Il-ftira Maltija hija l-favorita biex issir Wirt Intanġibbli Malti tal-UNESCO

X'hemm isbaħ minn ftira biż-żejt, flixkun birra u pultruna fuq bajja?

Is-sħana u l-umidità qed tagħmel tagħha u jekk fis-sigħat jew jumejn li ġejjin tagħmel xi ftit xita, kif qed ikun previst, għid li s-sħana se tikkarga aktar. U x’hemm isbaħ f’din is-sħana milli biċċa ftira tajba, mimlija tonn taż-żejt, tadam, żebbuġ aħdar, kappar, xi biċċa ġbejna bil-bieba mxarba kollha żejt taz-żebbuġa u xi skutella bigilla mal-ġenb.

Din il-gazzetta tinsab infurmata minn sorsi qrib il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali illi t-teknika li biha ssir il-ftira Maltija, li ntirtet minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni ta’ furnara, bħalissa hija l-favorita biex tkun ippreżentata mill-Gvern bħala Wirt Intanġibbli lill-UNESCO. Għalkemm huwa l-Gvern li jippreżenta dan, huwa Kumitat magħmul apposta li jiltaqa’ ma’ diversi nies u jiddeċiedi liema tkun l-aħjar u l-aktar proposta b’saħħitha biex tkun meqjusa bħala Wirt Intanġibbli Malti.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi l-probabilità hija li l-forma tal-ftira Maltija, tagħmilha differenti u unika u allura t-teknika ssir kandidata b’saħħitha biżżejjed biex titniżżel bħala Wirt Intanġibbli.

Imma se jagħmel xi differenza għall-ftira titlu tal-UNESCO? Iva, apparti l-prestiġju, il-Gvern u kull Gvern warajh se jkollu l-obbligu assolut li jipproteġi din it-teknika u allura l-ftira Maltija.

“Jiġifieri jekk qatt fil-futur gvern jiddeċiedi li jimmodernizza l-proċess ta’ kif isir il-ħobż, biex nagħti eżempju, ma jista’ qatt jipperikola l-proċess li bih issir il-ftira, anzi jrid jipproteġih,” sostna s-sors tagħna.

Din l-aħbar forsi ma tintlaqax b’wisq entużjażmu mid-dilettanti tal-festa li kienu qed jittamaw li jkunu l-festi li jitressqu bħala Wrt Intanġibbli tal-Unesco. Is-sors mill-Ministeru qal illi tal-festi m’għandhomx għalfejn jinkwetaw għaliex applikazzjonijiet oħrajn jistgħu jsiru. Fakkar illi l-festa fit-totalità tagħha ma tistax titressaq bħala Wirt Intanġibbli, imma trid tkun karatteristika waħda li ssir applikazzjoni fuqha.

More in Socjali