Il-Belt Valletta tiċċelebra s-600 sena ta’ preżenża Karmelitana f’Malta

Sal-lum huma ħafna n-nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex li jfittxu dan is-Santwarju f’diversi sitwazzjonijiet u diffikultajiet tal-ħajja, biex il-Madonna tal-Karmnu tgħinhom u tidħol għalihom

Il-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta
Il-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta

Wara li bdew l-attakki tal-Misilmin fil-Palestina, fl-1238, il-Karmelitani talbu l-permess li jitilqu lejn postijiet aktar siguri fl-Ewropa. Ħafna minnhom spiċċaw marru Ċipru u Sqallija. Ħafna studjużi kitbu li l-Karmelitani ġew Malta min Sqallija fis-sena 1418, għalkemm hemm xi wħud li jaħsbu li dawn il-patrijiet setgħu kienu diġà qegħdin Malta qabel din is-sena.

X’aktarx li huma ġew fi gżiritna fuq talba tal-werrieta, tan-nobbli sinjura Margherita d’Aragona di Pellegrino, li kienu jgħixu fis-Sqallija, u li talbu li jintbagħatu xi Karmelitani fil-gżira tagħna. In-nobbli Margherita d’Aragona ħalliet fil-wirt tagħha l-knisja tal-Lunzjata f’post barra mill-bini tar-Rabat tal-Imdina fl-inħawi ta' San Anard.

Jekk wieħed jaqra t-testment ta’ d’Aragona ma jsib ebda referenza għal xi komunità reliġjuża partikolari, iżda  x-xewqa tagħha li din il-knisja u kunvent jintużaw minn ordni reliġjuża bl-obbligu li jgħidu kuljum il-liturġija tas-sigħat. Billi l-werrieta kellhom devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu u kellhom għal qalbhom il-patrijiet Karmelitani, xtaqu li dan l-obbligu jingħata lilhom. Għalhekk offrewlhom il-knisja tal-Lunzjata u nfetaħ l-ewwel kunvent tal-Karmelitani f’Malta.

Il-parti l-kbira tal-ewwel patrijiet kienu Sqallin. Dawn kellhom il-ħsieb li jibnu kunvent żgħir, imiss mal-knisja tal-Lunzjata, u b’hekk ikunu jistgħu jgħixu fih u jaqdu d-dmirijiet tagħhom bħala reliġjużi. F’dokument li nstab fil-Bibjoteka Nazzjonali ta' Malta bid-data ta’ 26 ta' Marzu 1446 hemm referenza għal dokument ta' ħames snin qabel li jsemmi l-ismijiet tal-patrijiet Karmelitani li kienu jgħixu fil-kunvent tal-Lunzjata. Fosthom insibu ismijiet Maltin, bħal, pereżempju: "Fra Guillelmus Cassar Prior Conuentus Sancte marice nuntiate" li tfisser Patri Gugliermu Cassar pirjol tal-kunvent tal-Lunzjata. Billi kienu ħafna l-Maltin li bdew jingħaqdu mal-Karmelitani, il-kunvent sar żgħir wisq għalihom, u fis-sena 1546  kellhom ikabbruh.

Is-Sinjura Margerita D’Aragona ħadet ħsieb ukoll biex tħalli affarijiet li  jkunu jistgħu jintużaw fil-knisja għal-liturġija fosthom kalċi tal-fidda li kellha f'darha stess, par impulluzzi tal-fidda u affarijiet oħra sagri. Ma' dawn ħalliet ukoll l-artijiet kollha li kellha fl-inħawi magħrufa bħala ta' San Anard fir-Rabat, l-artijiet li kellha f'Għawdex kif ukoll dar li kellha fl-Mdina, biex mid-dħul tagħhom tkun mantenuta l-knisja u jinxtraw il-paramenti u l-ornamenti meħtieġa.

Illum dan il-kunvent u l-knisja jintużaw bħala ‘Dar ta’ talb’ li nfetħet uffiċjalment fl-1990 u ġiet imbierka mill-Pirjol Ġenerali ta’ dak iż-żmien Patri John Malley.

Jekk induru ftit dawra mal-gżejjer tagħna u nidħlu f’diversi knejjes insibu li ħafna minnhom għandhom inkwadru jew pittura tal-Madonna tal-Karmnu. Dan ġej mill-fatt li tul dawn is-600 sena ta’ preżenża tal-patrijiet Karmelitani f’Malta xterdet sew id-devozzjoni lejn il-labtu tal-Madonna.

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu | Ritratt Mark Micallef Perconte
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu | Ritratt Mark Micallef Perconte

Meta raw li din id-devozzjoni qed tinfirex ma’ pajjiżna, l-ewlenin patrijiet fittxew li jibnu kunvent fil-qalba tan-nies biex jkunu jistgħu jkomplu jxerrdu din id-devozzjoni. Għalhekk ftit wara li bdiet tinbena l-Belt Valletta, wara r-rebħa tal-Assedju il-Kbir, il-Karmelitan Patri Ġwann Vella għamel talba lill-Ordni tal-Kavallieri biex jagħtuh biċċa art fejn seta’ jibni kunvent u knisja ddedikati lill-Verġni Mbierka tal-Karmelu. Il-mexxej ta’ dak iż-żmien, il-Granmastru Pietro del Monte laqa’ bil-ferħ din it-talba u fis-27 ta’ Lulju 1570 sar il-kuntratt tal-għoti tal-art.

Patri Ġwann Vella f’dik is-sena stess beda jaħseb għall-bini tal-kunvent u knisja taħt it-tmexxija tal-inġinier tal-Ordni tal-Kavallieri, Ġilormu Cassar. Sakemm tlesta x-xogħol, in-nies li kienu diġà jgħixu l-Belt kienu jinqdew b’kappella żgħira proviżorja. Nistgħu ngħidu li l-knisja ħadet tmienja u tletin sena biex tlestiet fl-1608.  Ta’ min jinnota li l-Ordni ta’ San Ġwann għenet ħafna fil-bini ta’ din il-knisja billi ħafna Kavallieri ħalsu personalment għall-bini tal-kappelli laterali.

Mill-viżta pastorali tal-Isqof Dusina fi-Frar tal-1575 insibu rakkont dettaljat ta’ x’kien fiha l-knisja proviżorja sakemm tlestiet dik ta’ Ġilormu Cassar. Din il-knisja kienet iddedikata lit-tħabbira tal-Mulej (il-Lunzjata) u serviet bħala l-ewwel parroċċa fil-Belt Valletta.

Il-knisja mibnija mill-Inġinier Ġilormu Cassar kellha għamla sempliċi b’nava waħda mdaqqsa u b’għaxar kappelli laterali. Din il-knisja kienet twila madwar 150 pied u 50 pied wiesgħa, u kellha wkoll koppla baxxa u kampnar.

Il-Kappella tal-Lunzjata
Il-Kappella tal-Lunzjata

L-amministratur Appostoliku, Mons. Antonio Buhagiar ikkonsagra l-knisja fis-6 ta’ April 1886. Sfortunatament fit-Tieni Gwerra Dinjija waqt wieħed mill-attakki kbar mill-ajru li saru fuq il-Belt Valletta fl-4 ta Marzu 1942 din il-knisja ġarrbet ħsarat kbar. Meta l-patrijiet raw il-ħsarat li ġarrbet iddeċidew li jibnu knisja ġdida. Din bdiet tinbena fit-30 ta’ April 1958. Il-Pirjol Ġenerali li f’dik is-sena kien Malta  għall-kapitlu Provinċjali bierek l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja li nbniet fuq pjanta ta’ Ġużè Damato. Ix-xogħol baqa’ għaddej sakemm tlesta 23 għoxrin sena wara fil-15 ta’ Ġunju 1981 meta l-Pirjol Provinċjali Patri Manwel Gatt bierek il-knisja l-ġdida.

Il-knisja Karmelitana fil-Belt Valletta għandha d-dinjità ta’ Santwarju u Bażilika Minuri u fiha nsibu statwa mill-isbaħ tal-Madonna tal-Karmnu fl-injam li kien maħsub li setgħet ġiet skolpita f’Napli fis-sena 1781. Din l-istatwa għandha pedestall rikk tal-fidda, xogħol artistiku fuq disinn ta’ Abram Gatt minn Bormla. Il-bradella u l-bankun huma kollha xogħol artistiku ta’ interzjar fl-injam. Bħalissa fil-ġranet tal-festa l-istatwa titqiegħed taħt pavaljun ta’ bellus aħmar. Nistgħu ninnotaw ukoll li l-vara tal-Madonna hija mżejna b’diversi ornamenti prezzjużi li jixdhu x’devozzjoni qawwija li għandhom in-nies lejha.

Din il-knisja hija wkoll Santwarju Marjan għaliex fiha hemm l-inkwadru titulari antik tal-Madonna tal-Karmnu li ġiet inkurunata b’digriet tal-Vatikan fl-1881. Wara li saret it-talba mill-Karmelitani biex il-knisja tiġi mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilka Minuri, il-Papa Ljun XIII laqa’ din it-talba b’digriet tat-13 ta’ Mejju 1895.

Sal-lum huma ħafna n-nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex li jfittxu dan is-Santwarju f’diversi sitwazzjonijiet u diffikultajiet tal-ħajja, biex il-Madonna tal-Karmnu tgħinhom u tidħol għalihom. Nieħu din l-okkazzjoni biex nawgura l-festa t-tajba lill-Karmelitani Beltin u lid-devoti tal-Madonna tal-Karmnu.

Il-pavaljuni li jżejnu Triq ir-Repubblika, bħal-lum
Il-pavaljuni li jżejnu Triq ir-Repubblika, bħal-lum

 

More in Socjali