Proposta biex sewwieqa tal-jetski jkollhom liċenzja ilha żmien fuq l-ixkaffa

F’Malta kwalunkwe persuna li għandha ’l fuq minn 18-il sena tista’ tikri jetski anke jekk ma għandhiex idea kif jaħdem

Rapporti jisħqu li kull min jirkeb jetski għandu jilbes ilbies protettiv fosthom elmu | Ritratt: James Bianchi
Rapporti jisħqu li kull min jirkeb jetski għandu jilbes ilbies protettiv fosthom elmu | Ritratt: James Bianchi

Proposta biex tkun aġġornata l-liġi sabiex il-persuni kollha li jsuqu ‘personal watercraft,’ jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala jetskis, jkollhom il-liċenzja nawtika, ilha ħafna fuq l-ixkaffa.

Sorsi viċin l-operaturi qalu mal-gazzetta ILLUM li ilu ħafna jinħass il-bżonn li tiġi indirizzata ‘toqba fil-liġi’ li tobbliga lis-sidien u l-operaturi ta’ jetskis biex ikollhom liċenzja nawtika iżda li ma torbotx lil dawk li jikruhom għal ftit minuti.

Il-ħtieġa tikber meta jseħħ każ bħal dak ta’ nhar Santa Marija, fejn żagħżugħ ta’ 19-il sena tilef ħajtu wara li ntlaqat minn jetski, misjuq minn sieħbu li allegatament kien taħt l-effett tal-alkoħol jew droga.

Madanakollu, l-istess sors saħaq li Gvern wara ieħor poġġew din il-proposta fuq l-ixkaffa għax ngħiduha kif inhi, ma tantx se tinżel tajjeb mal-operaturi tal-isport tal-ilma li jikru dawn l-opri tal-baħar.

Dan minkejja li rapporti u anke statistiċi ta’ pajjiżi oħra jqisu l-jetskis, li jissejħu wkoll ‘muturi tal-baħar’ bħala perikolużi għal min ma għandux biżżejjed esperjenza biex isuqhom, tant li l-maġġoranza tal-każi jinvolvu jetskis mikrija jew mislufa.

Iżda x’inhi eżatt din il-lakuna fil-liġi?

Kelliem għal Transport Malta spjega mal-ILLUM li skont il-liġi, jetski huwa opra tal-baħar u jitqies bħala bastiment żgħir għax mhux itwal minn 24 metru u jista’ jintuża biss fl-ibħra territorjali ta’ Malta.

Kull opra tal-baħar b’magna ta’ 30HP jew aktar, teħtieġ liċenzja nawtika biex tkun tista’ tinstaq. Minkejja dan, għal min jikri jetski, il-liċenzja mhux mandatorja. Dan ifisser li għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri meta tmur tikri karozza jew mutur, biex tikri jetski ma għandek bżonn l-ebda liċenzja.

Tant hu hekk li fuq siti ta’ wħud mill-operaturi hemm indikat ċar u tond li l-liċenzja nawtika mhix neċessarja.

Iżda allura ma hemm l-ebda regolamenti?

L-istess kelliem spjega kif biex operatur ikun jista’ jikri lill-persuni oħra kemm jetskis u anke dgħajjes, irid ikollu l-liċenzja tal-operaturi u anke polza tal-assigurazzjoni apposta li tkun tkopri wkoll kirjiet ‘self-drive.’

L-operatur, f’kull każ, irid iżomm mal-kundizzjonijiet stipulati fuq il-liċenzja u l-polza tal-assigurazzjoni.

Aktar minn hekk kompla jispjega kif dawn l-operaturi jeħtieġ li jkollhom liċenzja nawtika ta’ għalliem, għandhom jgħaddu l-istruzzjonijiet kollha dwar is-sigurtà skont ir-regolamenti eżistenti u jibqgħu responsabbli.

Dawn l-istess operaturi għandhom jassiguraw li min jikri jkollu minn tal-inqas 18-il sena u jassiguraw li jkunu imposti numru ta’ limitazzjonijiet, fosthom il-limitu ta’ veloċità u li min ikun kera ma joħroġx aktar minn mil nawtiku ’l barra mill-kosta.

Imma għax iseħħ inċident darba fill ifisser li l-jetski perikoluż?

Bħal kull vettura li tinstaq b’veloċità eċċessiva, il-jetski jista’ jkun perikoluż jekk min qed isuqu ma jkunx imħarreġ biżżejjed. Inċidenti li seħħew f’Malta u oħrajn barra minn xturna jikkonfermaw dan. Biżżejjed tfittxija ta’ malajr fuq l-internet.

Minkejja li f’Malta l-jetski kważi kważi huwa meqjus ġugarell għax faċli tmur sal-baħar, tikrih u tqatta’ siegħa tiġri u ddur fuqu, barra minn Malta, b’mod partikolari fl-Istati Uniti nkitbu diversi rapport bil-għan li jqajmu kuxjenza u jonqsu l-inċidenti.

Skont statistika annwali ppubblikata mill-Gwardji tal-Kosta tal-Istati Uniti, it-tieni l-akbar ammont ta’ inċidenti fuq il-baħar kienu jinvolvu l-jetskis. Fil-fatt, f’sena waħda biss, 670 persuna weġġgħu u 46 persuna tilfu ħajjithom waqt li kienu qed isuqu ‘personal watercraft.’

L-istess statistika turi kif fil-maġġoranza tal-każi, l-inċidenti bil-jetskis kienu kkawżati l-aktar għax dawk li kienu qed isuquhom:

  • ma kellhomx biżżejjed esperjenza
  • ma kinux biżżejjed attenti
  • kienu qed isuqu b’veloċità eċċessiva
  • kisru r-regoli tan-navigazzjoni, jew
  • inkella kienu taħt l-effett tal-alkoħol

Kieku wieħed kellu mbagħad iħares lejn l-etajiet ta’ dawk li weġġgħu f’inċidenti li jinvolvu l-jetskis, il-maġġoranza tal-persuni involuti kellhom bejn l-20 u d-29 sena u warajhom dawk li ta’ bejn it-13 u d-19-il sena. Saħansitra kien hemm 51 każ li fihom weġġgħu persuni li għandhom bejn sentejn u 12-il sena.

‘Il-maġġoranza tal-inċidenti jseħħu fuq jetskis mikrija jew mislufa’

Apparti minn hekk, għadd ta’ rapporti li wieħed jista’ faċilment jaċċessa onlajn jgħidu iswed fuq l-abjad li l-jetskis jistgħu jkunu perikolużi jekk min ikun qed isuqhom ma jkollux it-taħriġ u biżżejjed esperjenza

Pubblikazzjoni bit-titlu ‘Personal Watercraft (PWC) Management Guide: a Comprehensive Reference Hanbook,’ ippubblikata mill-Uffiċċju ta’ Massachusetts għall-Immaniġjar taż-Żona Kostali, jisħaq kif il-maġġoranza tal-każijiet li jinvolvu ‘personal watercraft’ iseħħu fuq jetskis li jkunu ġew mikrija jew inkella mislufa, prattikament għax min qed isuqhom ma jkollux biżżejjed esperjenza.

Anke l-inċidenti fatali li jinvolvu jetskis ivarjaw minn dawk li jseħħu fuq opri oħra tal-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-inċidenti fatali li jinvolvu opri tal-baħar oħra jseħħu meta dgħajsa tegħleb jew xi ħadd jaqa’ minn fuqha. Madanakollu, fejn jidħlu l-jetskis, l-akbar ammont ta’ inċidenti fatali jinkludu ħabta, l-aktar ma’ jetskis oħra li jkunu qed jinstaqu fil-viċin.

Jinnota kif minħabba l-veloċità li biha jkunu qed jinstaqu, min ikollu f’idu t-tmun ma jirnexxilux jirreaġixxi daqshekk malajr.

Apparti minn hekk, jekk f’każijiet oħra persuni x’aktarx li jitilfu ħajjithom għax jegħrqu, ġeneralment għax ma jkunux lebsin ġakketta tas-salvataġġ, din il-kawża ma tantx hija komuni fejn jidħlu l-inċidenti bil-jetskis, forsi għax il-ġakketta tas-salvataġġ tintlibes aktar. Każijiet fatali marbuta ma’ jetskis ġeneralment iseħħu għax persuna tispiċċa taħbat rasha, meta taqa’ jew tegħleb, jew mal-jetski stess jew inkella ma’ opra oħra tal-baħar.

Dan fil-fatt jikkonferma dak li jisħqu dwaru studji oħra fosthom ‘Personal Watercraft Use by Children and Adolescents,’ ippubblikat fis-sena 2000 u rapport ieħor tan-‘National Transportation Safety Board,’ tal-Istati Uniti.

‘Il-liċenzja nawtika għandha tkun mandatorja’

Dawn ir-rapporti kollha jisħqu li l-persuni kollha li jkunu se jsuqu jetski għandhom jipparteċipaw f’kors għas-sigurtà fuq il-baħar li jkun jinkludi informazzjoni speċifikament dwar ‘personal watercrafts,’ xi ħaġa li f’Malta mhux qed issir.

Din il-proposta tagħmilha tagħha wkoll tagħha l-Alleanza Ewropea għas-Sigurtà tat-Tfal li f’linji gwida li kienet ippubblikata għall-fornituri tas-servizz tisħaq li dawn ma għandhomx jinkrew lil persuni li ma għandhomx esperjenza u li l-liċenzja nawtika għandha tkun mandatorja.

Dan apparti li jwissu li bħal meta qed tinstab kwalunkwe vettura oħra, ħadd ma għandu jitħalla jsuq jetski jekk taħt l-effett tal-alkoħol jew id-droga.

Jirrikmandaw ukoll li kull min ikun fuq jetski, kemm jekk qed isuq u anke jekk passiġġier, għandu jilbes ilbies protettiv, fosthom wet suits, ingwanti, bwiez, protezzjoni għall-għajnejn u anke elmu, xi ħaġa li f’Malta rari taraha, kif jixhed l-ewwel ritratt ma' dan l-artiklu

More in Socjali