Se jkollna Arċisqof part-time? Il-Kurja twieġeb...

Wieħed mill-aktar saċerdoti Maltin magħrufa jakkuża lill-Papa Franġisku li qed jinsulenta lill-Maltin għax ħallihom b’Arċisqof part-time. Vera li bl-irwoli li ngħata, l-Arċisqof ma jistax jaqdi dmiru sewwa f’Malta? L-ILLUM tistaqsi lill-Kurja

“L-Arċisqof għandu r-responsabbiltà tat-tmexxija tal-Knisja lokali kif ukoll il-missjoni li jkun ta’ servizz għall-Knisja Universali taħt it-tmexxija tal-Papa.”

Dan qalu mal-gazzetta ILLUM il-kelliem tal-Arċidjoċesi ta’ Malta meta mitlub jirreaġixxi għall-kummenti li għadda Dun Renè Camilleri waqt il-programm One Breakfast, fl-14 ta’ Novembru li għadda.

Dun Renè Camilleri, li sa ftit tax-xhur ilu kien il-Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni, qal illi li kieku jkollu quddiemu lill-Papa Franġisku jgħidlu li qed jinsulenta lid-djoċesi Maltija.

Huwa kien qiegħed jgħid dan fid-dawl tal-aħħar karigi importanti li l-Arċisqof Charles Scicluna ngħata mill-Papa.

“Il-Papa qed jgħidilna intom erba’ qtates. Biżżejjed ikollkom Arċisqof part-time,” kompla jisħaq Dun Camilleri. “Jekk l-Arċisqof għandu kontribut x’jagħti f’Ruma nirringrazzjah…imma din inħossha insulenza min-naħa tal-Papa.”

L-ILLUM tistaqsi lill-Kurja…

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Arċisqof x’jaħseb dwar il-kummenti ta’ Dun Renè u jekk dawn ir-responsabbilitajiet hux qed iħalluh jaqdi dmiru f’Malta.

Fit-tweġiba tiegħu, il-kelliem tal-Arċisqof insista li Monsinjur Scicluna se “jibqa’ jagħti ħajtu għall-merħla fdata lilu mill-Papa Franġisku u b’ubbidjenza se jaqdi kull missjoni mitluba minnu mill-Papa.”

Kompla jfakkar li kull Isqof għandu dejjem jibqa’ miftuħ biex ikun ta’ servizz għall-Knisja Universali.

Mistoqsi kemm l-Arċisqof qed iqatta’ żmien barra minn Malta minħabba dawn il-karigi, il-kelliem fakkar li Monsinjur Scicluna ilu membru tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi mill-2012 u kull xahar jitla’ Ruma għal ftit jiem kif se jkompli jagħmel issa li nħatar Segretarju Aġġunt tal-istess Kongregazzjoni.

Il-Kelliem kompla jfakkar li Malta għandha Isqof Awżiljarju u għalhekk, kull meta l-Arċisqof ikun imsiefer, it-tmexxija tal-Arċidjoċesi tkun f’idejn Monsinjur Joe Galea Curmi.

Dun Renè Camilleri
Dun Renè Camilleri

Apparti l-karigi li l-Arċisqof għandu fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fl-aħħar jiem, il-Papa Franġisku ħatru wkoll bħala wieħed mill-membri tal-kumitat li se jkun qed jorganizza laqgħa importanti tal-Knisja dwar il-protezzjoni tal-minuri.

Din il-laqgħa, se tkun qed issir fil-Vatikan bejn il-21 u l-24 ta’ Frar tal-2019.

Aktar kmieni din is-sena, il-Papa Franġisku kien bagħat għal darbtejn lill-Arċisqof Scicluna biex jinvestiga skandlu ta’ abbuż sesswali li heżżeż lill-Knisja fiċ-Ċilì.

Monsinjur Scicluna kien kiteb rapport ta’ 2,300 paġna li kien wassal mhux biss għar-riżenja ta’ 34 Isqof Ċilen iżda anke biex il-Papa Franġisku jiltob maħfra wara li waqt konferenza, hu u jirritorna lura minn żjara Appostolika fiċ-Ċilì, kien iddefenda Isqof li ħeba każi ta’ abbuż sesswali.

F’Ottubru li għadda, l-Arċisqof Scicluna ħa sehem, flimkien ma’ mijiet ta’ isqfijiet, fis-Sinodu tal-Knisja dwar iż-Żgħażagħ. L-interventi ta’ Monsinjur Scicluna ġibdu l-attenzjoni ta’ John L Allen Jr, l-editur ta’ Crux, sit stabbilit ta’ aħbarijiet Kattoliċi.

Allen faħħar ħafna lill-Arċisqof Charles Scicluna u lill-Arċisqof ta’ Sydney fl-Awstralja Anthony Fisher, u insista li anke jekk għadhom mhux Kardinali, jista’ jkun li wieħed minnhom ikun il-Papa li jmiss.

More in Socjali