'Jippreferu l-ħabs…almenu jkollhom saqaf fuq rashom'

Ahmed Bugri jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar l-isfidi li qed jiffaċjaw l-immigranti, partikolarment dawk li jkunu għadhom kemm ħarġu miċ-ċentru miftuħ

“Naf immigranti li jippreferu jidħlu l-ħabs għax jafu li hemm se jħossuhom siguri, se jieklu u se jkollhom saqaf fuq rashom.” Dan kien kliem Ahmed Bugri, awtorità fil-qasam tal-immigrazzjoni, meta mal-gazzetta ILLUM kien qed jitkellem dwar l-isfidi li qed jiffaċjaw l-immigranti, partikolarment dawk li jkunu għadhom kemm ħarġu miċ-ċentru miftuħ u ma jkollhomx idea fejn se jaqbdu jagħtu rashom.

Ma għandniex xi ngħidu, il-prezzijiet tal-kirjiet jibqgħu l-akbar sfida li qed iħabbtu wiċċhom magħha dawn il-persuni meta jkunu qed jerġgħu jibdew jippruvaw jibnu ħajjithom.

Kien għalhekk, li Bugri, li għamel snin imexxi ċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa u li għadu sal-lum imexxi l-Fondazzjoni għall-Kenn u l-Appoġġ lill-Immigranti, xejjen l-impressjoni li qed tingħata, jiġifieri li l-immigranti li qed jidhru reqdin fuq il-bankijiet jew fil-ġonna pubbliċi, huma kollha immigranti li ngħataw il-protezzjoni fl-Italja u li ġew f’Malta biex jaħdmu, anke jekk dan huwa illegali.

Għall-kuntrarju, Ahmen Bugri insista li l-maġġoranza ta’ dawk reqdin fuq il-bankijiet, huma immigranti li Malta tathom l-ażil u li għax jitħallsu paga minima jew għax jitilfu x-xogħol, jispiċċaw ma jlaħħqux mal-prezzijiet tal-kera.

‘Ifhmu x’inhu jiġri qabel titkellmu’

Kien għalhekk, li b’ton pjuttost imqanqal, appella lill-politiċi biex qabel ma jitkellmu jifhmu x’inhu jiġri u jħarsu lejn l-istampa kollha.

Dan l-aħħar, hekk kif dawk li ħerġin għall-Parlament Ewropew bdew jikkargaw il-kampanja tagħhom, qed jidher li ħafna se jpoġġu l-immigrazzjoni u l-kwistjoni tas-sigurtà fil-lokalitajiet, partikolarment fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’Buġibba, fiċ-ċentru tal-kampanja tagħhom.

Mhux hekk biss, iżda 23 organizzazzjoni ngħaqdu fi stqarrija li fiha kkundannaw id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, meta qal li l-barranin li qed jiġu jew jinġiebu biex jaħdmu f’Malta qed inaqqru l-valuri u l-prinċipji u jheddu “l-identità Maltija.”

Delia saħansitra saħaq li l-mijiet ta’ immigranti reqdin fl-irziezet, fuq il-bankijiet u fil-ġonna qed “jisirqu l-libertà tal-Maltin,” għax skontu, anzjani qed jibżgħu fi djarhom u ż-żgħażagħ qed jibżgħu joħorġu fit-toroq.

Ahmed Bugri
Ahmed Bugri

‘Kuljum iċemplulna nies li tilfu x–xogħol jew id-dar’

Jekk hemm xi ħaġa li dawn il-politiċi għandhom raġun fuqha, hija li hawn ħafna immigranti li qed jispiċċaw jorqdu fit-toroq, anzi fi kliem Bugri, hawn ‘wisq’.

“Il-prezzijiet tal-kera qed jitfgħu n-nies ’il barra. Jekk sentejn ilu kont tħallas €250, illum qed tintalab tħallas €700. Il-Fondazzjoni kuljum tirċievi telefonati ta’ immigranti li tilfu x-xogħol jew inkella d-dar,” insista Ahmed Bugri.

Kien hawn li semma l-każijiet ta’ immigranti li ppreferew il-ħabs meta sabu ruħhom barra miċ-ċentru miftuħ ma jafux fejn se jaqbdu jmorru. “Imma x’jiġri? Tidħol il-ħabs, toħroġ u s-sistema twarrbek. Temeraġina eks priġunier Malti, aħseb u ara eks priġunier barrani. X’se tagħmel? Mhux tispiċċa torqod fuq il-bank?”

‘80% tal-persuni li jorqdu barra għandhom problemi ta’ saħħa mentali’

Iżda mhux hekk biss, Bugri jemmen li l-maġġoranza kbira, fi kliemu ‘80%’ tal-immigranti li jidhru reqdin barra, għandhom problema ta’ saħħa mentali. Fi kliemu dawn ikunu diġà ġarrbu ħafna u għalihom, li jerġgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, hija trawma oħra.

Apparti minn hekk, skont Burgi jkun hemm oħrajn li jkunu ħarġu mill-isptar Monte Karmeli, għax ikunu ngħataw l-għajnuna għat-trawma li jkunu għaddew minnha. Għal dawn, il-ħajja tkun ħafna aktar diffiċli minn dik ta’ immigranti oħra li jkunu ssuperaw it-trawma u jkunu bdew jaħdmu.

‘L-immigranti mill-Italja kollha qed isibu xogħol’

Kien hawn li Ahmed Bugri insista li hija assolutament ‘gidba’ meta jingħad li l-immigranti reqdin barra huma dawk li ġejjin mill-Italja biex jaħdmu.

“Nista’ nassigurak li l-immigranti kollha li jiġu mill-Italja, kollha kemm huma jsibu jaħdmu, anke jekk b’mod illegali.”

Allura l-immigranti f’Malta ma jsibux jaħdmu? Ma hemmx uffiċċju fil-Marsa li jsibilhom xogħol?

Bugri ma qagħadx idur mal-lewża. Insista li xogħol hawn u l-impjegaturi qed ifittxu li jħaddmu immigranti. “Imma ftit biss lesti li jħallsuhom aktar mill-paga minima,” kompla jgħid. “Bil-paga minima jridu jieklu, jixtru bżonnijiet oħra u jħallsu l-kera…mhux qed ilaħħqu u qed jispiċċaw fit-toroq.”

Bugri huwa wkoll ftit xettiku dwar kif jaħdem l-uffiċċju fil-Marsa. Fi kliemu faċli toqgħod bilqiegħda f’uffiċċju u tqabbel xogħol ma’ immigrant skont il-ħiliet tiegħu.

“Faċli tgħid lill-immigrant mur għand dak għax se jagħtik xogħol. U jekk dan imur ix-xogħol u jsib il-problemi? Jew jitwaqqaf wara ftit? Jew jimrad u jispiċċa bla xogħol?” staqsa Bugri.

Arkivji | Ċentru Miftuħ
Arkivji | Ċentru Miftuħ

“Is-sistema fiċ-ċentri miftuħa għandha tkun aħjar”

Iżda Bugri kompla jisħaq li l-problema għandha għeruq aktar fondi u kollox iħoll u jorbot fuq is-sistema li biha jaħdmu ċ-ċentri miftuħa. Insista li immigrant ma jistax jintefa’ għal riħu u “jiftakru fih meta jkun wasal biex jitlaq wara sena.”

“Aħna kuljum iċemplulna impjegaturi li jridu jħaddmu n-nies…imma jridu persuni b’ħiliet,” kompla Bugri.

Kien hawn li spjega kif meta l-Fondazzjoni għall-Kenn u l-Appoġġ lill-Immigranti kienet tmexxi ċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, l-immigranti kien ikollhom korsijiet, fosthom tal-Ingliż, tal-kompjuter, tal-‘food handling,’ u oħrajn.

“Dawn kollha ħiliet li impjegaturi jfittxu. Aktar mhu se jkollhom ħiliet, aktar se jsibu xogħol malajr u aktar se jkollhom paga tajba. Ġieli kellna immigranti li telqu miċ-ċentru miftuħ wara biss ftit xhur,” saħaq Bugri. “Nassigurak li kollha jridu jmorru jaħdmu malajr kemm jista’ jkun. Immigrant jippreferi jaħdem u jkun jista’ jgħix f’appartament, milli f’kamra fiċ-ċentru ma’ disa’ persuni jew aktar u bla privatezza ta’ xejn.

Immigrant li jkun ingħata l-ażil jingħata sena ċans biex jgħix f’ċentru miftuħ. Wara li tgħaddi s-sena, isir ‘screening’, biex ikun żgurat li l-persuna hija b’saħħitha u li għandha xogħol biex tkun tista’ tfendi għal rasha.

“Iżda jekk imbagħad ma jkollhiex biżżejjed ħiliet u ftit wara li toħroġ titlef ix-xogħol, x’se tagħmel? Fejn se toqgħod?”

Kien għalhekk li tenna l-bżonn li malli l-immigranti jaslu fiċ-ċentri miftuħa għandu jittieħed rendikont tal-esperjenza li ħafna minnhom diġà jkollhom u minnufih jibdew jingħataw kemm jista’ jkun tagħlim biex isaħħu l-ħiliet, biex isibu xogħol tajjeb u fiss.

“Iċ-ċentru miftuħ għandu jkun l-aħħar għażla u mhux il-bank fit-triq!” temm jisħaq Bugri.

More in Socjali