'Darba ngħixu'; Il-Maltin fost l-aktar li jonfqu meta jsiefru

Għal kull lejl li jqattgħu barra minn Malta l-Maltin jonfqu medja ta' €124

Ma hemmx ekonomija. Hekk jaħsbuha l-Maltin meta jkunu fuq btala u dan irriżulta minn stħarriġ tal-Eurostat li poġġa lil Maltin bħala t-tieni l-aktar poplu li jonfoq meta jkun fuq btala u dan meta mqabbel ma' Ewropej oħra.

Fil-fatt, skont l-istess stħarriġ, fuq kull btala l-Maltin jonfqu medja ta' €646 u dan meta l-medja fost l-Ewropej kollha hija dik ta' €336.

Ma għandniex xi ngħidu, il-Maltin jonfqu l-aktar mhux meta jkunu fuq btala f'Malta, bħal ngħidu aħna xi tmiem il-ġimgħa f'Għawdex, iżda meta jsiefru. Fil-fatt, kieku wieħed kellu jħares biss lejn il-medja ta' kemm jonfqu l-Maltin meta jsiefru, in-nefqa titla' għal €912.

Għal kull lejl li jqattgħu fuq btala l-Maltin jonfqu medja ta' €124 u l-istess stħarriġ juri kif jekk se jsiefru, il-Maltin jippreferu jqattgħu erbat iljieli jew aktar.

Jonfqu aktar mill-Maltin hemm biss dawk li jgħixu l-Lussemburgu li kull btala tiġihom medja ta' €768.

Wara l-Maltin jonfqu l-aktar l-Awstrijaċi. Dawn fuq kull btala jberbqu mal-€607.

 

More in Socjali