Is-Sindku jxejjen l-impressjoni; ‘Is-sitwazzjoni fil-Marsa hija taħt kontroll’

Is-Sindku tal-Marsa jisħaq li l-akbar problema fil-Marsa huma immigranti li qed jiġu mill-Italja biex jaħdmu b’mod illegali

L-impressjoni li għandhom diversi Maltin dwar il-Marsa, b’mod partikolari fost dawk li jużaw il-midja soċjali, hija li din il-lokalità ‘nħakmet’ mill-barranin, b’mod partikolari mill-immigranti li waslu f’pajjiżna b’mod illegali. Għal ħafna, il-Marsa huwa raħal perikoluż mimli nies jorqdu barra, sokor u ġlied.

Jekk din hija l-impressjoni inġenerali, mal-gazzetta ILLUM, is-Sindku Marsi, Frans Debono, jassigura li s-sitwazzjoni “tinsab taħt kontroll” u “ħafna aħjar minn kif kienet għaxar snin ilu.”

Filwaqt li saħaq li l-ftuħ taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa kien il-bidu tal-bidla għal-lokalità tal-Marsa, is-Sindku fakkar li l-għadd tal-immigranti f’dan iċ-ċentru qiegħed kulma jmur jonqos.

Fi kliem is-Sindku, “min illum qiegħed jikkritika, meta kellu s-saħħa li jbiddel, baqa’ ma għamel xejn.” Insista li meta nfetaħ dan iċ-ċentru ħadd ma ħares fit-tul u fehem l-impatt li dan kien se jkollu fuq il-lokalità kollha kemm hi.

Imma fadal xi jsir…

Minkejja li s-Sindku xejjen l-impressjoni li l-Marsa mhuwiex post sigur u saħansitra saħaq li n-negattiv tal-barranin se jidher aktar minn dak li jagħmlu l-Maltin, insista li dan ma jfissirx li ma għadx fadal xi jsir.

Fi kliemu, il-problema li qed tiffaċċja l-lokalità tal-Marsa mhijiex l-immigranti fiċ-ċentru miftuħ jew inkella fost dawk li jikru u jgħixu fil-komunità, iżda barranin, li qed jiġu mill-Italja, mingħajr ma jafu fejn se joqogħdu u jispiċċaw jitlajjaw fit-toroq u jorqdu f’postijiet pubbliċi.

Madanakollu, fl-istess nifs, meta mistoqsi dwar ir-ritratti li qed jittellgħu fuq il-midja soċjali ta’ persuni reqdin barra fil-Marsa, Frans Debono qal li hija xi ftit jew wisq ‘sitwazzjoni surreali,’ għax skontu, din mhijiex problema ta’ matul is-sena kollha, iżda titfaċċa minn żmien għall-ieħor.

Is-Sindku Marsi Frans Debono
Is-Sindku Marsi Frans Debono

“Il-Gvern Taljan qiegħed jikkritikana li mhux nieħdu immigranti imma mhux isemmi kemm qed joħroġilhom dokumenti biex ikunu jistgħu jmorru f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, uħud minnhom mingħajr ma jafu fejn se joqogħdu jew x’se jaqbdu jagħmlu… Qed ngħabbu ħafna mill-piż tal-Italja. Dawn huma l-immigranti li qed naraw reqdin barra.”

Huwa fatt magħruf li ħafna minn dawn l-immigranti qed jiġu Malta mill-Italja biex jaħdmu. Anke jekk dawn l-immigranti għandhom dritt li jiġu Malta, skont il-liġijiet internazzjonali, jistgħu jaħdmu biss fil-pajjiż li tahom l-ażil (ara l-kaxxa).

Kien hawn li Frans Debono qal li hemm bżonn jiżdiedu aktar ‘l-ispot-checks,’ fil-Marsa u f’lokalitajiet oħra fejn qed ikun hemm diversi rapporti ta’ immigrant reqdin barra.

“Ma hemmx għalfejn ikunu Pulizija. Jistgħu jkunu NGOs mgħejjuna mill-Gvern li jmorru fuq il-persuni li jinstabu qed jorqdu barra u jistaqsuhom fejn qed joqogħdu u jekk għandhomx indirizz,” qal Debono.

Kompla jinsisti li hemm bżonn aktar kontrolli mal-fruntieri, fl-ajruport u anke fil-portijiet. Saħaq li bħalma jitwaqqfu persuni li dwarhom ikun tqajjem suspett, li qed iġorru xi droga jew prodotti tal-kuntrabandu, għandu jsir l-istess meta jkun hemm suspett li immigranti deħlin f’Malta, biex jibqgħu, minkejja li ma għandhomx idea fejn se joqogħdu.

Ir-resident tagħna għadu mhux lest għall-integrazzjoni… jara u jisma’ wisq negattiv

Filwaqt li rrikonoxxa li wieħed irid jirrispetta l-privatezza ta’ dawn il-persuni, li la bid-dokumenti għandhom id-dritt li jivvjaġġaw, ma jara xejn li xi kultant isiru dawn ‘l-ispot-checks,’ b’mod partikolari meta gruppi ta’ immigranti jidhru deħlin f’salt fil-pajjiż.

‘Jippreferu jduru barra milli ġo kamra ffullata’

Iżda skont is-Sindku, din mhijiex l-unika problema li qed twassal biex jiżdiedu l-immigranti reqdin barra jew inkella jduru fit-toroq tal-lokal.

“Persuna tippreferi toħroġ tistrieħ barra, jew iddur fit-toroq, milli toqgħod ġo kamra ma’ ħames persuni oħra, fejn xorta waħda ma għandhiex privatezza,” insista s-Sindku. “Min qed jikri qed iħares lejn il-flus biss. Mhux se jagħti kas kemm il-binja tiflaħ nies,” insista Debono. “Għalhekk żdiedu n-nies barra, reqdin fuq il-bankijet u jinħaslu fil-faċilitajiet pubbliċi.”

Iżda saħaq ukoll li anke din mhijiex problema li bdiet issa. Fakkar kif kull persuna residenti fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa jkollha perjodu ta’ kemm tista’ tgħix fih. “Wara kulħadd irid ifendi għal rasu. Kull min kellu dar abbandunata ra kif se jaqla’ lira minnha,” kompla s-Sindku.

‘Is-sitwazzjoni aħjar…imma l-inċidenti żdiedu’

Iżda jekk is-Sindku qal li s-sitwazzjoni fil-Marsa hija ħafna aħjar minn dik ta’ għaxar snin ilu, aħna u nitkellmu dwar ħwienet li huma esklussivament għall-immigranti, irrikonoxxa li l-inċidenti qed jiżdiedu.

Qal li dawn il-ħwienet għenu biex tiżdied il-preżenza tal-immigranti fil-Marsa, għax faċli għal dawk li jgħixu fil-Ħamrun jew fil-madwar biex jinżlu l-Marsa u viċi versa.

“Fejn qabel bilkemm kien hawn ħwienet, illum hawn fejn tiġi. Qed jinħolqu l-problemi għax ikun hemm gruppi li ma jaqblux ma’ xulxin,” kompla Debono iżda saħaq li jekk żdiedu l-inċidenti, żdied ukoll l-infurzar.

‘Ir-resident mhux lest għall-integrazzjoni’

Iżda dawn il-persuni jinqatgħu għalihom għax huma emarġinati. Il-Kunsill x’qed jagħmel biex jintegra lill-immigranti? Vera li l-Marsin qed jibżgħu joħorġu minn djarhom jew saħansitra jieħdu t-tfal il-bandli?

 Ma tantx dam jogħmod il-kliem. “Ir-resident tagħna għadu mhux lest għall-integrazzjoni…  jara u jisma’ wisq negattiv.” Saħaq li ġaladarba għall-Maltin mhux normali li jaraw nies jorqdu barra, xi ftit jew wisq se jħossuhom skomdi u mhedda.

Filwaqt li jemmen li l-immigranti li jikru u qed jgħixu fil-Marsa huma integrati, l-integrazzjoni ssir diffiċli fost dawk li ġejjin u sejrin. “L-immigranti fil-Marsa l-ħin kollu jinbidlu, kif tista’ tintegrahom?”

“Ma tafx min huma dawn in-nies. Għandhom mitt elf raġun iħossuhom skomdi, iżda jekk qiegħed f’post pubbliku ma tistax ma tużax bank għax hemm barrani fuqu, jew tippretendi li ma jpoġġix ħdejk,” kompla s-Sindku.

More in Socjali