Filmat | Bjorn se jagħmel operazzjoni li tista' tħallih ipparalizzat

Bjorn jisħaq li l-akbar biża' għall-martu Maria hija li mhux se jibqa' jitkellem magħha b'mod normali

"Kont naħseb li l-muskoli tal-pulmun se jdumu ftit ieħor iżda dawn telqu." Dan kien kliem Bjorn Formosa meta waqt intervista ma' Xarabank spjega kif il-kundizzjoni tal-ALS qed tipprogressa b'pass mgħaġġel tant li n-nifs mar ħafna lura.

"Bla nifs ma tgħix," saħaq Bjorn. "Il-maskla normali tal-ossiġnu ma għadhiex biżżejjed."

Propju għalhekk li Bjorn iddeċieda li jagħmel operazzjoni li fi kliemu r-riperkussjonijiet tagħha 'huma tal-biża'.'

"Jekk ma nagħmel xejn mhux se ndum biex immut," kompla Bjorn.

B'din l-operazzjoni, li se ssir fit-3 ta' Settembru, Bjorn jista' jibqa' kompletament ipparalizzat, lanqas għajnejh ma jkun jista' jċaqlaq u mhux se jkun jista' jitkellem aktar.

Kien hawn li semma lill-mara tiegħu li skontu, fil-fond ta' qalbha, ma tixtiqux jagħmilha għax tibża' li mhux se jibqa' jikkomunika magħha b'mod normali.

"Kont navżaha li din il-ħaġa se tiġri, iżda qatt ma bsart li se tiġri daqshekk malajr," kompla Bjorn. "Qatt ma bsart li sa nasal f'salib it-toroq u li l-ebda triq ma twassal għal soluzzjoni pożittiva....kif dejjem għamilna fil-passat, se ngħixu ġurnata b'ġurnata."

Minn stħarriġ li l-gazzetta ILLUM kienet għamlet fl-2015, Bjorn Formosa kien intgħażel mill-qarrejja bħala l-personalità tas-sena.

More in Socjali