Intervista | ‘L-okkult huwa l-għalqa tax-xitan u jekk tmiss miegħu se tiftaħlu l-bieb’

L-eżorċiżmu. Fantasija jew realtà? Il-films jesaġeraw? X’jagħmel l-eżorċista? Ma’ xiex jiltaqa’?  L-ILLUM tistaqsi lil Patri Marcello Ghirlando

L-eżorċiżmu. Għal ħafna huwa xi ħaġa tal-films tal-waħx. Għal min jemmen huwa realtà u juri l-qawwa t’Alla. Għal min ma jemminx, kollox qiegħed fil-moħħ.” Din il-ġimgħa, l-ILLUM intervistat lil Patri Marcello Ghirlando, wieħed mill-eżorċisti tal-Arċidjoċesi Maltija.

Bdejt billi staqsejt lil Patri Marcello għaliex il-Knisja tħoss li minn fost is-saċerdoti għandha tagħżel xi wħud biex iservu ta’ eżorċisti. Fi kliem l-eżorċista, it-tweġiba hija sempliċi. Ir-realtà ta’ persuni li huma mġarrba mix-xitan, jew inkella f’każ rari maħkumin minn spirtu ħażin, għadha ħajja sal-ġurnata tal-lum.

Fakkar li meta Ġesù bagħat lill-Appostli fuq il-missjoni tagħhom, fost is-sinjali li kellhom jakkumpanjaw it-tixrid tal-Evanġelju, qalilhom: “f’ismi tkeċċu x-xjaten,” waqt li kompla jispjega li anke l-Evenġelisti jirrakkuntaw ġrajjiet meta Ġesù keċċa x-xjaten.

Iżda għal min jemmen li xogħol l-eżorċista huwa marbut biss ma’ dak li mdorrija naraw fil-films, jiġifieri jinqafel ġo kamra ma’ persuna pposseduta u jitlob bil-Latin waqt li l-vittma titgħawweġ, toffendi u titkellem b’ilħna differenti, sejjer żbaljat.

“Dan ma jfissirx li min jitlob l-għajnuna ta’ eżorċista huwa maħkum minn spirtu ħażin. Il-maġġoranza tan-nies li jitolbuna l-għajnuna jkunu missew mal-okkult popolari, bħall-ouija board u l-qari tax-xorti, jew inkella li jkunu vittmi ta’ saħta jew magħmul,” kompla jispjega Patri Marcello.

Għalhekk spjega li x-xogħol ta’ saċerdot eżorċista huwa li jgħin lil dawn in-nies u jitlob magħhom. “Fl-aħħar mill-aħħar qed ixandar l-Evanġelju u s-sinjal ikun il-fejqan ta’ dawn in-nies min-negattività.”

‘L-okkult huwa l-għalqa tax-xitan’

Bdejna nidħlu ftit ftit fil-punti li mill-ewwel semma Patri Ghirlando. X’inhu l-okkult? “Tuża l-okkult għax taħseb li se jkollok poter fuq iż-żmien, il-futur tiegħek jew inkella fuq ta’ madwarek.”

Imma staqsejt mill-ewwel lil Patri Ghirlando jekk l-okkult u n-negattività li fi kliemu tirriżulta minnha, huwiex ix-xogħol tax-xitan. It-tweġiba tiegħu kienet sempliċi. “L-okkult huwa l-għalqa tax-xitan. B’kull okkult ta’ veru qed tiftaħ il-bieb għall-ispirti l-ħżiena.”

Min jemmen mhux se jirreferi għal dawn l-ispirti bħala x-xitan. Se jsejħilhom spirtu superjuri jew sopranaturali. Imma l-Insara jpoġġu kollox fil-kuntest tal-kelma ta’ Alla u għalhekk fi kliem l-eżorċista, kwalunkwe bieb li jinfetaħ għal dawn l-ispirti superjuri huwa sataniżmu.

“Aħna nemmnu fl-ispirti l-ħżiena. Il-Katekiżmu tal-Knisja, imsewwes fuq il-Kelma t’Alla jitkellem fuq il-waqgħa tal-anġli li saru spirti ħżiena…meta wieħed jinfetaħ għal dawn l-ispirti negattivi, li se jirċievi huwa negattività. Dan qed ngħidulek mill-esperjenza. Kull min ġie għandi wara li pprova l-okkult, ġie għandi għax ħass li xi ħaġa f’ħajtu hija ħażina. Kieku ma jiġux għandi.”

Imma komuni li persuni jmissu mal-okkult? Faċli li żgħażagħ jaqgħu għall-kurżità? “Statistiċi ma nżommux u lanqas insemmi biss żgħażagħ. Tmiss l-etajiet kollha, minn xi ħadd bla skola għall-professjonista prim,” qal l-eżorċista. “Iż-żgħażagħ għandhom it-tendenza li jitolbu aktar l-għajnuna. Hemm anke min ma jemminx, iżda tant kemm ikun mgħaffeġ li jitlob l-għajnuna tal-eżorċista.”

‘L-okkult isir vizzju bħad-droga u miegħu r-riperkussjonijiet’

Patri Ghirlando kompla jgħid li lanqas ma hija kwistjoni ta’ kurżità. Fi kliemu, ħafna mill-każijiet li ltaqa’ magħhom kienu jinkludu persuni li jkunu għaddejja minn mumenti diffiċli u jirrikorru għall-okkult.

“Hawn min ikun għaddej minn mument iebes u s-soluzzjoni tiegħu jkun l-alkoħol jew inkella d-droga u hawn min idur għall-okkult jew inkella s-sataniżmu,” kompla jispjega, anke għax fi kliemu, illum faċli ġġib l-ideat mill-internet tant li “l-moda” hi li persuni jagħmlu xi rit sataniku waħedhom u mhux fi grupp.

Insista li ħafna persuni, speċjalment iż-żgħażagħ li ltaqa’ magħhom u li pprova jgħin, kollha kienu għaddejjin minn problemi u sfidi umani, bħas-solitudni, stima baxxa tagħhom infushom jew ikollhom problemi mal-ġenituri.

“Flok imorru għal flixkun whiskey jew żewġ pinnoli ecstacy, jirrikorru għas-sataniżmu. Ikollhom xewqa għall-poter biex joħorġu lilhom infushom mill-problemi. Anke s-sokor jagħtik il-poter li tinsa l-problema imma hemm riperkussjonijiet,” saħaq l-eżorċista waqt li kompla jisħaq li bħad-droga, l-okkult jista’ jsir vizzju.

Kull min ġie għandi wara li pprova l-okkult, ġie għandi għax ħass li xi ħaġa f’ħajtu hija ħażina. Kieku ma jiġux għandi

Faċli li tegħleb dan il-vizzju? Patri Marcello reġa’ kkumpara dan mad-droga. Biex toħroġ mill-vizzju trid tagħmel programm ta’ riabilitazzjoni. “Se tfieq. Imma jekk wieħed ikun daħal fi prattiċi okkulti jew ipprattika s-sataniżmu għal xhur jew snin ħabs mhux se jkun proċess faċli. Trid terġa’ tiskopri l-fidi tiegħek. Din mhux xi ħaġa li għaliha tagħti mediċina. Din hi xi ħaġa spiritwali. Tfieq skont kemm tiftaħ qalbek għall-Mulej.”

Imma persuna li tkun maħkuma minn spirtu ħażin kif tista’ tiftaħ qalbha għal Alla? It-tweġiba kienet sempliċi. “L-ispirtu ma jista’ qatt jieħu l-kontroll totali tal-persuni. Anke fl-aktar każi gravi ta’ possessjoni diabolika, ma jfissirx li l-bniedem huwa mitluf minn sensih kuljum u l-ħin kollu.”

Is-sentimenti negattivi huma s-sinjali tal-possessjoni u mhux it-teatrin

Kien hawn li semmejtlu dak li naraw fil-films, iżda fi kliem l-eżorċista, anke jekk xi ftit element ta’ verità jkun hemm, ir-realtà mhijiex daqshekk sensazzjonali.

“Hija ħaġa aktar sottili. Jekk int tinfetaħ għall-ispirti l-ħżiena, se jitrasmettu s-sentimenti tagħhom. Il-mibegħda għall-ħajja, anke tendenzi suwiċidali, mibegħda għal dak li hu sabiħ, ċiniżmu quddiem l-imħabba. Dawn huma s-sinjali tal-possessjoni u mhux it-teatrin.”

“Din is-sottilità agħar għax l-ispirtu ħażin jaħdem fuq il-moħħ u jittrażmettilek is-sentimenti negattivi tiegħu. Iżda l-aħbar it-tajba hija li l-Evanġelju jista’ jkissru,” qal l-eżorċista.

Patri Gabriele Amorth, wieħed mill-aktar eżorċisti magħrufa li miet fl-2016
Patri Gabriele Amorth, wieħed mill-aktar eżorċisti magħrufa li miet fl-2016

Staqsejt lil Patri Ghirlando x’inhu l-proċess meta quddiemu tmur jew jeħdulu persuna li x’aktarx tkun imġarrba jew ipposseduta mix-xitan.

“Il-proċess mhux qasir. Dan ix-xogħol jagħmlek San Tumas. Triq toqgħod attent u lanqas ma trid tgħid kelma żejda. Fi 23 sena qatt ma mort fuq xi ħadd u għidtlu għandek spirtu ħażin. Qabel tiddeċiedi li persuna jkollha bżonn eżorċiżmu trid tifhem u tagħraf l-istorja tal-persuna,” qal l-eżorċista.

Spjega li waħda mill-indikazzjonijiet tkun jekk il-persuna tipprattika jew kienet tipprattika l-okkult.

‘Min jista’ jkun oppressat mix-xitan?’

Kompla jgħid li f’ċertu każijiet jitlob ukoll parir ta’ professjonisti bħall-psikjatra u anke psikologu. “Mill-esperjenza tgħallimt li ċertu manifestazzjonijiet staordinarji jistgħu jkunu komuni kemm għal ċertu kundizzjonijiet mentali u anke għall-possessjoni tax-xitan,” spjega Patri Marcello.

“Iżda mhux dejjem qbilt mal-professjonisti għax jiena jinteressani mhux biss is-sintomu iżda l-kawża tiegħu, li tista’ tkun psikoloġika, spiritwali jew it-tnejn għax ix-xitan xi kultant iqalliblek moħħok b’mod sottili ħafna u jista’ juri ruħu f’diżordni mentali, diżordni ta’ mġiba u anke f’kundizzjoni fiżika,” kompla l-eżorċista.

Anke jekk ikun hemm manifestazzjoni, ma nagħtuhomx importanza. Ix-xitan irid jiġbed l-attenzjoni għalih. F’dak il-mument l-importanza huwa Kristu preżenti li kapaċi jeħles anke llum

Iżda, fid-dawl ta’ dan kollu, tenna li l-possessjoni hija rari u aktar milli possessjoni hu jħobb juża l-kelma “oppressjoni” jiġifieri li l-ispirtu ħażin idejqek aktar milli n-normali.

Imma allura kull dnub jiftaħ il-bieb għall-oppressjoni tax-xitan? “Mhux neċċessarjament,” spjega l-eżorċista. “Tista’ tiftaħ il-bieb int (tipprattika l-okkult, is-sataniżmu, tikkultiva l-mibegħda lejn Alla u lejn l-oħrajn, tippersevera fi dnub gravi) jew inkella tispiċċa vittma ta’ magħmul, imma jista’ jkun ukoll li Alla jippermetti li tgħaddi minn din it-tip ta’ sofferenza spiritwali, ovvjament għall-ġid tiegħek jew tal-Knisja. Kien hemm qaddisin li Alla ppermetta li x-xitan iġarrabhom b’mod straordinarju, bħal Padre Pio. Naf li tista’ tistona iżda hekk hu.”

‘Ix-xitan jipprova jiġbed l-attenzjoni għalih; Ma nagħtix kas’

Staqsejna lil Patri Ghirlando x’jagħmel meta jiddeċiedi li jwettaq eżorċiżmu fuq persuni. Spjega kif l-ewwel u qabel kollox il-Knisja għandha r-ritwal tagħha għal dan. Kull eżorċista jkollu miegħu grupp ta’ nies anke biex jgħinuh f’każi ta’ “manifestazzjonijet staordinarji.”

Insista li dawn il-manifestazzjonijiet huma rari u kull meta jkollu każ simili hu stess jikkmanda lill-ispirtu l-ħażin biex ma jagħmilx dawn “it-teatrini.”

“L-aktar ħaġa importanti hija l-fidi. L-eżorċiżmu huwa ċelebrazzjoni tal-preżenza t’Alla li jfejjaq. Ħafna nies għandhom idea tal-waħx minħabba l-films. Fil-verità tista’ tkun ċelebrazzjoni sabiħa minkejja xi manifestazzjonijiet li jista’ jkun hemm,” saħaq l-eżorċista. “Anke jekk ikun hemm manifestazzjoni, ma nagħtuhomx importanza. Ix-xitan irid jiġbed l-attenzjoni għalih. F’dak il-mument l-importanza huwa Kristu preżenti li kapaċi jeħles anke llum.”

Ma tibżax? “Le ma nibżax. Dan mhux show. Int sejjer biex titlob. Il-bqija aħna nsejħulu teatrin. Ma niħux gost b’ċertu manifestazzjonijiet iżda ma nagħtihomx importanza. Trid tibqa’ ffukat fuq Kristu. Ix-xitan, meta jinduna li kxiftu bil-qawwa ta’ Kristu, ikun irid centre stage.”

Tkellimna wkoll ma’ Patri Marcello dwar kif jinduna li persuna tkun inħelset għal kollox mill-oppressjoni tax-xitan. Fi kliem Patri Ghirlando xi drabi jdum snin jiltaqa’ mal-persuna. Fi kliemu, jista’ jkun hemm ħelsien waqt ir-rit tal-eżorċiżmu iżda kellu każi oħra fejn il-ħelsien seħħ f’mument ieħor.

“Il-persuna tħoss li tkun inħelset,” kompla jispjega.

‘Spirtu jista’ jattakka familja u anke parroċċa’

Qabel mort nagħmel l-intervista, qrajt ftit fuq is-suġġett fosthom kif kull spirtu ħażin għandu isem u wieħed minnhom partikolari saħansitra jattakka l-familja. Patri Marcello kkonferma dan. Spjega kif uħud mill-ismijiet jissemmew b’isimhom fl-iskrittura u oħrajn huma spirtu ta’ vizzju.

Tant hu hekk li r-rit l-antik tal-eżorċiżmu, jagħti s-setgħa lill-eżorċista li jsaqsi mistoqsijiet lill-ispirtu, inkluż ismu. Il-ħin li jiżvela ismu jkun beda jiddgħajjef u b’ismu l-eżorċista jordnalu biex jitlaq, dejjem f’isem Kristu.

L-eżorċista għandu ministeru sabiħ, minkejja kull karikatura u impressjoni fil-films. Bħal kull saċerdot, għandu ministeru ta’ fejqan u ħelsien u jista’ joffri bxara tajba

Ikkonferma wkoll li hemm spirtu li jattakka l-familja u spirtu li jattakka grupp jew parroċċa tant li fir-rit il-ġdid hemm anke talbiet ta’ ħelsien u eżorċiżmi li jistgħu jsiru fuq assemblea miġbura.

“Hija talba fuq parroċċa li tħoss li hemm ħafna toqol u negattività fosthom minħabba għira u ġlied li ħallew ħafna negattività. Ġieli nagħmlu wkoll talb f’familji li jkunu għaddew minn ħafna negattività, litanija ta’ mumenti iebsa, ta’ diżgrazzji li l-għeruq tagħhom jistgħu jkunu fil-ħażin.”

‘L-ispiritiżmu u l-qari tax-xorti ma jista’ qatt ikun pożittiv’

Tul l-intervista għamilna wkoll referenza għal dawk li jaqraw il-futur, servizz li diversi huma dawk li jkunu jixtiequ. Oħrajn imorru għand ‘mediums’ għax ikunu jridu jitkellmu ma’ qarib tagħhom li jkun miet. X’jaħseb l-eżorċista dwar dawn?

Bla tlaqliq, dwar il-qari tax-xorti, Patri Ghirlando saħaq li dan huwa forma ta’ okkult. Dwar il-kuntatt mal-mejtin, l-eżorċista spjega li l-Knisja ma tista’ qatt taċċettah għal raġuni teoloġika, “għax ħadd qatt ma rritorna mill-mewt ħlief Kristu biss li miet u qam mill-imwiet.”

“Kristu huwa l-pont li jgħaqqad l-art u s-sema. Kwalunkwe talba barra dak il-pont huwa periklu. Dak huwa l-ispiritiżmu,” kompla jisħaq.

Imma hawn min jgħidlek li twieled jara l-ispirti jew jaqra x-xorti u ma għandux kontroll fuqhom. Dawn xi jridu jagħmlu? “Jista’ jkun hemm min jara l-ispirti. Ikun hemm min jidħak bija. Jiena ma nidħakx. Ma jfissirx li dan huwa tajjeb u għalhekk nitfantas meta dawn l-affarijiet jintużaw u jsiru oġġetti ta’ kummerċ. Nibża’, mhux biss għax ġieli jkunu bluff, imma anke għax jista’ jkun hemm ħafna manipulazzjoni tal-dgħufija umana.”

Ma waqafx hemm. Saħaq li jibża’ wkoll għax anke jekk ikun hemm xi ħaġa spiritwali, din qatt ma tista’ tkun pożittiva. “Jekk bniedem ikun mar jew xi ħadd daħlu f’xi seduta spiritwali, fis-sejħa ta’ xi ħadd mejjet u mbagħad iħossu mhux tajjeb, mhux biss psikoloġikament, allura dik il-ħaġa ma tagħmilx ġid.”

Iżda apparti dan, hemm ukoll l-element psikoloġiku. Fi kliem Patri Marcello, persuna li tkun għadha kemm tilfet lil xi ħadd mill-familja tkun għadha vulnerabbli u meta jiġi ‘medium’ jgħidlek li ħdejk hemm in-nannu jew missierek ikun qed “jilgħab b’korda psikoloġika fraġli ħafna.”

 “Jien ma neskludix il-fatt, u ġieli ltqajt ma’ każi fejn jgħidulek li din il-ħaġa jkunu twieldu biha. Ma jfissirx li hija tajba. Tista’ titwieled b’poter okkult għax tkun fil-familja. F’dawn il-każijiet dejjem għidt lil din il-persuna biex tiċħad dan il-poter f’isem Ġesù.”

Semma każ ta’ mara, li mingħajr qatt ma tgħallmet taqra x-xorti, jekk xi ħadd jagħtiha pakkett ‘kards’ li jintużaw fil-qari tax-xorti, kienet taf kif taqrahom u forsi waħda mir-raġunijiet kienet għax kellha min jipprattika l-okkult fil-familja tagħha. Fuq parir tal-eżorċisti kienet talbet biex ‘tinħeles’ u fil-fatt tilfet dan ‘il-poter.’

‘Il-problema tal-Halloween hija l-enfasi’

U dwar il-famuż Halloween x’jaħseb? X’fiha ħażin li omm tlibbes lit-tifel ta’ monstru u jmur iħabbat għall-ħelu? Fakkar li l-oriġini tal-festa hija waħda mhux daqshekk pagana iżda hija marbuta mal-festa tal-Qaddisin u t-tifkira tal-mejtin kollha. “In-negattiv huwa li f’ċertu ambjenti l-enfasi saret ċelebrazzjoni tal-ħażin. Għal min jemmen, l-enfasi taċ-ċelebrazzjoni għandha tkun fuq dak li hu pożittiv, iċ-ċelebrazzjoni tal-qaddisin.”

U fl-aħħar nett. Lil min ipprattika l-okkult, x’jgħidilhom? Saħaq li hu żgur li għal min jemmen dan qatt ma jista’ jkun xi ħaġa tajba. Għalhekk dejjem jipproponi żewġ affarijiet. L-ewwel li jmur iqerr, għax fi kliemu “l-Qrar huwa daqs elf eżorċiżmu,” u jekk iħoss li xi ħaġa mhux f’postha, jitkellem ma’ saċerdot jew eżorċista għax tenna li “l-eżorċista mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn.”

“L-eżorċista għandu ministeru sabiħ, minkejja kull karikatura u impressjoni fil-films. Bħal kull saċerdot, għandu ministeru ta’ fejqan u ħelsien u jista’ joffri bxara tajba,” temm jgħid Patri Marcello.

Parata tal-Halloween fl-Istati Uniti
Parata tal-Halloween fl-Istati Uniti

More in Socjali