Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Waħda minn kull 1,000 issalva...bil-plastik l-akbar għadu

Kemm mill-fkieren qed jgħixu? U għalfejn il-plastik li jintrema huwa l-agħar għadu tal-fekruna? L-ILLUM titkellem ma’ Nature Trust ...

Sarah Debattista / 18 t'Awwissu 2018 10:18
Il-Fkieren tal-baħar huma fost speċi oħra li jinsabu fil-periklu li jispiċċaw darba għal dejjem minn wiċċ id-dinja. Fil-fatt, fuq is-sit ta’ WWF (World Wildlife Fund), f’lista ta’ bosta speċi li huma kważi estinti, il-fekruna tal-baħar qiegħda mniżżla bħala vulnerabbli. 

Dan ifisser li fil-futur jaf ma nibqgħux naraw iktar minn din l-ispeċi meraviljuża tal-baħar li ilha tgħix fuq din id-dinja għal iktar minn mitejn miljun sena.  It-tibdil fil-klima hu wieħed mill-fatturi li qegħdin jeqirdu lill-fkieren tal-baħar.  Fattur ieħor li qed iwassal għall-qerda ta’ dawn il-kreaturi hu l-plastik. 

Minħabba li l-għamla tal-plastik tixbah lil dik ta’ brama, il-fkieren jispiċċaw jikkonsmaw minn dan il-materjal li joħloq problemi lis-saħħa tal-fekruna, u bosta speċi oħra tal-baħar li jispiċċaw vittmi. Skont il-United Nations Environment, plastik fil-baħar jintrema mat-8 miljun tomna kull sena.  Fatt xokkanti tassew, tant li sal-2015 b’din ir-rata fl-oċeani jkun hawn iktar piż fi plastik milli dak f’ħut! 

Mhux l-ewwel darba li smajna li ġew salvati xi fkieren fl-ibħra Maltin.  Iżda fil-verità, kemm nafu eżatt xi jsir meta fekruna tiġi salvata? Fil-fatt, il-proċess mhux sempliċi daqskemm jinstema’, għaliex jirrikjedi ħafna xogħol u dedikazzjoni minn persuni mħarrġa, li l-għan prinċipali tagħhom ikun li l-fekruna terġa’ tikseb is-saħħa tagħha lura, sabiex għal darb’oħra tinħeles fl-abitat naturali tagħha.

L-ILLUM tkellmet ma’ Vincent Attard, president ta’ Nature Trust Malta li ilu attiv sa mill-1982.  Il-Fkieren ilhom jaffaxxinaw lil Attard sa mill-1986, tant li saħansitra studja fuq il-fkieren u anke l-bijoloġija.  Attard jikkummenta mal-ILLUM li x-xogħol tiegħu ma’ Nature Trust jagħtih ċertu sodisfazzjon għall-fatt li bl-għajnuna tal-volontiera qegħdin isalvaw annimali protetti.

It-Tibdil fil-klima u l-plastik fost il-fatturi li qegħdin iwasslu għall-qerda tadawn il-kreaturi...

Il-Loggerhead, l-iktar fekruna komuni fil-Mediterran, il-green turtle, li tinsab kemm fil-Mediterran u anke fl-oċean Paċifiku, u anke l-leatherback, li hija waħda mill-akbar fkieren, ilkoll ġieli nstabu f’Malta u kollha jinsabu fir-riskju li jiġu estinti. 

Vincent jirrakkonta magħna dwar kif madwar tliet snin ilu nstabet fekruna tat-tip leatherback.  Din il-fekruna ta’ 8 snin, b’piż ta’ 500 kilò, laħqet mietet minħabba plastik fl-istonku.  It-tniġġis, it-traffiku tal-baħar, is-sajd żejjed u qbid inċidentali, kollha qegħdin ifixklu l-eżistenza ta’ dawn il-kreaturi. 

Fattur ieħor li jkompli jinterrompi l-għajxien tal-fkieren huwa l-fatt li bosta fkieren jispiċċaw mittiekla minn ħut ta’ għamla ikbar.  Dan hekk kif Attard jgħidilna li fekruna waħda biss minn elf tilħaq il-livell ta’ maturità.  

Vincent Attard jgħaddi messaġġ lill-pubbliku sabiex dejjem jiddisponi mill-plastik f’bins apposta sabiex jitnaqqas il-periklu. It-tibdil fil-klima wkoll qed iħalli impatt ħażin fuq il-bajd tal-fkieren.  Dan minħabba li iktar kemm it-temperatura tar-ramel tkun sħuna, tkun ikbar il-probabbiltà li l-fkieren ikunu nisa. B’hekk, dan il-fattur iħarbat is-sistema tar-riproduzzjoni. 

Jiddaħħlu aktar fkieren għall-kura fdawn l-aħħar snin...

Attard ikompli jgħidilna kif l-ammont ta’ fkieren fiċ-ċentru tal-akkwakultura fil-forti ta’ San Luċjan qed ikompli jiżdied, b’madwar 60 fekruna tiddaħħal għall-kura fis-sena. Il-fatt li hawn iktar edukazzjoni u tqajmet iktar kuxjenza dwar dak li jikkonċerna fkieren tal-baħar, iżid il-kuraġġ sabiex dak li jkun iċempel għall-għajnuna meta jsib ma’ wiċċu fekruna f’diffikultà.  

l-maġġoranza tal-fkieren li jiġu salvati jkunu f’diffikultà minħabba konsum ta’ plastik, xlief jew saħansitra jkunu milquta minn dgħajjes. Bħalissa, fiċ-ċentru tal-akkwakultura hemm miżmuma tmien fkieren li qed jirċievu t-trattament u l-kura neċessarja. 

F’dan iċ-ċentru hemm biss 8 tankijiet fejn jinżammu l-fkieren, li  ifisser li jekk fil-futur qarib jiddaħħlu iktar fkieren għall-kura, ikollhom jiġu rilaxxati oħrajn bi sforz minħabba n-nuqqas ta’ spazju.  Vincent stqarr magħna li bħalissa għaddejjin b’xogħlijiet sabiex jiżdiedu aktar tankijiet għall-fkieren ġewwa Xrobb l-Għaġin. 

Il-Kura tal-fkieren...

Kull fekruna tiġi trattata b’mod individwali u t-trattament idum skont l-istat tas-saħħa tal-fekruna.  Attard qalilna li fil-każ ta’ fekruna li tinstab b’sunnara u li ma jkollha l-ebda kumplikazzjonijiet, it-trattament tagħha jieħu madwar xahar. 

Każijiet oħra jdumu sitt xhur u saħansitra snin.  Attard irrakkonta mal-ILLUM dwar kif fekruna partikolari damet tliet snin għall-kura minħabba infezzjoni fil-pulmun wara konsum ta’ plastik.  Din l-istess fekruna ġiet rilaxxata fil-baħar wara tliet snin u nofs ta’ trattamenti u moniteraġġ.  Vincent jikkummenta li “aħna qatt ma naqtgħu qalbna u nibqgħu nipprovaw sal-aħħar”. 

Il-Kura tal-fkieren tiswa ħafna lil Nature Trust.  Fil-fatt, kull fekruna tirrikjedi bejn €400 u €1,000 għal trattamenti, ikel u mediċini.  Dawn il-fondi jinġiebu minn donazzjonijiet u mill-awtorità tal-ambjent u r-riżorsi.  Attard kompla jżid jgħid li kellhom żieda ta’ volontiera li jgħinu fis-salvataġġ kif ukoll turisti li joffru li jagħmlu l-għassa mal-bajd tal-fkieren ġewwa l-bajja tal-Ġnejna waqt il-vaganza tagħhom f’pajjiżna. 

Il-Moniteraġġ wara r-rilaxxament tal-fkieren...

L-ILLUM staqsa lil Vincent Attard jekk il-fkieren jiġux immoniterjati wara li jiġu rilaxxati lura fil-baħar.  Attard wieġeb li x-xewqa tagħhom hi li jkunu jistgħu jimmoniterjaw kull fekruna, imma dan mhux possibbli minħabba l-ispejjeż. 

Satellite trackers jiswew madwar €8,000, fejn xogħolhom huwa li jagħtu indikazzjoni ta’ fejn tkun marret il-fekruna.  Madanakollu, dawn it-trackers idumu biss bejn tnax u sittax-il ġimgħa qabel jaqgħu, minħabba li l-fekruna tkun qed tibdel il-qoxra tagħha. 

Bħalissa qed jintużaw microchips sabiex jekk fekruna li tkun telqet minn Malta tinstab f’pajjiż ieħor ikunu jistgħu jinqraw id-dettalji. 

Sejħa għal aktar donazzjonijiet permezz tal-kampanjaAdopt-A-Turtle’...

Nature Trust, flimkien ma’ WWF (Word Wildlife Fund), għaddejja b’kampanja sabiex jinġabru iktar fondi ħalli l-fkieren ikunu jistgħu jingħataw il-kura u t-trattamenti meħtieġa. Persuna tista’ tisponsorja fekruna għal 25 ewro fis-sena billi tidħol fis-sit ta’ Nature Trust (naturetrustmalta.org) u timla formola.  Il-ħlas jista’ wkoll isir onlajn. 

Meta tkun qed taddotta l-fekruna tingħata materjal edukattiv, l-aħħar dettalji fuq il-fekruna li tkun addottajt, kif ukoll pupu f’għamla ta’ fekruna minn WWF.  Persuni li jixtiequ jagħtu donazzjoni ikbar jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu d-donazzjoni tagħhom fuq il-kont bankarju li huwa disponibbli fuq is-sit ta’ Nature Trust Malta. 

Ritratt | James Bianchi
L-aħħar dettalji fuq il-bajd tal-fkieren ġewwa l-Ġnejna...

Kif issa fadal biss ftit jiem sabiex ifaqqsu l-fkieren, Attard qal lill-ILLUM li mill-ewwel ġurnata kienu ħadu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-bajd tal-fkieren.  Fil-fatt, ġew impoġġija xkejjer tar-ramel madwar il-bejta tal-fkieren biex l-ilma ma jinterrompix.  Minħabba l-maltempata iktar kmieni din il-ġimgħa, ir-rata ta’ suċċess naqset peress li xi ilma seta’ għadda minn taħt ir-ramel. 

Attard kompla jispjega li l-bajja tal-Ġnejna tkompli tagħmel is-sitwazzjoni iktar diffiċli minħabba t-tafal li jinsab metru ’l isfel mil-livell tar-ramel u li jkompli jżomm ir-ramel umduż.  Madanakollu, f’dan l-istadju wieħed jista’ biss jispera li l-fkieren jirnexxilom iwasslu  sal-aħħar.

Xgħandek tagħmel u ma tagħmilx jekk tiltaqamafekruna fdiffikultà fil-baħar:
  • Ċempel in-numru ta’ emerġenza 99999505
  • Tiġbidx xlief jew materjal ieħor li jkun ħiereġ mill-fekruna
  • Tqigħedx il-fekruna rasha ’l isfel
  • Għatti lill-fekruna b’xugaman niedi


Stħarriġ
Segwina fuq Facebook