Aktar minn 90,000 Malti u Għawdxi qattgħu btala f’pajjiżna stess

Il-maġġoranza għażlu l-ewwel kwart tas-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, biex ħadu btala f’Malta stess

Għalkemm statistiċi qed juru li qed jiżdiedu l-Maltin li jsiefru, statistika ppubblikata turi li wkoll li qed żdiedu l-Maltin u l-Għawdxin li jagħżlu li jqattgħu btala f’pajjiżna stess.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, 91,144 Malti u Għawdxi għażlu li jqattgħu jiem għall-mistrieħ fid-diversi lukandi u akkomodazzjonijiet oħra mifruxa madwar il-gżejjer.

Il-maġġoranza għażlu l-ewwel kwart tas-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, biex ħadu btala f’Malta stess. F’dawn ix-xhur, 55,693 Malti u Għawdxi qattgħu btala f’pajjiżna, filwaqt li fit-tieni kwart tas-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, l-akkomodazzjonijiet turistiċi laqgħu fihom 35,451 Malti u Għawdxi.

Il-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel l-aktar popolari

Il-Maltin u l-Għawdxin  jippreferu wkoll li jekk se jieħdu btala f’Malta jqattgħu dawn il-jiem f’lukanda ta’ erba’ stilel, forsi għax ħafna minn dawn ikollhom aċċess għall-pixxina u anke xi spa, bi prezzijiet raġonevoli u li jinżlu tajjeb ma’ min ikun se jqatta’ xi tmiem il-ġimgħa ’l bogħod mill-ħajja ta’ kuljum.

Fil-fatt, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, 40,228 Malti u Għawdxi għażlu dawn il-lukandi ta’ erba’ stilel filwaqt li numru ieħor mhux ħażin, jiġifieri 26,974 persuna għażlu l-lukandi ta’ ħames stilel.

Madanakollu f’Għawdex, jekk bejn Jannar u Marzu kienu aktar popolari l-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel, bejn April u Ġunju dawk ta’ tliet stilel kienu l-preferuti, anke jekk dawk ta’ ħames stilel kważi attiraw l-istess ammont ta’ Maltin u Għawdxin.

Fit-tieni kwart tas-sena, żdiedu l-Maltin u l-Għawdxin li għażlu lukandi ta’ ħames, erba’ u tliet stilel u anke l-guesthouses, il-hostels u l-villaġġi turistiċi u dan meta wieħed iqabbel iċ-ċifri ma’ dawk tal-istess xhur tas-sena li għaddiet.

Iżda, jekk fl-istess xhur tal-2017, 1,305 persuni għażlu l-lukandi ta’ żewġ stilel, l-ammont niżel għal 988 fit-tieni kwart ta’ din is-sena.

Jiżdiedu bi 12.5% t-turisti fl-akkomodazzjonijiet

Intant, it-turiżmu f’Malta, mhux biss dak domestiku, jidher li ħa spinta tajba ’l quddiem, hekk kif skont l-istess statistika, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, l-akkomodazzjonijiet turistiċi laqgħu fihom 954,759 turist, jiġifieri żieda ta’ 12.5% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

L-istatistika tqabbel ukoll it-tieni kwart ta’ din is-sena ma’ dik tas-sena li għaddiet u jirriżulta li l-akkomodazzjonijiet kemm dawk f’Malta u anke f’Għawdex, irreġistraw żieda fl-ammont ta’ turisti li laqgħu fihom.

It-turisti f’dawn l-akkomodazzjonijiet żdiedu b’aktar minn 10% f’Malta u kważi b’7% f’Għawdex biex b’kollox, fi tliet xhur, dawn laqgħu fihom 528,857.

F’dawn it-tliet xhur, it-turisti qattgħu medja ta’ ħames iljieli fil-lukandi, guesthouses jew hostels Maltin u medja ta’ erba’ ljieli fl-istess tip ta’ akkomodazzjonijiet Għawdxin.

More in Socjali