‘Il-ġenwinità ta’ Renzo hija riflessa fix-xogħlijiet tiegħu’

Renzo Gauci, skultur, restawratur u disinjatur li x-xogħlijiet tiegħu se jibqgħu jfakkruh f’kull belt u raħal…

Nhar il-Ħamis li għadda, ħafna, b’mod partikolari d-dilettanti tal-festi u l-arti sagra, qamu maħsuda bil-mewt tal-artist Renzo Gauci, li x-xogħlijiet tiegħu huma mifruxa f’Malta u Għawdex.

Gauci, li kien Tarxiniż kellu 59 sena u għal dawn l-aħħar xhur kien qed jissielet mal-marda tal-kanċer.

Huwa kien magħruf għall-iskulturi tiegħu fl-injam, kemm statwi kbar għall-knejjes u anke oħrajn għall-kollezzjonijiet privati.

Kien jaħdem ukoll xogħol fil-kartapesta, tant li ħadem għadd ta’ statwi li jżejżnu t-toroq Maltin u Għawdxin fil-ġranet tal-festi.

Renzo kien magħruf l-aktar għad-disinji, mhux biss ta’ pavaljuni, bandalori, ornamenti tal-istatwi u anke xogħol fil-ġebel, iżda anke dawk fl-injam, bħal bradelli, planċieri, pedistalli, skudetti u oħrajn.

Il-funeral ta’ Renzo Gauci se jsir illum fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien, fit-3:00pm.

Adonai Camilleri Cauchi
Adonai Camilleri Cauchi

Hemm bżonn aktar artisti bħal Renzo Gauci”

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi, li ddeskriva lil Renzo Gauci mhux biss bħala bniedem umli, iżda bniedem ġenwim.

“Din il-ġenwinità u s-sempliċità tiegħu kien jirriflettiha fix-xogħol li jaħdem,” saħaq Adonai.

Kompla jgħid li mhux l-ewwel darba li meta kien ikun Għawdex kien jgħaddi sal-bottega fejn jaħdem hu u missieru Michael Camilleri Cauchi u kien jieħu interess f’dak li kienu jkunu qed jaħdmu.

“Kien jgħidli li japprezza ħafna x-xogħlijiet tal-familja Camilleri Cauchi," kompla Adonai.

Mhux l-ewwel darba lanqas li ħadmu flimkien. Fil-fatt, dan l-aħħar, Renzo Gauci kien ħadem raġġiera u ornamenti oħra li kienu ddisinjaw Camilleri Cauchi għal statwa ta’ San Bert li ħadmu huma stess għall-Għargħur.

Mistoqsi jekk hemmx xi xogħol partikolari ta’ Renzo Gauci li jammira l-aktar, Adonai Camilleri Cauchi saħaq li hemm ħafna xogħlijiet, iżda jogħġbuh ħafna d-disinji sempliċi li ħadem għal diversi pedistalli u anke planċieri tal-banda, fost oħrajn.

“Hemm bżonn aktar artisti bħal Renzo Gauci,” saħaq Adonai waqt li fakkar ukoll f’artisti oħra bħal Salvu Bugeja, li bħal Gauci kien popolari ħafna għad-disinji.

Valentina Lupo
Valentina Lupo

Meta jmut artist jitlef il-pajjiż kollu”

Tkellimna wkoll mar-restawratriċi professjonista Valetina Lupo li faħħret ħafna x-xogħlijiet ta’ Renzo Gauci, b’mod partikolari l-bankun u l-bradella ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq.

Lupo saħqet li kienet tammira ħafna lil Gauci għax fix-xogħlijiet tiegħu ma kienx biss iħares lura u jikkopja l-barokk li mdorrijin bih fil-knejjes tagħna, iżda kien jirnexxielu jdaħħal ukoll dik id-daqqa kontemporanja li tagħmel ix-xogħlijiet tiegħu partikolari.

Għalkemm Valentina qatt ma ltaqgħet miegħu personalment, ħadmet ma’ ħafna nies li jafuh u fi kliemha kollha faħħru mhux biss ix-xogħol iżda l-karattru tiegħu.

Fuq nota aktar ġenerali, Valentina Lupo qalet mal-ILLUM li filwaqt li kull mewta ġġib magħha telfa, għall-qraba u l-ħbieb, meta jmut artist tħoss li jkun tilef il-poplu kollu.

Fi kliem Valentina, l-artisti huma bħal għasfur protett li l-ispeċi tiegħu tista’ tkun estinta.

“Il-kreattività ta’ artist hija unika. Meta jmut artist, qatt ma tista’ toħloq bħalu. Għalhekk, telfa ta’ artist, hija kważi kważi telfa nazzjonali,” saħqet Lupo.

Il-bankun u l-bradella ta' Santa Marija ta' Ħal Għaxaq. Ritratt ta' Sebio Aquilina
Il-bankun u l-bradella ta' Santa Marija ta' Ħal Għaxaq. Ritratt ta' Sebio Aquilina

Uħud mix-xogħlijiet ta’ Renzo Gauci

Jekk tibda ssemmi x-xogħlijiet ta’ Renzo Gauci trid gazzetta sħiħa.

Dawn ta’ hawn taħt huma ftit mix-xogħlijiet li ħadem u li se jibqgħu jżejnu l-knejjes Maltin u Għawdxin u t-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna fil-ġranet tal-festa:

  • Il-pedestall tal-vara titular ta’ San Sebastjan ta’ Ħal Qormi
  • Il-bankun u l-bradella tal-vara ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq
  • Il-bankun u l-bradella tal-vara tal-Madonna ta’ Lourdes tal-Qrendi
  • Il-bankun u l-bradella tal-vara tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura
  • Il-planċier li jintrama fil-pjazza ta’ Ħal Tarxien fil-festa tal-Lunzjata
  • Il-gastri tal-fjuretti tal-artal maġġur tal-parroċċa ta’ Ħal Tarxien
  • In-niċċa tal-vara ta’ Marija Reġina tal-Marsa
  • Sopraporta għal fuq il-kwadru inkurunat tal-Katidral ta’ Għawdex
  • Ħadem u rrestawra vari tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-Għargħur, Ħal Luqa u oħrajn
  • Għadd ta’ statwi li jintramaw fit-toroq fil-ġranet tal-festa
  • Statwi ta’ Kristu Rxoxt għall-knejjes Agostinjani f’Ħal Tarxien u r-Rabat
  • Disinji ta’ pavaljuni u bandalori għal diversi festi
  • Artal medja għall-knisja ta’ Lapsi f’San Ġiljan
  • Konservazzjoni fuq diversi statwi fil-knejjes Maltin

More in Socjali