“Bjorn taf li qegħdin ħdejk u taf li qatt mhu se nħalluk waħdek”

Ilum Bjorn jagħmel operazzjoni li tista’ tħallih ipparalizzat u ma jitkellimx...il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ martu Maria…

(Arkivji)
(Arkivji)

Illum Bjorn Formosa se jkun qed jagħmel operazzjoni li tista’ tħallih ipparalizzat u li minħabba fiha mhux se jkun jista’ jitkellem aktar. Jekk ma jagħmilhiex, Bjorn ma jistax jgħix. Kienet deċiżjoni diffiċli għalih, iżda daqstant ieħor għal martu Maria, ġaladarba din l-operazzjoni se tbiddel, xi ftit jew wisq, l-istil tal-ħajja tagħhom.

Ħafna drabi jitkellem Bjorn, iżda din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM ltaqgħet ma’ Maria Formosa, li minkejja li hi mara mistħija, il-kuraġġ u l-imħabba tagħha għal Bjorn tista’ tħosshom fit-tweġibiet sempliċi u ta’ ftit kliem tagħha.

Tkellimna ma’ Maria fuq l-operazzjoni li Bjorn se jkun qed jagħmel illum, operazzjoni li fi kliemha kienet ilha tberren f’moħħha u f’moħħ Bjorn iżda kif jagħmel kull min ikun għaddej minn żmien diffiċli, dejjem ippruvaw jipposponuha jew saħansitra jittamaw li ma tasalx.

“Bżajna minnha t-tnejn li aħna. Se ġġib bidla kbira f’ħajtu. Il-ħajja se tkun differenti ħafna għalina,” qalet Maria bid-dmugħ f’għajnejha.

Iżda min qed jaħseb li din ‘il-bidla’ qed taqta’ qalb il-koppja Formosa, sejjer żball.

Tant kemm mhux qed jaqtgħu qalbhom, li malli xrifna fil-bieb ta’ Dar Bjorn f’Ħal Qormi, f’uffiċċju żgħir fuq il-lemin, sibna lil Maria u lil Bjorn jirsistu bl-aħħar preparamenti għall-kunċert li sar ilbieraħ b’risq ALS Malta.

“Aħjar hekk! Jekk ma jagħmilhiex se jkun qisu qed jaqta’ qalbu milli jkompli jgħix. In-nifs huwa fundamentali,” saħqet Maria.

‘Għalija diffiċli li Bjorn ma jitkellimx aktar’

Imma vera li int ma xtaqtx li Bjorn jagħmel l-operazzjoni? “Iva vera, għax naraha ħaġa diffiċli ħafna li Bjorn li ma jibqax jitkellem,” qalet Maria. Imma fl-aħħar mill-aħħar iż-żewġ għażliet li kellhom quddiemhom kienu diffiċli, jew jagħmel l-operazzjoni u ma jitkellimx aktar jew ma jagħmilx l-operazzjoni u n-nifs jibqa’ sejjer lura.

Ikollok kemm ikollok kuraġġ, dejjem se tibqa’ uman u xi kultant il-biża’ ma tkunx tista’ titwarrab. Tant hu hekk li Maria stess saħqet magħna li l-aktar ħaġa li qed tbeżżagħha bħalissa huwa l-fatt li Bjorn mhux se jibqa’ jitkellem.

Hu jagħtina l-kuraġġ u mhux aħna. Tant kemm hu organizzat, tant jippreparak kemm hu determinat li jgħix, li ma tistax taqta’ qalbek inti

“Jekk se ttawwallu ħajtu u jkollu n-nifs, ħafna aħjar. Kull għażla kienet se tkun diffiċli. Qisek ma tistax tiddeċiedi. Jien qatt ma nista’ niddeċiedi għalih. Tkellimna flimkien imma jien nipprova ma ninfluwenzahx,” kompliet Maria, aktar u aktar għax Bjorn min jeddu jfittex u jirriċerka biex id-deċiżjoni li jieħu tkun għall-aħjar tiegħu.

‘Għal Bjorn l-appuntament ta’ għada qisu appuntament kwalunkwe’

Fil-filmat li xxandar fuq il-paġna ta’ Xarabank, huwa u jitkellem dwar din l-operazzjoni, Bjorn deher emozzjonat u hu stess jistqarr li hu xi ftit jew wisq beżgħan. Maria kif tħossha meta tarah hekk? Ma tantx dehret inkwetata għal din il-mistoqsija, għax fi kliemha, lil Bjorn tafu sew.

“Dak ikun il-mument. Issa jagħmel il-kuraġġ. Bjorn issa jħares ’il quddiem. Qed iħares għall-appuntament tat-Tnejn (illum) bħall-appuntamenti l-oħra kollha tal-kalendarju. Jagħmel l-operazzjoni u jħares ’il quddiem lejn x’se jagħmel wara,” kompliet Maria.

Fil-fatt, anke jekk dan hu mument diffiċli ħafna, il-kuraġġ ta’ Bjorn huwa l-aktar ħaġa li skont Maria, timla lilha u lil dawk ta’ madwarhom bid-determinazzjoni. Anke jekk l-għażla kienet diffiċli, kuntenti li b’din l-operazzjoni, Bjorn se jibqa’ jgħix.

‘Qatt ma għandek taqta’ qalbek

Lil min jgħid li aħjar tmut milli tbati, Maria kif twieġbu?

L-ewwel u qabel kollox, Maria saħqet li qatt ma għandek tiġġudika li min ikun marid u jargumenta hekk. “Dejjem trid tkun fiż-żarbun tal-persuna.”

Madanakollu, ir-risposta ta’ Maria hija sempliċi. “Hawn ħafna għaliex tgħix. Ħu minn Bjorn. Jekk mhux għalih, irid jgħid għal min iħobbu u għal min għandu bżonnu… qatt ma għandek taqta’ qalbek.”

‘Il-ħajja tagħna mhux dwejjaq biss’

Imma x’inhu s-sigriet wara dan il-kuraġġ u din id-determinazzjonin kollha? Għal Maria r-risposta kienet waħda qasira u sempliċi. “Aħna ngħixu ġurnata b’ġurnata.”

Fil-fatt, apparti l-operazzjoni ta’ għada, tkellimna wkoll ma’ Maria dwar il-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Kull koppja tiffaċċja tlajja’ u nżul fir-relazzjoni tagħha, iżda forsi meta wieħed iħares lejn il-familja Formosa, jaħseb li l-ħajja tagħhom hija diffikultajiet biss.

Iżda Maria tħares lejn il-ħajja tagħha ma’ Bjorn daqs ta’ kwalunkwe koppja oħra.

“Bħal kull koppja oħra nippruvaw inżommu l-ħajja tagħna normali kemm jista’ jkun. Normali għalkollox mhux se tkun għax għandna d-diffikultajiet tagħna. Imma ma għandniex dwejjaq biss,” insistiet Maria.

Ġieli naħseb kemm nixtieq li nqum filgħodu u ma jkollu xejn…imma mbagħad ngħid kemm jiena ffortunata li ltqajt ma’ din il-persuna, hi kif inhi

Kompliet tispjega li jekk forsi hawn min l-affarijiet jagħmilhom bla ħsieb, hi u Bjorn iridu jippjanaw kollox minn qabel.

“Trid tpoġġi lilek innifsek dejjem it-tieni. Bla dubju trid il-paċenzja. Minflok qomt filgħodu, lestejt l-affarijiet tiegħi u ħriġt, jiena rrid ngħin lil Bjorn biex ilesti hu wkoll. Imma kemm jista’ jkun nippruvaw inżommu l-ħajja tagħna normali,” saħqet Maria.

Fid-dawl ta’ dan, staqsejna lil Maria jekk kienx hemm min ipprova jħassrilha meta hi u Bjorn ħasbu biex jiżżewġu. Fil-fatt kien hemm persuni li ppruvaw ‘jiftħu’ għajnejn Maria, iżda hi ftit li xejn ħablet rasha, għax fi kliemha, hi u Bjorn kienu kważi kważi miżżewġin, kienu jqattgħu ħafna mill-ħin flimkien u kienet tagħmillu ħafna affarijiet.

“Jiena ma qgħadx naħseb ħafna fuq dawn l-affarijiet. Jiena kont komda li ngħixu flimkien. Ix-xewqa tiegħu kienet li niżżewġu u hekk għamilna,” kompliet Maria.

‘Tgħallimt ngħix ġurnata b’ġurnata’

Iżda qabel ma żżewwiġt, kont timmaġina li l-kundizzjoni ta’ Bjorn se tmur għall-agħar daqshekk malajr?

“Il-marda hija dik li hi. Hemm fażijiet tal-kundizzjoni li kulħadd se jasal għalihom. Jiena ma naħsibx f’dak li jkun ġej. Tgħallimt nimxi ġurnata b’ġurnata. Jekk toqgħod taħseb ħafna fil-bogħod naraha aktar diffiċli,” kompliet Maria. “Nirringrazja lil Alla għal kull ġurnata li Bjorn ikun magħna. Ovvjament ma tkunx tixtieq taħseb f’ċertu fażijiet tal-kundizzjoni. Minn dejjem bżajt li ma jitkellimx aktar.”

Iżda kif għidna ħafna drabi tul l-intervista, il-ħajja trid tkompli. Malli tasal fażi tal-kundizzjoni, tidra r-rutina l-ġdida u tħares biss ’il quddiem. Hekk tirraġuna Maria u tagħmel dan għax din hija l-attitudni li Bjorn għandu lejn il-ħajja.

“Hu jagħtina l-kuraġġ u mhux aħna. Tant kemm hu organizzat, tant jippreparak kemm hu determinat li jgħix, li ma tistax taqta’ qalbek inti,” saħqet Maria. “Kif nista’ ma jkollix kuraġġ jiena jekk hu li għaddej mill-kundizzjoni għandu dan il-kuraġġ kollu?”

‘Inkun nixtieq li nqum filgħodu u ma jkollu xejn’

Iżda meta tkun waħdek, xi ħsibijiet jgħaddu minn moħħok? Bi tbissima Maria saħqet li ftit li xejn għandha minn dawn il-mumenti għax tista’ tgħid li jqattgħu l-ġurnata l-ħin kollu flimkien, ħafna minnha, jgħinu lill-pazjenti li jitolbu s-servizz ta’ Dar Bjorn.

“Meta mbagħad ikolli ħin waħdi tgħidx kemm nimmisjah. Tant kemm jimlilek ħajtek, tant kemm dejjem għaddej b’xi ħaġa, li bilfors timmisjah” kompliet Maria.

Madanakollu, stqarret magħna li jiġu dawk il-mumenti meta tkun tixtieq li tqum filgħodu u Bjorn ma jkollu xejn.

“Ġieli naħseb kemm nixtieq li nqum filgħodu u ma jkollu xejn…imma mbagħad ngħid kemm jiena ffortunata li ltqajt ma’ din il-persuna, hi kif inhi. Forsi anke jekk għal ftit żmien, fortunata li ngħix ma’ Bjorn,” qalet Maria waqt li ppruvat iżżomm id-dmugħ.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tiegħek? “Li nara lil Bjorn japprezza li qed inkunu flimkien, li qed nagħmlu l-affarijiet flimkien… ma nħarisx lejn ħaddieħor u nixtieq dak li għandu. Bjorn mhux ġismu minn barra. Hemm il-bniedem minn ġewwa u jiena lil dak inħobb,” kompliet Maria.

‘Se jsib mezz kif jibqa’ jmexxi kollox hu’

Wara li tajna ħarsa lejn il-preżent u ħarsa lejn il-passat, tkellima wkoll fuq il-pjanijiet għal futur. Ġaladarba Bjorn se jkun qed jagħmel din l-operazzjoni, li kif għidna, tista’ tħallih ipparalizzat, wieħed jistenna li ħafna mill-piż ta’ ALS Malta se jaqa’ fuq spallejn Maria.

Iżda Maria mhux daqshekk ċerta dwar dan, għax temmen li Bjorn xorta waħda se jsib mezz kif ikompli għaddej. “Minn hawn jew minn hemm xi mezz se jsib żgur biex jibqa’ jikkontrolla kollox,” saħqet Maria. “Din il-fondazzjoni hija wisq għal qalb Bjorn. Għandu ħafna pjanijiet għall-futur u hemm kollox ippjanat kif jixtieq hu.”

Maria se tibqa’ dejjem warajh u taħdem biex il-ħolm ta’ Bjorn iseħħ. L-akbar ħolma tagħhom it-tnejn hija li tinbena t-tieni Dar Bjorn, din id-darba f’Ħaż-Żebbuġ, għax inqas minn sena wara li nfetħet id-dar f’Ħal Qormi, l-ispazju diġà huwa limitat.

50 pazjent jistennew l-għajnuna ta’ Dar Bjorn

Fil-fatt, malli lestejna l-intervista, qattajna ftit tal-ħin nitkellmu ma’ Bjorn fl-uffiċċju tiegħu li spjega kif il-lista ta’ stennija għal dawk li jixtiequ l-għajnuna ta’ Dar Bjorn taqbeż il-50 persuna.

Fil-fatt, apparti t-13-il pazjent li qed jingħataw kura u għajnuna f’Dar Bjorn, il-Fondazzjoni qed taħdem ukoll ma’ ħafna pazjenti oħra fi djarhom, anke jekk dan ifisser aktar spejjeż.

Ma nħarisx lejn ħaddieħor u nixtieq dak li għandu. Bjorn mhux ġismu minn barra. Hemm il-bniedem minn ġewwa u jiena lil dak inħobb

Maria fakkret li Dar Bjorn ma tgħinx biss persuni li jbatu mill-kundizzjoni tal-ALS, iżda anke lil pazjenti b’kundizzjonijiet newroloġiċi oħra, li fi kliem Bjorn, qabel it-twaqqif tal-Fondazzjoni ALS, ma kellhomx fuq min iduru.

“Meta ftaħna Dar Bjorn lanqas konnha naħsbu li se nimlew din id-dar kollha,” saħqet Maria u llum tant kemm għandhom xogħol li Bjorn u Marija jqattgħu l-ġurnata kważi kollha fid-dar ta’ Ħal Qormi. “It-tieni dar hija proġett kbir. Qabel konna noħolmu biha din id-dar, illum qiegħda hawn.”

Qabel ħallejna lil Maria biex tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha, tlabnieha twassal messaġġ lil Bjorn. Ftit kliem, bid-dmugħ f’għajnejha, imma minn qalbha:

“Bjorn taf li qegħdin ħdejk u taf li qatt mhu se nħalluk waħdek.”

Kif tista’ tgħin lill-Fondazzjoni ALS?

Ir-riżorsa umana tibqa’ dejjem importanti u bżonjuża. Jekk tixtieq tagħti ftit mill-ħin tiegħek biex tgħin lill-Fondazzjoni ALS, tista’ ċċempel fuq: 7920 9420.

Jekk il-ħin tiegħek huwa limitat, tista’ wkoll tagħti donazzjoni billi ċċempel fuq:

  • 5170 2016 - €15
  • 5180 2018 - €25

Tista’ wkoll tibgħat SMS fuq:

  • 5061 8170 - €4.66
  • 5061 8936 - €6.99
  • 5061 9271 - €11.65

Jekk trid tibgħat donazzjoni direttament fil-kont tal-bank, id-dettalji huma:

  • Isem il-kont: ALS MALTA FOUNDATION
  • Numru tal-kont: 4002365323-2
  • IBAN: MT72VALL22013000000040023653232
  • BIC: VALLMTMT

Aktar dettalji dwar kif tista’ tgħin ssibhom fuq is-sit: www.alsmalta.com jew inkella l-paġna ta’ Facebook ALS Malta

More in Socjali