Qorti | Liam Debono mhux kuntent bl-akkużi relatati mad-droga fil-każ ta' attentat ta' qtil

Il-Prosekuzzjoni qegħda iżżid tliet akkużi ġodda fil-każ taż-żagħżugħ Liam Debono, li hu mixli bl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri

Illum il-Qorti semgħet ix-xhieda dwar tliet akkużi ġodda li l-proskezzjoni qegħda iżżid fil-każ ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ li qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Spiridione Zammit spjega kif f’Ottubru tas-sena l-oħra, il-Pulizija kienet arrestat lill-istess Debono wara li dan kien inqabad issuq karozza mingħajr liċenzja, bi pjanċi ta’ karozza oħra u mingħajr liċenzja tas-sewqan. Il-Pulizija kienet lemħet ukoll lill-Debono jarmi ‘joint’ mill-karozza u wara tfittxija il-Pulizija kienet sabet tliet boroż mimlija grass tal-kannabis flimkien ma’ affarijiet relatati mad-droga.

L-avukat taż-żagħżugħ, Franco Debono sostna li dan il-każ kien wieħed separat u għalhekk dawn l-akkużi m’għandhomx għalfejn jiġu allaċċjata mal-każ ta’ Simon Schembri.

F'Mejju li għadda, Debono, li għad għandu 17-il sena, baqa' għaddej u kaxkar tul it-triq, lill-kuntistabbli Schembri li waqqfu għax ma kienx liebes ċinturin tas-sigurtà. Apparti minn hekk f'Settembru li għadda, kien ġie żvelat fil-Qorti kif Debono kien diġà arrestat darba oħra wara li kien twaqqaf milli jsuq rota bla pedali u brejkijiet. Dakinhar hu kien ukoll hedded pulizija.

Il-każ ikompli fid-29 ta’ Ottubru.

More in Socjali