Tal-Karmnu u ta' Santu Wistin jgħinu lid-Dumnikani biex iżarmaw l-armar

Magħhom ingħaqdu wkoll id-Dumnikani Ġirbin u xammar ukoll il-kmiem il-Kappillan

Dilettanti tal-armar tal-festi ta' Santu Wistin u tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, ingħaqdu mad-Dumnikani Beltin biex jgħattu u jżarmaw l-armar li kien qed iżejjen il-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-festa ta' San Duminku.

Fuq Facebook, id-Dumnikani Beltin irringrazjaw lill-partitarji tal-festi l-oħra tal-Belt li ngħaqdu flimkien biex jgħinu fiż-żarmar. Magħhom ingħaqdu wkoll id-Dumnikani Ġirbi. Il-Kappillan, Patri Michael Camilleri, xammar ukoll il-kmiem u ħareġ jgħin fiż-żarmar tat-toroq.

Ilbieraħ, ix-xita tertqet xi ftit jew wisq qalb id-Dumnikani Beltin li kienu qed jiċċelebraw il-festa titulari.

Tant hu hekk, li minkejja li l-purċissjoni saret xorta, il-vara ta' San Duminku kellha tiddaħħal taħt il-loġoġ biex tiskenn mix-xita li għal xi ħin qabdet tqattar.

Minkejja li l-Beltin jiċċelebraw erba' festi, huma magħrufa wkoll għall-għaqda li tispikka bejniethom. Wieħed ifakkar fil-Festa l-Kbira li ċċelebraw f'April li għadda u anke fil-bukketti tal-fjuri li kull komunità toffri quddiem il-vari proċessjonali fil-festi kollha tal-Belt.

More in Socjali