Ta’ Stella Maris salvati bi żbrixx b’emenda tal-Gvern

Il-każin ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema ma ġiex żgumbrat bis-saħħa tal-emeda li introduċa l-Gvern dan is-sajf... mal-ILLUM il-President tal-Għaqda tal-Baned jappella biex jibdew diskussjonijiet għal bilanċ aħjar

Din il-gazzetta tista’ tiżvela kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Kazin ta’ Stella Maris ġie qrib ħafna li jkun żgumbrat u jispiċċa mingħajr sede u kien ‘salvat’ biss grazzi għall-emenda li daħħal il-Gvern is-sajf li għadda biex tibdil strutturali mingħajr il-permess meħtieġ mingħand is-sidien ma jwassalx għal żgumbrament.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef Anthony Ellul ikkritika lill-membri tal-Għaqda Mużikali u sostna li “l-inkwilin... ma kellu qatt jaqbad u jagħmel dawk it-tip ta’ xogħlijiet mingħajr ma jgħarraf lis-sid qabel u jġib il-permess tiegħu... il-kuntratt hu ċar, li ma jistax isir tibdil strutturali fil-fond.”

Il-Maġistrat ħassar l-appell li ta l-Bord tal-Kera illi kien mitlub mis-sidien tal-binja illi sservi tas-sede u li fih talbu lill-istess bord biex jawtorizzahom ma jġeddux il-kera u biex jieħdu l-proprjetà lura f’idejhom. Il-Maġistrat m’aċċettax lanqas l-istqarrija tal-Għaqda Mużikali Stella Maris illi dawn m’għamlux xogħol mingħajr il-permess tas-sidien u lanqas li l-alterazzjonijiet kienu sempliċiment xogħol ta’ manutenzjoni.

Minkejja li kollox kien jindika li dan se jwassal biex l-Għaqda tkun żgumbrata, il-Maġistrat fakkar fl-emenda li introduċa l-Gvern iktar kmieni din is-sena illi tgħid li “fi kwalunkwe proċeduri li jistgħu jwasslu għall-iżgumbrament minn fond minħabba alterazzjonijiet strutturali mingħajr il-kunsens tas-sid...il-Bord tal-kera jew il-Qorti m’għandhiex tordna l-iżgumbrament minn dak il-fond.”

Il-Qorti talbet lil ta’ Stella Maris biex sal-aħħar ta’ Novembru “jirregolaw ruħhom.”

Minkejja li din l-emenda ‘salvat’ lill-Għaqda mill-iżgumbrament il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Noel Camilleri rrimarka mal-ILLUM illi l-probabilità hija li s-sidien ta’ dan il-każin u ta’ oħrajn fl-istess sitwazzjoni se jisfidaw l-emenda tal-Gvern. Għalhekk huwa talab għal diskussjonijiet biex l-Għaqda, flimkien mal-każini u anke s-sidien isibu soluzzjoni li hija aktar permanenti.

“Jiena nemmen illi biex jinħoloq bilanċ għandna bżonn naħsbu għal inċentivi fiskali li joħolqu bilanċ ġust bejn l-għaqda u s-sidien,” sostna Camilleri.

X’ġara eżatt fil-każ ‘King’s Own’ din il-ġimgħa?

L-aħbar li ħarġet din ġimgħa u li trattat il-każini ħasdet ftit mhux ħażin lil bosta każini spċeċjalment lil dawk l-20 li jinsabu f’kirja u dawk li bħalissa jinsabu fil-Qorti f’battalja mas-sidien.

Imma x’ġara eżatt? X’qalet il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR)? X’talbu s-sidien u x’offra l-Gvern bħala kumpens? U inkisret il-liġi jew le?

Kemm kienu qed jirċievu fis-sena s-sidien tal-King’s Own sal-2014?

Kienu qed jirċievu €1,164 fis-sena għal proprjetà li s-sidien qalu li kellha valur ta’ kirja ta’ €269,100 fis-sena. Fl-1946 kien sar il-kuntratt bejn is-sidien u l-Għaqda mużikali filwaqt li fl-1955 il-Gvern ta’ dakinhar kien ipproteġa bil-liġi lill-każini tal-baned, b’konsegwenza li l-kirja kellha tibda tkun imġedda kull sena b’mod awtomatiku u s-sid ma setax jitlob li togħla din il-kirja.

Imma fl-2009 l-Gvern ma kienx irreveda l-liġi tal-kera?

Iva, imma l-każini tal-banda ma kinux inklużi u allura l-kirjiet baqgħu kif kienu.

Liema Qorti tathom raġun?

Nhar it-8 ta’ Ottubru 2013 il-Qorti Ċivili sabet li s-sidien sofrew minn ksur tal-Artiklu 1 tal-Protokoll tal-Konvenzjoni għad-Drttijiet tal-Bniedem u li tikkonċerna l-użu tal-proprjetà privata. Is-sidien kienu qalu li l-valur huwa ta’ €269,100 u l-Gvern €93,000. Il-Qorti ddikjarat li s-sidien għandhom jingħataw kumpens ta’ €300,000. 

Għaliex dawret kollox il-Qorti Kostituzzjonali?

Il-Qorti Kostituzzjonali, li hija ogħla minn dik Ċivili, iddeċidiet li fil-fatt ma nkiser ebda dritt tas-sidien, għaliex lura fl-1946 l-antenati tas-sidien preżenti kienu jafu għal liema tip ta’ kuntratti deħlin. L-istess Qorti m’aċċettatx li jerġa’ jsir smigħ tal-kawża mill-ġdid. L-applikanti iżda sostnew li meta l-antenati tagħhom kienu għamlu l-kuntratt ma kinux jafu li disa’ snin wara l-Gvern kien se jinkludi lill-baned fir-riforma tal-1955.

Il-bar/restorant tal-Każin...għaxxaqha

Bħal ħafna każini oħrajn il-Każin tal-King’s Own kellu bar/restaurant. Is-sid qal illi l-bar u restorant ma kinux fl-interess tal-pubbliku. Iktar minn hekk is-sidien qalu lill-Qorti illi l-ammninistrazzjoni ta’ dan il-bar u restorant kienu qed iħallsu lill-Għaqda Mużikali xejn inqas minn €17,000. “Filwaqt li s-sidien jikkunsidraw illi l-każin tal-banda għandu rwol soċjali u kulturali, m’hemm ebda raġuni għalfejn każin għandu bżonn proprjetà daqstant kbira u li tiswa ħafna flus,” sostnew is-sidien filwaqt li qalu illi dawn l-attivtajiet kummerċjali ma jistgħux jitqiesu bħala ‘interess pubbliku’.

Il-Qorti Ewropea sostniet li f’ċirkostanzi fejn hemm kummerċ f’każin bħal dan, fejn il-kirja hija kkontrollata, “l-istat u l-Qorti fl-irwol ta’ superviżjoni tagħha jridu jkunu viġilanti biex jiżguraw li....ma jkunx hemm żbilanċ li jimponi piż eċċessiv fuq is-sidien filwaqt li tħalli lill-inkwilini jagħmlu profitti kbar.”

Fid-deċiżjoni aħħarija tagħha l-Qorti qalet illi tpoġġa piż sproporzjonat u eċċessiv fuq is-sidien li kellhom iġorru jew ikomplu jġorru spejjeż konsiderevoli soċjali u finanzjarji, ta’ tradizzjoni billi ssuplixxew każin tal-banda b’sit għall-attivitajiet, inkluż dawk kummerċjali...”

Imma nkisret il-liġi?

Le. Minkejja li s-sidien rebħu l-każ ma nkisret ebda liġi, fis-sens illi l-kirja tal-każin kienet skont il-liġi lokali. Il-Qorti tfakkar illi kull indħil minn awtorità jrid ikun ‘legali’, jiġifieri li l-Istat għandu dritt jikkontrolla l-proprjetà, sakemm dan isir skont l-interessi ġenerali jew inkella biex jassiguraw l-ħlas u ta’ taxxi jew kontibuzzjonijiet jew penali.” (Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem)

U allura l-każini tal-baned huma materja ta’ ‘interess ġenerali’

Allura minkejja kollox is-sidien ma setgħu qatt għollew jew keċċew lil tal-King’s Own?

Le, riedu bilfors iġeddu l-kirja u ma jgħollux il-kirja.

Jiġifieri l-kirja baqgħet l-istess sa mill-1946?

Le. Mill-1946 sal-2009 ma sar xejn. Fl-2009 Gvern Nazzjonalista rriforma l-Liġi tal-kera b’mod illi dawn ikunu jistgħu jibdew jogħlew biex issir ġustizzja mas-sidien, iżda ħalla lill-każini tal-banda, fost oħrajn, eżenti minn dawn il-bidliet.

Kien fl-ewwel leġislatura ta’ dan il-Gvern li fil-fatt ddaħħlu żidiet fuq medda ta’ snin, anke jekk dawn iż-żidiet xorta jrendu l-kirja ’l bogħod mill-prezz tas-suq.

Dan kien ifisser illi fl-2014, 2015 u 2016, il-kirja għoliet b’10% iktar mis-sena ta’ qabel. Jiġifieri għal kull €100 żdiedet, €110, €121 u finalment €133.

Imbagħad mis-sena 2017 sas-sena 2023 il-kirja terġa’ togħla b’5% kull sena.

Allura ż-żidiet tal-2014-2023 mhux biżejjed?

Le. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) irrikonoxxiet li l-King’s Own kienet qed tħallas id-doppju dak li kienet tħallas qabel, biex fl-2015 ħallset €2,876 u €3,017 fl-2016.

Minkejja dan, l-ECHR fakkret illi dan l-ammont kien ta’ 3% biss tal-valur tal-kirja hekk kif għamilha l-Gvern stess u 1% minn dak li kkalkulaw is-sidien. Kien imfakkar ukoll illi dan l-ammont huwa €14,000 inqas mill-kirja li qed tħallas l-amministrazzjoni tal-każin lit-tmexxija tal-każin.

U kif iddefenda ruħu l-Gvern?

Il-Gvern fakkar illi meta bdiet il-kirja kienet għall-valur ta’ €1,164 li dak iż-żmien (mill-1946) kienet kirja pjuttost għolja. Il-Gvern fakkar lill-ECHR li fil-fatt il-kera ta’ €97 kull xahar kienet, sal-2004 ma kinitx titqies bħala kera baxxa, sakemm mhux ikkumparata ma’ entitatjiet kummerċjali jew kirjiet soċjali.

Il-Gvern sostna illi l-valutazzjoni tas-sidien kienet wisq għolja u li dawn ma wrewx li jista’ jkun hemm xi ħadd li lest iħallas dawk il-prezzijiet (€269,100 fis-sena).

Il-Gvern għalhekk sostna li huwa ‘evidenti’ li s-sidien ma kinux sofrew diskriminazzjoni sproporzjonata, imqabbla mal-kirja qabel l-2014. Il-Gvern sostna li bil-kirjiet kif inbidlu fl-2014 intlaħaq bilanċ.

Kemm se jkollu jħallas il-Gvern u sa meta?

Il-Gvern se jkollu jagħti €610,700 f’kumpens li jinqasam hekk: €592,000 bħala danni finanzjarji, €8,000 f'taxxi fir-rigward ta' dan id-danni kif ukoll €10,700 fir-rispett ta' spejjeż.

Il-Gvern ikollu jħallas fit-tliet xhur li ġejjin, inkella jibdew telgħin l-interessi.  

More in Socjali