‘Se jtellgħu lill-kuċċier il-Qorti biex jilagħbu l-ballun bih’

Kuċċiera jisħqu li seħibhom ma għamel xejn kontra l-liġi u li l-istess rotta ilha tintuża snin twal

Wara li l-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-aħbar li kuċċier se jkun qed jitressaq il-Qorti akkużat b’moħqrija tal-annimali, il-gazzetta ILLUM niżlet il-Belt Valletta u ltaqgħet ma’ diversi kuċċiera li kienu skjerati wara xulxin bil-karozzin, jistennew li jmiss lilhom biex idawru lit-turisti tal-cruise liners, dawra mal-Belt Kapitali.

Kollha kemm huma wrew id-dispjaċir tagħhom għall-fatt li wieħed minn sħabhom se jkun qed jitressaq il-Qorti, fuq akkużi li fi kliemhom ma jagħmlux sens, wara li ż-żiemel tiegħu waqa’ u miet nhar it-8 ta’ Awwissu fil-Furjana.

Fi stqarrija maħruġa nhar it-Tnejn li għadda, tħabbar li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ppreżenta kwerela lill-Pulizija biex jittieħdu proċeduri kriminali kontra l-kuċċier.

“Se jtellgħuh il-Qorti biex jilagħbu l-ballun bih,” qal wieħed mill-kuċċiera waqt li kollha kemm huma insistew li se jdaħħluh fl-ispejjeż meta hu ma kien qed jagħmel xejn kontra l-liġi.

Il-Ministeru qal kif minn eżami xjentifiku li sar fuq iż-żiemel irriżulta li kien hemm diversi fatturi illi kkontribwixxew għall-mewt taż-żiemel, fosthom “tbatija għall-fatt li ż-żiemel kien espost għas-sħana kif ukoll li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien tiela’ telgħa wieqfa b’tagħbija u għaldaqstant ikkawżat temperatura eċċessiva tal-ġisem.”

Iżda għall-kuċċiera dawn l-akkużi ma jagħmlux sens u spjegaw għaliex jinsabu ċerti li seħibhom ma jistax jinstab ħati.

Kull kuċċier għandu l-permessi biex irikkeb sa ħames persuni

Spjegaw kif kull kuċċier iħallas liċenzja u anke polza tal-assigurazzjoni, daqslikieku l-karozzin kien karozza. Dawn jagħtuhom permess li jgħabbu sa ħames persuni, apparti l-kuċċier.

Skont dawn il-kuċċiera, iż-żiemel ta’ seħibhom ma kienx qed iġorr aktar minn turist wieħed.

Ma ntellqux aktar żwiemel għax ġieli mietu? Ma nilagħbux aktar futbol għax miet plejer fil-grawnd? Ma joħorġux aktar ċiklisti għax intlaqat wieħed u miet?

‘Ilha snin twal tintuża l-istess telgħa... qatt ma mietu żwiemel’

Dwar l-akkuża li ż-żiemel “kien tiela’ telgħa wieqfa b’tagħbija,” il-kuċċiera kollha saħqu li din l-istess rotta, li tibda mit-telgħa magħrufa tal-Kurċifiss, ilha snin twal tintuża u fi kliemhom qatt qabel ma miet żiemel għax telagħha.

“Kulħadd jitla’ minn hawn. Minn qabel il-gwerra kienu jitilgħu biż-żwiemel minn hawn. Jien ilni 32 sena bil-karozzin u qatt ma naf li miet żiemel għax tela’ din it-telgħa,” insista wieħed mill-kuċċiera.

‘Għamilna snin fis-sħana u bla tined’

U dwar is-sħana? Iż-żiemel ma jbatix meta jagħmel sigħat sħaħ fix-xemx?

“Ma hemm l-ebda liġi li tgħidilna li ma nistgħux naħdmu meta t-temperatura tilħaq ċertu livelli,” dlonk wieġeb wieħed mill-kuċċiera. “Iż-żiemel bħall-bniedem. Il-klima daraha u din is-sena lanqas mewġa tas-sħana waħda ma kellna. Taf kemm għamilna snin fis-sħana u bla tined u qatt qabel ma miet żiemel.”

U lil min xorta jqis dan bħala moħqrija, u jrid li jwaqqfuhom, x’tgħidulhom? “Zijuwi kien ġej mill-għalqa waqa’ u miet. X’nagħmlu? Ma naħdmux aktar għelieqi? Ma ntellqux aktar żwiemel għax ġieli mietu? Ma nilagħbux aktar futbol għax miet plejer fil-grawnd? Ma joħorġux aktar ċiklisti għax intlaqat wieħed u miet?”

‘Il-kuċċiera jħallsu għall-ilma u d-drenaġġ’

Mal-kuċċiera tkellimna wkoll dwar kemm iż-żiemel  ikollu bżonn jixrob. Spjegaw kif f’ġurnata dan jixrob barmil jew barmil u nofs ilma u fil-Belt Valletta, minkejja li lmentaw li ma hemmx kumdità kbira, hemm magni apposta biex il-kuċċiera jkunu jistgħu jimlew minnhom.

Biex jimlew l-ilma minn dawn il-pompi, il-kuċċiera għandhom kard u jħallsu għaliha €15 kull sitt xhur. Il-kuċċiera jħallsu wkoll għal sistema apposta għad-drenaġġ.

“Iżda qabel niġu l-Belt, iż-żiemel ikun diġà mitmugħ u misqi,” kompla jgħid wieħed mill-kuċċiera li tkellem magħna.

‘Għandi erba’ żwiemel; dan għandu tlett ijiem mistrieħ’

Apparti minn hekk, il-maġġoranza tal-kuċċiera għandhom aktar minn żiemel wieħed u hemm min saħansitra għandu erbgħa u jalterna bejn wieħed u ieħor. “Dan iż-żiemel issa għandu erbat ijiem ġewwa. Taħseb li jien irrid noqtol liż-żiemel li naqla’ lira bih?”

‘Flok mort il-festa dort dawra maż-żwiemel’

Fil-fatt tkellimna magħhom ukoll fuq il-kura li jagħtu liż-żwiemel tagħhom. Insistew li biex trabbi żiemel trid tkun iddedikat. “Nhar il-Ħadd ġlieda mal-mara. Kellna l-festa u flok ħriġt, dort dawra tajba maż-żwiemel,” qalilna kuċċier.

Dan apparti l-ispejjeż li jirrikjedu. Apparti l-ikel hemm ukoll kura. “Ġieli tiġi ġimgħa tonfoq €80, ġieli €200 u meta darba kelli żiemel ħa riħ fil-pulmun infaqtlu €700.”

More in Socjali