‘Kienu jidħku bik tgħidilhom li sejjer il-gym’

Twaqqaf qalb it-tiġrib u l-ħerba tat-tieni gwerra dinjija u 73 sena wara għadu jopera daqs qatt qabel. Il-Cottonera Barbell Club, l-eqdem gym f’Malta. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Armando Buttigieg u Marco Farrugia…

Żgur mhux forsi li f’dawn l-aħħar snin kibret sew il-popolarità tal-eżerċizzju fiżiku u l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha. Tant hu hekk li din tal-aħħar saret ukoll parti integrali mill-istrateġija tal-Gvern fejn jidħlu s-saħħa u l-benesseri tal-bniedem. Però llum il-ġurnata f’epoka kompletament differenti, forsi ftit huma dawk li jafu bl-istorja tal-‘Cottonera Barbell Club’, attwalment l-eqdem gym fuq din il-gżira u dik tal-isportivi li sawruh. 

73 sena wara t-twaqqif tiegħu l-ILLUM tinżel l-Isla u titkellem mal-eks bodybuilder Armando Buttigieg u s-Segretarju Ġenerali tal-istess klabb, Marco Farrugia.

Mill-Birgu għall-Isla; it-twaqqif tal-eqdem gym f’Malta

Buttigieg li ta’ 73 sena għadu membru attiv fil-klabb sal-lum il-ġurnata, jispjega l-oriġini tal-eqdem gym f’Malta, “il-klabb kien twaqqaf fl-1945 minn ċertu wieħed Nazju Grima, propju f’kamra żgħira fid-dar t’ommu fil-Birgu. Wara xi ftit taż-żmien il-popolarità għall-klabb kibret sew u ovvjament dan ma setax jibqa' jdaħħal aktar nies fid-dar t’ommu. Għalhekk kien hemm ix-xewqa li jinstab post addattat,” spjegalna Buttigieg.

L-eks bodybuilder kompla jgħidilna kif, “wara sensiela ta’ provi f’numru ta’ postijiet differenti, fl-1958 il-klabb finalment mexa għall-istess post fejn għadu jintuża mill-membri llum, propju fi Triq l-Arċisqof Mattei ġewwa l-Isla.”

“Dak iż-żmien kienu jidħku bik tgħidilhom li sejjer il-gym”

Għalkemm kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dan l-artiklu, il-popolarità għall-eżerċizzju fiżiku inkluż il-bodybuilding jidher li qiegħda dejjem tiżdied, skont Buttigieg din kienet pjuttost differenti fi żmienu.

“Fi żmieni li wieħed jmur iqatta’ siegħa jew sagħtejn jittrenja l-gym kienet xi ħaġa stramba, kienu jidħku bina. Konna meqjusin aljeni minn pjaneta oħra,” irrimarka Buttigieg.

Armando Buttigieg
Armando Buttigieg

Hu żied jgħid, “niftakar sewa l-mistoqsijiet tagħhom:  ‘jiġifieri int tmur terfa’ l-ħadid, minflok toħroġ ma’ sħabek?’ Ma konniex daqshekk strambi ta’ konna noħorġu xorta waħda, immorru għaż-żfin u ‘talkies’ imma l-ewwel dejjem kien hemm il-gym,” lissen b’daħka fuq wiċċu Buttigieg.

Il-ġlieda tal-pijunieri biex jiġu rikonoxxuti f’pajjiżhom

Ftit mumenti wara li għall-ewwel darba dħalt ġewwa dan il-gym, ħassejtni pjuttost imfixkel. Dan għaliex qalb l-apparat antik u dak modern, ħsibtni dħalt ġewwa mużew iddedikat lill-bodybuilding. Ir-ritratti tal-pijunieri tal-klabb u l-unuri li huma kisbu għall-Malta jinsabu ddokumentati mal-ħitan ta’ dan il-gym. Minkejja dan kollu, Buttigieg spjega li fi żmien li huma kisbu dan is-suċċess, ir-rikonoxximent għal xogħolhom mhux dejjem kien apprezzat.

“Niftakar li għal xi żmien, lanqas konna eliġibbli biex nintgħażlu bħala sportivi tas-sena, għaliex għal xi wħud aħna ma konniex sportivi”, sostna Buttigieg.

“Bodybuilders bħali, Harold Bonsfield, Mike Pace u oħrajn konna mmorru barra minn Malta u niksbu l-unuri. Eżempju, Harold Bonsfield fl-1974, ikklassifika fir-raba’ post fil-kampjonat tad-dinji tal-middle weight, sena wara fl-1975 jiena kklassifikajt fis-sitt post fil-kampjonat dinji tal-1975,” spjega Buttigieg.

Interessanti wkoll il-fatt li fl-1977, Buttigieg kien rebaħ l-ewwel midalja tal-bronż għal Malta f’livell għoli tal-kampjonat Ewropew.

'L-għan tagħna qatt ma kien li nagħmlu negozju’

Intant is-Segretarju Ġenerali tal-kumitat tal-klabb Marco Farrugia, saħaq ma’ din il-gazzetta li “l-mudell tal-operat tal-klabb tagħhom qatt ma kien wieħed li kellu l-għan li jagħmel xi kemxa flus iżda li joħloq aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-kultura fiżika fil-pajjiż.”

Farrugia tkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ finanzi li skontu, ħafna drabi joħolqu sitwazzjonijiet diffiċli immens għalihom. Għalkemm fl-aħħar snin żiedna xi ftit l-apparat, mhux faċli iżżid xi affarijiet ġodda. Hawnhekk il-membri jħallsu €10 fix-xahar, illum jekk tmur tara film iċ-ċinema wkoll tonfoq aktar,” irrimarka Farrugia.

Apparti minn hekk, Farrugia saħaq li hawnhekk il-kultura tal-gym hi differenti ferm minn oħrajn, fejn l-importanza ma tingħatax biss lit-tgħamir iżda anke lill-kultura fiżika. “Hawnhekk issib għajnuna mingħand kulħadd, veterani tal-bodybuidling u fiżika li jkunu tal-ewwel biex jigwidaw lill-dawk il-ġodda kif ukoll hawn sens ta’ komunità uniku,” temm jgħid Farrugia.

More in Socjali