'Id-deċiżjoni tal-Qorti dwar Fr Charles titfa' t-tort fuq il-vittma vulnerabbli'

L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers tikkritika d-deċiżjoni tal-Qorti dwar Fr Charles Fenech aktar u aktar fid-dawl tal-aħħar każijiet ta' vjolenza domestika u femiċidju

L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers ikkritikat id-deċiżjoni tal-Qorti li l-ġimgħa li għaddiet bidlet is-sentenza mogħtija lil Patri Charles Fenech u saħqet li bid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef tefgħet it-tort fuq il-vittma li hija persuna vulnerabbli.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li attitudni simili ma tgħinx biex persuni vulnerabbli jfittxu l-għajnuna meta jkunu f’relazzjonijiet abbużivi.

Il-Qorti tal-Appell bidlet is-sentenza ta’ Patri Charles li kien instab ħati li abbuża sesswalment persuna li kellha problemi ta’ saħħa mentali u insistiet li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet konsenswali u li l-mara kienet taf x’inhi tagħmel.

Madanakollu, sabitu ħati xorta waħda li kellu x’jaqsam mal-istess mara f’postijiet pubbliċi.

Fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni saħqet li din l-attitudni mhux suppost għandha post f’pajjiż li qed jaħdem biex jeradika l-vjolenza domestika u dan aktar u aktar fid-dawl ta’ inċidenti riċenti, fejn nisa saħansitra spiċċaw tilfu ħajjithom.

Fil-fatt, l-istqarrija bdiet biex tfakkar fil-każ ta’ Lourdes Agius, l-omm ta’ 35 sena li allegatament inqatlet mis-sieħeb tagħha nhar is-Sibt 15 ta’ Settembru.

B’kollox, fl-aħħar 20 sena, 26 mara tilfu ħajjithom wara li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika. Erba’ każijiet ta’ femiċidju seħħew fl-aħħar tliet xhur.

“Minkejja l-avvanzi li għamilna kemm f’liġijiet, servizzi u anke kuxjenza, huwa ta’ tħassib serju li għadna qed nesperjenzaw każijiet ta’ vjolenza domestika li jispiċċaw każijet ta’ femiċidju fil-forma estrema tagħhom,” saħqet tgħid l-Assoċjazzjoni.

Kien għalhekk li uriet it-tħassib tagħha dwar il-każ ta’ Patri Charles Fenech u ħeġġet lil kulħadd biex jaħdem kontra l-vjolenza domestika biex il-pajjiż ikun kapaċi joffri kenn lill-vittmi u mhux jimbotta subajgħ lejhom.

More in Socjali