Lourdes Agius, Sylvana Muscat, Antonia Micallef u oħrajn...Kollha vittmi ta' femiċidju

Fl-aħħar 20 sena inqatlu 26 mara...erba’ minn dawn il-każijiet ta’ femiċidju, seħħew fl-aħħar tliet xhur

Lourdes Agius, Sylvana Muscat, Therese Sciberras, Antonia Micallef u oħrajn huma kollha nisa Maltin li fl-aħħar snin sfaw vittmi mhux biss ta’ vjolenza domestika iżda anke spiċċaw inqatlu għax il-karba tagħhom qatt ma nstemgħet.

Fil-fatt, fl-aħħar 20 sena, 26 mara nqatlu. Erbgħa minn dawn il-każijiet ta’ femiċidju, seħħew fl-aħħar tliet xhur.

L-ismijiet ta’ dawn il-vittmi ta’ femiċidju nżammnu f’idejn għexieren ta’ persuni li niżlu jimxu tul Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta biex isemmgħu leħinhom konta l-vjolenza domestika u l-femiċidju.

“Min imissu?” kienu qed jistaqsu tabelli oħra, hekk kif l-għan tal-mixja kien li titqajjem kuxjenza biex min jaf b’każijiet ta’ vjolenza domestika jitkellem u min hu responsabbli jieħu azzjoni immedjata qabel ma jkun tard wisq.

Il-mixja kienet organizzata wara li nhar is-Sibt 15 ta’ Settembru, Malta qamet maħsuda hekk kif inxterdet l-aħbar li Lourdes Agius, omm ta’ sitt itfal, instabet mejta minn ommha fil-kamra tas-sodda.

Agius, li kellha 35 sena, instabet b’għadd ta’ tbenġil f’għonqa, bl-awtopsja tikkonferma li l-mara mietet fgata. L-għada, is-sieħeb tagħha li għandu 28 sena, tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil tagħha.

F’Lulju, żewġt aħwa anzjani nqatlu fid-dar tagħhom fil-Għargħur u ftit tal-jiem wara, Olandiża nstabet imħanxra f’Santa Venera.

Għal din il-mixja, attendiet kemm il-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat u għadd ta’ Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

 

More in Socjali