Intervista | 'Persuna bid-dimensja għandha tagħżel hi stess jekk tkunx segwita b’GPS'

60% tal-persuni li jbatu mid-dimensja x'aktarx li se jispiċċaw joħorġu mingħajr ma jafu fejn sejrin jew jintilfu fid-dar stess. Għalhekk għandha ssirilhom ċippa biex ikunu aktar protetti? L-ILLUM tistaqsi lill-Professur Charles Scerri

Minn żmien għal żmien il-kmamar tal-aħbarijiet jirċievu rapporti ta' persuni nieqsa, liema persuni, fil-biċċa l-kbira tagħhom anzjani, ġieli jkunu jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja. Sal-ġimgħa li għaddiet stess, il-gazzetta ILLUM rċeviet avviż dwar anzjan bid-dimensja li ħareġ u ma rritornax id-dar. Anke jekk dan l-anzjan instab, ikun hemm oħrajn li ma jirritornawx.

Dwar dawn il-każijiet din il-gazzetta tkellmet mal-Professur Charles Scerri, wieħed mir-riċerkaturi ewlenin f'pajjiżna dwar id-dimensja u ċ-Chairperson tal-Kumitat Nazzjonali dwar il-Ħidma fuq id-Dimensja.

Scerri spjega kif madwar 60% tal-persuni li għandhom id-dimensja jgħaddu minn dak li jissejjaħ 'wandering' jiġifieri meta persuna tispiċċa toħroġ barra mid-dar u ma ssibx it-triq lura jew inkella saħansitra tkun id-dar stess u tispiċċa ma tistax issib ċertu kmamar.

"Vera li 60% mhux ftit iżda lanqas ifisser li npoġġu lil kulħadd f'keffa waħda," saħaq Charles Scerri u propju għalhekk li għandu riservi dwar il-miżura, li diġà teżisti f'pajjiżi oħra, fejn persuni li jbatu mid-dimensja jkunu tteggjati b'ċippa, biex il-familjari jkunu jafu fejn jinsabu.

Imma ġaladarba l-'wandering' jista' jkun perikoluż, 'il-GPS tracking' ma jistax ifisser aktar serħan ta' moħħ għall-qraba? Dan huwa wieħed mill-argumenti favur, madanakollu fakkar li l-persuna tibqa' dejjem fiċ-ċentru tal-kura u d-drittijiet umani ma jistgħux jingħataw il-ġenb. Propju għalhekk li ma jaqbilx li dan iseħħ mingħajr il-kunsens tal-persuna.

Mill-banda l-oħra, Scerri ma jsibx diffikultà li persuna tkun itteggjata jekk din tagħti l-kunsens tagħha stess, bħal pereżempju fil-bidu tad-dijanjosi, l-istess kif jiġri bħal meta persuna tagħżel minn jeddha li tagħti l-organi b'donazzjoni (advanced directive).

Il-problema tibqa' li sakemm ma hemm xejn bil-miktub, dawn 'id-direttivi' ma jorbtux lill-qraba, tant li pazjent jista' jiddeċiedi li f'każ li jasal sal-istadju tal-'wandering' ikun itteggjat, iżda meta dan iseħħ, il-qraba jirrifjutaw.

Fil-Portugall dawn id-direttivi jortbu lil dak li jkun bil-liġi u sa ċertu punt jgħinu wkoll lill-familjari li jsibuha diffiċli meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet dwar il-qraba tagħhom.

Nibża' li nserrħu wisq rasna...

Għalkemm f'Malta ma hawn l-ebda persuna bid-dimensja u li għandha din iċ-ċippa, bħalissa qed issir riċerka fl-Università ta' Malta biex tkun esplorata din il-possibbilità.

"Fejn hemm il-kunsens ma għandniex problema imma li tassumi għal ħaddieħor ma naqbilx," saħaq Scerri. "Tkellimt ma' ħafna nies bid-dimensja u ħafna minnhom ma jaqblux."

Apparti l-kwistjoni tal-kunsens, Charles Scerri jibża' li jekk il-miżura tidħol fis-seħħ "nillaxkaw xi ftit għax inserrħu rasna."

"Hawn min jinsa kif jaqsam it-triq. Kif jiġġudika s-sinjali tat-traffiku. Jinsa xi jfisser l-aħmar u l-aħdar. Ma jfissirx li bl-itteggjar il-persuna tkun sigura," kompla Charles Scerri.

L-aħjar li persuna tibqa' fl-ambjent li mdorrija fih

Allura persuna li tasal f'dan l-istadju ma tistax tgħix waħedha? Bla tlaqliq, Scerri insista li persuni li d-dimensja tagħhom waslet f'ċerti stadji ma jistgħux jibqgħu jgħixu waħedhom, anzi mhux sigur li jibqgħu jgħixu waħedhom.

Għalkemm mhux id-djar tal-anzjani kollha huma mgħammra biex jilqgħu fihom persuni li għandhom id-dimensja, hemm djar oħra, bħal San Vinċens de Paule li għandhom swali mgħammra apposta. Fil-fatt, persuni li d-dimensja tagħhom tkun waslet f'ċertu stadju, jingħataw prijorità.

"Mhux qed ngħid li persuni fl-ewwel stadji tad-dimensja għandhom jinħarġu mid-djar tagħhom. Il-persuni li għadhom fl-ewwel stadji tad-dimensja jgħixu relattivament tajjeb, anke jekk bl-għajnuna. L-aħjar kura tingħata fil-komunità, fejn il-persuna tkun trabbiet u għexet. L-aħjar inżommu lill-persuna fl-ambjent li hi mdorrija fih," kompla Scerri. "Imma l-kundizzjoni tista' tasal f'ċertu stadju fejn lanqas il-qraba ma jibqgħu 'tajbin' biex jgħinu lill-persuna u l-kura tkun trid tingħata minn persuni mħarrġa fis-settur."

Insista li d-dimensja hija kundizzjoni li tipprogressa maż-żmien u jista' jkun li jgħaddu s-snin minn meta l-persuna tinduna bl-ewwel sintomi sakemm ikollha bżonn din il-kura professjonali.

"Għalhekk ma jagħmilx sens li malli nindunaw li persuna għandha d-dimensja nibdew insibulha residenza fejn tidħol," kompla Scerri. "Iżda rridu nifhmu wkoll li ċertu qraba li jridu jibqgħu jgħinu lill-anzjani tagħhom mhux dejjem isibu biżżejjed appoġġ."

Hawnhekk il-kliem waqa' fuq in-nies imħarrġa f'dan is-settur, li fi kliem Scerri l-ammont tagħhom baqa' żgħir wisq minkejja li l-kunxjenza kibret b'ritmu mgħaġġel.

'Id-dimensja tiswa lil Malta 75 miljun fis-sena'

"L-għarfien fid-dimensja sploda. Għaxar snin ilu lanqas diskussjoni fuq is-suġġett ma kont tisma'. Illum in-nies mhux biss jitkellmu fuqha iżda jitkellmu fuq din il-kundizzjoni mingħajr ma jistħu. Li ninnormalizzaw id-dimensja hija importanti għax ifisser li l-istigma qed titkisser," insista Charles Scerri. "Iżda s-servizzi mxew b'ritmu differenti ħafna. Biex toffri s-servizzi trid in-nies speċjalizzati u n-nies imħarrġa tgħoddhom fuq iż-żewġ pali ta' jdejk."

U meta kien qed jitkellmu fuq persuni speċjalizzati, Scerri ma kienx qed jirreferi biss għall-professuri, tobba u infermiera. "Trid nies f'kull settur, kważi kważi anke fl-amministrazzjoni, fis-settur finanzjarju u oħrajn għax din hija l-aktar kundizzjoni medika-soċjali li tiswa l-flus."

Fil-fatt, mal-ILLUM, Scerri spjega kif lill-pajjiżi, id-dimensja tiswiehom aktar minn kwalunkwe kundizzjoni u mard ieħor, anke mill-kanċer. "Madwar id-dinja qed nonfqu triljun dollaru fis-sena" kompla jinsisti u spjega kif skont stħarriġ li sar għaxar snin ilu, id-dimensja tiswa lil Malta mal-€75 miljun.

Imma għaliex? Il-kanċer mhux aktar komuni? "Id-dimensja hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet ta' saħħa mentali li ġġorr riperkussjonijiet. Bid-dimensja għandek bżonn lil min jieħu ħsiebek. Għalhekk il-kura, kemm jekk informali u anke jekk formali tirrikjedi ħafna aktar flus."

Ejja nieħdu eżempju prattiku u sempliċi. Persuna bid-dimensja ma tistax tmur waħedha għal appuntament l-isptar. Din għandha bżonn min iwassalha, x'aktarx it-tifla jew it-tifel li jkollhom jieħdu ġurnata frank. Int tlift ġurnata xogħol. L-impjegatur tilef ġurnata xogħol u l-pajjiż tilef ġurnata xogħol ukoll.

"60% tal-infiq kollu fid-dimensja qed isir fil-kura informali, jiġifieri dik li tingħata fid-dar," saħaq Scerri. "Mad-dimensja hemm ammont ta' diżabilità marbuta... jien naf professjonisti li kellhom jieqfu jaħdmu biex jgħinu lill-ġenituri tagħhom li għandhom id-dimensja."

'Irridu nsaħħu Dementia Day Centres... imma professjonisti m'hawnx'

Kien hawn li saħaq dwar il-bżonn li f'Malta jissaħħu dawk magħrufa bħala Dementia Day Centres fejn persuni bid-dimensja jistgħu jqattgħu nofstanhar ma' persuni speċjalizzati li jistgħu jgħinuhom anke permezz ta' attivitajiet. Minn dawn iċ-ċentri bħalissa hawn tnejn biss, wieħed f'San Vinċens u wieħed f'Għawdex.

"Dawn ukoll huma vittmi tas-suċċess tagħhom," saħaq Scerri. "Il-lista ta' stennija hija twila u l-għan prinċipali tagħhom qed jispiċċa mtappan għax minħabba d-domanda ma jistgħux jaċċettaw li jżommu persuni kuljum."

Minkejja li qed isir sforz biex jinfetħu aktar ċentri simili, in-nuqqas ta’ riżorsa umana jibqa' l-akbar ostaklu. "Tagħmel sens li jkollok biss żewġ persuni li għandhom dottorat fis-settur meta għandek aktar minn 6,000 persuna jbatu mill-kundizzjoni?"

'Iżda x'qed isir biex jiżdiedu n-nies imħarrġa?'

Biex dan jibda jingħeleb, sentejn ilu nfetaħ kors fl-Università, 'Masters in Ageing and Dementia Studies,' bl-ewwel 11-il student se jkunu qed jiggradwaw is-sena d-dieħla. Il-lezzjonijiet qed isiru filgħaxija u qed jattira nies minn kull settur, minn tobba u infermiera sa nies gradwati fl-amministrazzjoni.

Apparti minn hekk Malta hija fost l-ewwel pajjiż bi strateġija nazzjonali dwar id-dimensja, liema 85 rakkomandazzjoni bdew jiġu implimentati ftit ftit.

Malta hija wkoll l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għandu 'dementia intervention team.' Dan huwa tim ta' professjonisti li jmorru fid-djar ta' persuni li jkunu għadhom kemm ġew mgħarrfa li għandhom id-dimensja biex jagħtuhom pariri prattiċi ta' x'jistgħu jagħmlu biex il-kwalità ta' ħajjithom tibqa' waħda tajba.

Id-dimensja hija l-aktar kundizzjoni medika-soċjali li tiswa l-flus

"Minn riċerka li kienet għamlet l-Università rriżulta li l-akbar problema li kienu qed jiffaċċjaw persuni li jkunu mgħarrfa li għandhom id-dimensja kienet li ma jkollhomx idea x'se jaqbdu jagħmlu," spjega Scerri.

Fost oħrajn, fit-tim, hemm infermier li jispjega lill-persuna dwar il-mediċini u kif għandha teħodhom, professjonisti oħra jagħtu parir dwar kif persuna tista' tirranġa d-dar biex tkun aktar 'dementia friendly’, u aċċess għal għadd ta' professjonisti oħra.

"Din is-sena biss dawn żaru 500 pazjent. Hemm fejn is-servizz jikber iżda nerġgħu naqgħu għall-problema ta' nuqqas ta' persuni mħarrġa," kompla Scerri.

'Sal-2050 se jirduppjaw il-Maltin bid-dimensja'

Il-pressjoni se tkompli tiżdied hekk kif sal-2050, l-għadd ta' persuni bid-dimensja mistenni jitla' għal 13,000 ruħ, hekk kif huwa mbassar li t-tul tal-għomor, se jkompli tikber.

Fil-fatt, l-età tibqa' l-akbar riskju marbut mad-dimensja u filwaqt li l-Maltin diġà jgħixu ħafna, sal-2050 l-istennija tal-għomor se titla' sa 88 sena. Dan huwa wieħed mill-ftit riskji li ma jistax ikun immodifikat.

Interessanti wkoll li r-riskju tad-dimensja huwa aktar b'saħħtu fost in-nisa mill-irġiel, anke jekk apparti l-fatt li n-nisa jgħixu aktar, hemm raġunijiet oħra.

"Jien dejjem nirreferi għad-dimensja bħala femminili. Mhux biss għax in-nisa huma aktar f'riskju, imma għax anke studju wera kif in-nisa huma aktar involuti fil-kura. Anke jekk ommi għandha d-dimensja, il-mara tiegħi se tkun involuta aktar fil-kura.

L-importanza tal-ħaddiema barranin...

Età akbar u infertilità inqas tfisser ukoll inqas persuni fis-settur tax-xogħol li bit-taxxi 'qed iħallsu' għas-servizzi li offruti lill-anzjani, fosthom dawk bid-dimensja. Hawn tidħol ukoll l-importanza ta' ħaddiema barranin, li jimlew il-vojt u jiġġeneraw ekonomija li tiflaħ tħallas għal dawn is-servizzi.

"Għandna ninvestu aktar minn dan il-ġid nazzjonali li hawn biex inħarrġu aktar persuni f'dan is-settur," kompla Scerri. "Għandna bżonn nies b'għeruq fondi f'dan il-qasam."

60% tal-persuni li jbatu mid-dimensja x'aktarx li se jispiċċaw joħorġu mingħajr ma jafu fejn sejrin
60% tal-persuni li jbatu mid-dimensja x'aktarx li se jispiċċaw joħorġu mingħajr ma jafu fejn sejrin

L-ewwel sintomi joħorġu 20 sena wara li tibda l-ħsara

Imma d-dimensja tista' xi darba tiġi eradikata? "Studji hemm ħafna imma għadna 'l bogħod biex insibu kura," spjega Scerri. "Biss biss fl-aħħar 13-il sena, intefqu mas-$60 miljun biex tinstab mediċina li mhux tfejjaq iżda tmewwet ftit il-progress. L-aħħar mediċina ħarġet fl-2003."

Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex huwa diffiċli li tinstab kura għad-dimensja huwa l-fatt li l-ewwel sintomi jidhru bejn 15 u 20 sena wara li tibda l-ħsara f'dik il-parti tal-moħħ li tirċievi l-informazzjoni li tkun ġdida.

Propju għalhekk li l-ewwel sintomi jkunu nuqqas ta' memorja, fejn persuna tinsa affarijiet li jkunu għadhom kemm ġraw u tispiċċa tirrepeti l-istess mistoqsijiet, għax it-tweġiba li qed tingħata mhux qed tirreġistraha.

"Meta tindunaw b'xi ħaġa simili, fittxu mill-ewwel l-għajnuna," saħaq Scerri.

Minħabba l-fatt li l-ħsara tkun ilha li bdiet issir, din il-parti tal-moħħ tkun diġà mietet kważi għalkollox. "Jista' jkun li għandi d-dimensja u se ninduna 20 sena oħra," kompla Scerri. Għalhekk diffiċli ħafna biex isir l-istudju neċessarju għall-iżvilupp tal-mediċina, għax dan dejjem jirrikjedi n-nies. "Lil min se ssib li ma għandux sintomu u se jipparteċipa fir-riċerka?"

Iżda liema huma l-fatturi l-aktar li jwasslu għad-dimensja?

  • L-età
  • Il-ġeneru
  • In-nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku
  • In-nuqqas ta' eżerċizzju mentali
  • Daqqiet ripettitivi fuq ir-ras
  • L-obeżità u n-nuqqas ta' ikel tajjeb għas-saħħa
  • Id-dijabete
  • L-abbuż mid-droga, l-alkoħol u s-sigaretti
  • Il-pressjoni għolja

Għalhekk filwaqt li qatt ma tista' tevitaha għalkollox, tista' tnaqqas ir-riskju li taqbdek id-dimensja billi tieħu ħsieb dawn il-fatturi.

"Jekk int sportiv dejjem ipproteġi rasek, agħmel l-eżerċizzju, naqqas jew waqqaf is-sigaretti, jekk għandek pressjoni għolja ħu l-mediċina," spjega Scerri waqt li insista b'mod partikolari dwar l-importanza li nerġgħu ndaħħlu fl-istil tal-ħajja tagħna d-dieta Mediterranja li hija bbilanċjata u tajba għas-saħħa.

"Tista' tagħmel dan kollu u xorta taqbek id-dimensja. Tevitaha 100% ma tistax iżda tnaqqas ir-riskju tista'," temm jgħid Scerri.

More in Socjali