Il-Knisja ma għandhiex problemi li tgħammed tfal ta’ koppji LGBTIQ

Il-Knisja tagħmel distinzjoni bejn tfal ta' koppji eterosesswali u dawk ta' koppji LGBTIQ? Taċċettahom fi skejjel tal-Knisja? L-ILLUM tistaqsi lill-Kurja

Ġimagħtejn ilu Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja u ċċelebrat dik magħrufa bħala ‘Pride Week,’ ġimgħa li fiha jiġu ċċelebrati d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ. Tul din il-ġimgħa saru diversi intervisti ma’ koppji LGBTIQ li jrabbu t-tfal. Anke jekk għad hawn min qed jgħix f’dinja għalih, illum din saret realtà ġdida f’pajjiżna.

Il-liġijiet tal-unjoni u ż-żwieġ ċivili, l-aħħar emendi fil-liġi tal-IVF u anke bidliet oħra li l-Gvern irid idaħħal fis-snin li ġejjin, bħall-maternità surrogata, fetħu u se jkomplu jiftħu aktar il-bibien għal dawk il-koppji LGBTIQ (iżda mhux biss) li issa jistgħu mhux biss jadottaw, iżda jkollhom it-tfal tagħhom stess.

Il-fatt li din għadha realtà ġdida, dwarha għad hawn diversi mistoqsijiet u forsi kurżitajiet. Fost dawn ikun hawn min jistaqsi kif tħares il-Knisja lejn dawn it-tfal, ġaladarba skont it-tagħlim tagħha, il-familja hija dik magħmula minn raġel u mara u minn din ir-rabta ta’ bejniethom jiġu t-tfal.

Imma jekk koppja LGBTIQ tkun tixtieq li tgħammed it-tfal tagħha jew inkella tibgħathom fi skola tal-Knisja, dawn jiġu milqugħa mill-Knisja?

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM bagħtet għadd ta’ mistoqsijiet lill-Kurja tal-Arċisqof, tistaqsi xi tkun il-pożizzjoni tal-Knisja jekk tmur quddiemha koppja LGBTIQ u titlob li tfal tagħha jkunu mgħammda.

Ir-risposta tal-Kurja kienet waħda sempliċi u ċara: “Il-Knisja tilqa’ lit-tfal mingħajr distinzjoni. Irrispettivament mill-ġeneru tal-ġenituri, it-trabi li jiġu ppreżentati għas-sagrament tal-Magħmudija jiġu mgħammda.”

L-istess meta staqsejna x’jiġri jekk koppja tal-istess sess tkun tixtieq tibgħat lit-tfal tagħha fl-iskejjel tal-Knisja. Il-Kurja wieġbet li “l-applikazzjoni għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja tiġi pproċessata bl-istess mod bħal dik tal-applikanti l-oħra.”

Din il-gazzetta staqsiet ukoll lill-Arċidjoċesi jekk dawn it-tfal ikunux mgħammda ma’ tfal oħra, jew inkella privatament u jekk ikunx hemm xi tibdiliet fiċ-ċelebrazzjoni, ġaladarba f’parti mir-rit il-missier jixgħel ix-xemgħa mill-Blandun. X’jiġri meta għandek koppja magħmula minn żewġ nisa?

Għalkemm il-Kurja ma weġbitx speċifikament għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet, hu mifhum li dawn it-tfal xorta waħda jkunu mgħammda ma’ tfal oħra, ġaladarba t-tweġiba tal-kura tinsisti li: “Il-Knisja tilqa’ lit-tfal mingħajr distinzjoni.”

Staqsejna wkoll jekk s’issa, kienx hemm koppji LGBTIQ li talbu l-Magħmudija għat-tfal tagħhom jew inkella biex dawn jissieħbu fi skejjel tal-Knisja.

Kelliem għall-Arċidjoċesi insista li ma jistax jagħti din l-informazzjoni ġaladarba ma ssirx distinzjoni. “L-informazzjoni mitluba hija l-istess għal kulħadd u għalhekk mhux f’pożizzjoni li ngħidlek kienx hemm jew kemm kien hemm,” insista l-kelliem.

More in Socjali