Ħamsa mill-aħħar għaxart'isjuf bdew bix-xita...inkluż dan

..bdejna bix-xita f'Ġunju, imma bħalissa sħana taqli l-ankri

L-ewwel jum tas-sajf beda bix-xemx, iżda kompla bix-xita u r-ragħad. Għalkemm dan forsi deher bħala bidu stramb għall-istaġun għal xi wħud, ħarsa lejn id-data meteoroloġika turi li ħamsa mill-aħħar għaxart isjuf, fil-fatt, bdew bix-xita. 
F’Ġunju niżlu 11.8 mm ta’ xita, jiġifieri 7.8 mm aktar min-norma klimatika għal dan iż-żmien tassena. Min-naħa l-oħra iżda, jiem xemxin u temperaturi għoljin ma naqsux.  
Fit-tnax-il jum tax-xahar ġiet irreġistrata l-ogħla temperatura massima għal Ġunju; dik ta’ 31.4°C. Ittemperatura mbagħad niżlet għall-minimu l-aktar baxx tax-xahar - ta’ 18.2°C - eżatt ġimagħtejn wara. Barra minn hekk, it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet dik ta’ 22.7°C, jiġifieri 1.2°C ogħla milli mistenni għal dan iż-żmien tas-sena. 
Filwaqt li l-jiem tax-xahar gawdew minn medja ta’ 10.8 sigħat ta’ xemx, fl-aktar jum xemxi ta’ Ġunju ġew irreġistrati 13.2 sigħat ta’ xemx. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-4 ta’ Ġunju tniżżel fir-rekords meteoroloġiċi bħala l-aktar jum griż, ix-xemx xorta ħarġet għal 4.5 sigħat sħaħ tul il-ġurnata.  
Ix-xahar kien ukoll aktar mirjieħ min-norma klimatika, bil-veloċità medja tar-riħ tkun ta’ 9.4 knots minflok is-7.6 knots mistennija.  
Fil-25 ta’ Ġunju ġiet imkejla buffura massima ta’ 42 knots li kienet qed tonfoħ mit-Tramuntana kwarta Majjistral. F’din il-ġurnata ġiet irrappurtata wkoll waħda miż-żewġ istanzi ta’ ragħad għax-xahar millUffiċċju Meteoroloġiku.  
 

More in Socjali