jgħinu fl-affarijiet ta’ kuljum.”

L-ikla ta' Dar Papa Franġisku jfittxuha wkoll nies li  jħossuhom waħedhom
L-ikla ta' Dar Papa Franġisku jfittxuha wkoll nies li jħossuhom waħedhom

Cherrett u Galea ma waqfux hemm. Saħqu li minn dak li jaraw kuljum f’Dar Papa Franġisku, jikkonkludu li dejjem qed jikber in-numru ta’ persuni li jħossuhom waħedhom u li ma għandhom lil ħadd fuq min iduru. “Is-soċjetà tagħna, tant hija aljenata, tant hija mgħaġġla, li qed iżżidhom lil dawn in-nies.”

Kien hawn li Cherrett irrefera għall-kliem ta’ dak ir-raġel, li kien iħossu tajjeb f’Dar Papa Franġisku, sempliċiment għax in-nies isejħulu b’ismu. “Dak il-ħin ixxukkjani. Urini li barra minn dawn il-ħitan, huwa minsi. Id-dinja, lil dan ir-raġel, insietu.”

Iżda dawn ikunu biss anzjani? Mhux kollha. Spjegaw kif uħud minn dawn ikunu rġiel, li ġeneralment ikollhom bejn il-25 u l-55 sena, għalkemm l-etajiet ivarjaw minn xahar għal xahar.

‘Jiġu għandna nies minn kull klassi soċjali’

Iżda apparti dawn, persuni oħra li jmorru għall-ikel f’Dar Papa Franġisku huma batuti finanzjarjament. “Ikun hemm minnhom li għandhom dħul baxx u ma jistgħux ilaħħqu, oħrajn li minħabba kundizzjoni mentali ma jistgħux iżommu impjieg fiss, oħrajn li jkunu vittma ta’ xi vizzju bħad-droga u l-logħob u realtajiet oħra,” kompla jispjega Cherrett.

Ikun hemm min, forsi anke min qed jaqra din l-intervista, li mill-ewwel jipponta subgħajh u jgħid li dawn ikunu nies bla skola, minn klassi soċjali baxxa, ġejjin minn xi familja mħarbta jew saħansitra joqogħdu f’xi lokalità partikolari. Min jaħseb hekk sejjer żbaljat. F’Dar Papa Franġisku jmorru nies ta’ kull età, b’kull livell ta’ edukazzjoni u minn kull klassi soċjali.

“Ikollna firxa sħiħa. Ma nistax insemmi età jew inkella xi parti tas-soċjetà. Ikollna wkoll nies li kienu stabbli, kellhom xogħol, paga tajba iżda minħabba l-vizzju tal-logħob, jispiċċaw jitilfu kollox,” qalilna Cherrett.

“L-ikla ta’ Dar Papa Franġisku qed tiġbor nies flimkien imma hija l-metafora ta’ xi jfisser il-faqar. Kif tiftaħha se ssib kategoriji differenti,” wieġeb Ian Galea. “Fl-ikla se ssib il-faċċati kollha tal-faqar. Aħna norbtu l-faqar biss mal-flus. Imma f’din l-ikla se ssib ukoll is-solitudni, nies li qatgħu qalbhom u ħafna oħrajn,” kompla Cherrett.

Iżda kif spjegat aktar ’il fuq, dan ix-xelter ta’ emerġenza joffri wkoll sodda lil min filgħaxija jsib ruħu bla saqaf fuq rasu. Jissejjaħ xelter ta’ emerġenza għax Dar Papa Franġisku ma toffrix residenza permanenti kif jagħmlu djar oħra, fosthom Reach, li hija dar residenzjali tal-istess fondazzjoni.

Qabel infetħu dawn ix-xelters, persuna li kienet issib ruħha bla saqaf fuq rasha, kellha tmur għall-kenn fl-għassa tal-Pulizija, tistenna li jisbaħ biex tingħata l-għajnuna minn xi orgnanizzazzjoni jew entità. Issa, l-istess persuna tista’ tmur u għal dak il-lejl isib kenn f’Dar Papa Franġisku. Anke jekk dan huwa xelter ta’ emerġenza, ma jfissirx li dik il-persuna, jekk ikun hemm bżonn, mhux se tingħata għajnuna ulterjuri jew se ssib il-bieb magħluq jekk l-għada terġa’ jkollha bżonn sodda fejn jorqod.

“Dawn id-djar huma l-pont, li kien nieqes bejn is-servizz. Jekk mara trid titlaq illum qabel għada mid-dar għax qed tiġi msawta, illum għandha s-servizzi tagħna. Jekk hemm emerġenza, aħna qegħdin hawn,” kompla jispjega Galea.

‘Mid-droga sat-traffikar uman… kuljum niltaqgħu mal-ġdid’

Iżda f’Malta hawn nies bla saqaf fuq rashom? Kif jista’ jkun? Forsi t-22 sodda f’Dar Papa Franġisku mhux dejjem ikunu kollha mimlija, iżda tista’ tgħid li kuljum, għadd ta’ persuni jħabbtu l-bieb.

Fejn jidħol il-kenn billejl, Dar Papa Franġisku ltaqgħet ma’ realtajiet differenti. Nies b’vizzju tad-droga, ħaddiema barranin u saħansitra vittmi ta’ traffikar uman. “Kull wiċċ ta’ faqar jew ‘homelessness’ sab kenn f’Dar Papa Franġisku,” qalilna Galea. “Dejjem tiltaqa’ mal-ġdid.”

Fil-fatt, semma kif dan l-aħħar qed jinnutaw li qed jiżdiedu l-persuni li għandhom ’il fuq minn 61 sena u li qed imorru għall-kenn f’Dar Papa Franġisku. “Kważi kull xahar qed iħabbtilna anzjan bla saqaf fuq rasu.”

Minħabba r-realtajiet li jiltaqgħu magħhom, Dar Papa Franġisku taħdem id f’id ma’ entitajiet u awtoritajiet oħra, fosthom l-Aġenzija Appoġġ, il-Pulizija u anke ambaxxati u konsli.

Is-solitudni tista’ tieklok, toqtlok, tkissirlek moħħok. Dan il-faqar ma jagħmilx ħoss

“Kellna divers każi ta’ suċċess. Kien hemm irġiel li ġew biex jorqdu f’Dar Papa Franġisku u wassalniehom għal programm ta’ riabilitazzjoni, persuni li reġgħu marru għand il-familja u każijiet ta’ traffikar uman li solvew il-konsli,” saħaq Galea.

Mistoqsija jekk il-persuni li jfittxu l-kenn billejl jiżdidux f’ċertu żminijiet tas-sena, Galea u Cherrett wieġbu fin-negattiv. Meta t-temperatura kienet baxxa ħafna u l-Isqfijiet għamlu appell biex in-nies ifittxu kenn f’dawn ix-xelters, nofs is-sodod kienu vojta. F’xhur oħra, f’Lulju jew Awwissu, kienu mimlija.

‘Il-barranin l-aktar li jiġu biex jorqdu… il-Maltin biex jieklu’

Hawnhekk, il-kliem waqa’ fuq il-barranin u anke l-prezzijiet tal-kera. Ian Galea spjega kif ikollhom domanda akbar għas-sodod fir-rebbiegħa, meta ħafna ħaddiema, kemm minn barra l-Unjoni Ewropea u oħrajn mill-Unjoni Ewropea, ikunu qed jaqsmu l-pajjiżi biex ifittxu xogħol.

Fil-fatt, Ian Galea saħaq li 80% tal-persuni li jmorru jitolbu l-kenn ta’ Dar Papa Franġisku huma barranin. Għall-kuntrarju, il-maġġoranza ta’ dawk li jmorru għall-ikel, ikunu Maltin.

“Dan juri li l-Malti minn hemm u min hawn qed jirnexxilu jħallas il-kera biex ikollu saqaf fuq rasu…iżda qed jieħu din il-biċċa minn għandna biex ma jinqabadx fuq sieq waħda,” kompla Galea.

Iżda, anke jekk għal Malta tidher xi ħaġa stramba, hemm barranin li għalihom issir in-norma li jgħixu barra. “Aħna ftaħna din id-dar biex ma narawx ix-xeni li naraw f’Ruma jew bliet kbar. Imma jkun hemm min, tant ilu jgħix hekk, li għalih tkun saret normali u ma jkunx jaf mod ieħor,” qalilna Galea.

‘Għalih kien normali li joqgħod ġo għar fil-Qawra…’

Min-naħa tiegħu, Cherrett irrakkonta każ ta’ raġel barrani li kien joqgħod ġo għar il-Qawra.

“Tajnieh iż-żmien tiegħu hawnhekk. Meta konna nistaqsuh x’se jagħmel, konna nindunaw li aħna qed ninkwetaw u huwa le. Kif telaq minn hawn reġa’ mar ġol-għar,” qal Cherret waqt li insista li jiltaqgħu ma’ barranin li jkunu ilhom snin jgħixu barra waqt li jkunu qed jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor għax-xogħol

“Iltqajna ma’ każ ta’ raġel li kien fi Sqallija, tawh €50 u l-ewwel ħaġa li għamel kien li qata’ biljett u ġie Malta,” kompla jispjega.

Bħal dan ir-raġel, ħafna ħaddiema barranin jiġu Malta b’ta’ fuqhom senduqhom. “Xogħol isibu għax hawn fejn jaħdmu, iżda flus biex jikru post ma jkollhomx,” saħaq Ernest Cherrett.

‘Il-prezzijiet tal-kera jweħħluna’

U l-Maltin li jiġu jfittxu l-kenn billejl, għalfejn jiġu? Il-każijiet huma diversi, beda jispjega Ernest Cherrett. Semma każijiet ta’ żgħażagħ bil-vizzju tad-droga li l-familji jitfgħuhom ’il barra għax ikunu xebgħu, persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li joħorġu minn istituzzjoni u jħossuhom sabu ruħhom ġo ġungla u anke persuni u familji li jkollhom jitilqu minn fejn kienu qed jgħixu għax mil-lum għall-għada s-sid sploda l-prezz tal-kera.

Kien hawn li staqsejna lil Galea u lil Cherrett jekk il-prezzijiet tal-kera hux qed ikollhom daqshekk effett fuq is-servizzi tagħhom. Galea spjega li d-diffikultà tinħass l-aktar fost dawk il-persuni, li mix-xelter ta’ emerġenza jkunu għaddew għall-programm ta’ tmien xhur fid-dar residenzjali Reach u jkunu waslu biex joħorġu jgħixu ħajja indipendenti.

Il-familja hija s-soluzzjoni għal ħafna mir-realtajiet li jesperjenzaw il-klijenti tagħna…persuna kulma tkun trid taptipa fuq spallitha jew persuna oħra li tpoġġi u tismagħha

“Neħlu. Idealment dawn in-nies ikollhom il-privatezza tagħhom, imqar appartament żgħir b’kamra waħda. Imma llum ‘studio appartments’ jibdew minn kirjiet ta’ €600 ’l fuq. Normalment ikollhom jaqsmu l-kera ma’ ħaddieħor,” insista Ian Galea. “Aħna ma nikkuntentawx li persuna tankra magħna. Ma rridux li persuna tibqa’ magħna s-snin. Aħna rridu li n-nies ikollhom ħajja indipendenti,” kompla Cherrett.

‘Is-soluzzjoni għal dawn ir-realtajiet tibqa’ l-familja’

Kieku jkollkom, fi ftit kliem, tiddefinixxu s-servizz tagħhom, kif twieġbu? “It-twemmin tagħna huwa li nħobbu lil dawn in-nies. Ma jimpurtax li dan huwa drogat, jew iħobb jilgħab. Malli daħal f’din id-dar, aħna rridu li dan ir-raġel iħossu maħbub. Xejn speċjali. Nagħtuhom dak li nħossu aħna kuljum fid-djar tagħna,” wieġeb Ernest Cherratt.

Kien hawn, li Galea kompla ma’ dak li qal Cherratt u enfasizza li huma jemmnu li s-soluzzjoni għall-problemi kollha li jiltaqgħu magħhom tibqa’ l-familja.

“Dan kollu huwa riflessjoni tal-ġirja li qed ngħixu. X’inhuma l-valuri li qed tħaddan il-familja? Il-mercedes, id-dar u l-pożizzjoni fuq ix-xogħol, jew l-imħabba, l-onestà u r-rispett?” staqsa Galea. “Il-familja hija s-soluzzjoni għal ħafna mir-realtajiet li jesperjenzaw il-klijenti tagħna…persuna kulma tkun trid taptipa fuq spallitha jew persuna oħra li tpoġġi u tismagħha.”

Għall-Milied x’għandhom ippreparat?

Il-Milied qiegħed wara l-bieb. X’qed tippreparaw? Ernest Cherrett spjega kif bħal kull sena, għall-ikla tal-Milied, in-nies li jużaw is-servizzi ta’ Dar Papa Franġisku jkunu mistiedna għall-ikla kbira li l-Caritas torganizza, ġeneralment fil-Kurja tal-Arċisqof.

Saħaq kif normalment, għal din l-ikla, jattendu ħafna persuni li jgħixu jew iħossuhom waħedhom, biex iqattgħu l-ġurnata tal-Milied ma’ persuni oħra.

Mill-kċina ta' Dar Papa Franġisku
Mill-kċina ta' Dar Papa Franġisku

Dar Papa Franġisku tieħu ħsieb torganizza ikla speċjali nhar l-Ewwel tas-Sena. “Għalina l-ikla ta’ kuljum hija speċjali. Iżda dakinhar ikollna ikla akbar u anke jingħata rigal ċkejken lil kull min ikun hemm,” qalilna Cherratt. “Il-bieb miftuħ għal kulħadd.”

Dettalji dwar ir-residenzi ta’ Fondazzjoni Dar il-Hena

Il-Fondazzjoni Dar il-Hena, imwaqqfa mill-Gvern, il-Caritas u l-Alfred Mizzi Foundation, għandha tlett idjar.

Xelters ta’ emerġenza: Dar Papa Franġisku għall-irġiel u Dar Maria Dolores għan-nisa.

Iż-żewġ xelters joffru ikla kuljum bejn nofsinhar u s-2:30pm. Joffru wkoll sodda billejl għal min isib ruħu bla saqaf fuq rasu. Is-servizz jibqa’ miftuħ 24 siegħa kuljum. Min ikollu bżonn, iż-żewġt idjar jgħinu lil dawn il-persuni biex jirċievu għajnuna ulterjuri.

Dar residenzjali: Reach. Għall-kuntrarju taż-żewġ xelters l-oħra, din hija dar residenzjali, fejn ir-residenti jsegwu programm ta’ tmien xhur, bl-għan li jkunu mgħejjuna jibnu mill-ġdid ħajjithom u jibdew jgħixu ħajja indipendenti.

Min jixtieq jitlob l-għajnuna, jew aktar informazzjoni, jista’ jmur direttament fid-djar jew inkella jċempel fuq 27888211 jew 79026644.

Dawk li jixtiequ joffru l-għajnuna tagħhom bħala voluntiera, speċjalment fil-kċina, jistgħu jċemplu dawn l-istess numri jew inkella jżur il-paġna ta’ Facebook: Fondazzjoni Dar il-Hena

More in Socjali