Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Jidħlu fis-seħħ l-emendi biex jipproteġu l-każini mill-iżgumbrament

...iżda s-sidien tal-Każin De Paule kienu qalu mal-ILLUM li din hi biss soluzzjoni temporanja

Yendrick Cioffi / 11 ta' Lulju 2018 14:24
Permezz ta' Avviż Legali, il-Gvern daħħal fis-seħħ b'mod immedjat, emendi fil-Kodiċi Ċivili bil-għan li tingħata protezzjoni lil dawn is-soċjetajiet mużikali li jinsabu f'riskju ta' żgumbrament mis-sede rispettiva tagħhom.

Kollox beda meta l-gazzetta ILLUM, wara li rrappurtat kif is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid qed tiffaċja ordni ta' żgumbrament, żvelat kif 20 każin tal-banda f'Malta jistgħu jiffaċjaw każijiet il-Qorti għax mhumiex is-sidien tas-sede u hemm kerrejja li qed jilmentaw li mhux qed jieħdu biżżejjed kera, tant li diġà hemm dawk tal-King's Own tal-Belt Valletta li ħadu l-Gvern il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-każ ta' De Paule kien xi ftit differenti għax is-sidien ħaduhom il-Qorti mhux minħabba ħlas tal-kera imma minħabba xogħlijiet strutturali li għamlu mingħajr ma infurmawhom.

Iżda l-Gvern ħareġ għonqu biex jgħin lil De Paule u każini oħra li jistgħu jsibu ma' wiċċhom ordni ta' żgumbrament u daħħal fis-seħħ emenda fil-Kodiċi Ċivili li bażikament tħassar ordni ta' żgumbrar jekk il-każin partikolari jaċċetta li jħallas 10 darbiet aktar f'kera lis-sidien.

Dan xorta ma kienx niżel tajjeb mas-sidien tal-każin De Paule li saħansitra talbu lill-President biex ma tiffirmax il-liġi, bil-gazzetta ILLUM tiżvela li anke dawn se jieħdu lill-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, għax skonthom apparti li l-Liġi tikser il-Kostituzzjoni, qed jinkiser ukoll id-dritt tagħhom li jgawdu l-proprjetà li tagħha huma s-sidien.

Mal-istess gazzetta, l-Avukat Hugh Peralta, li qed jirrappreżenta lis-sidien, qal li jinsab ċert li l-Qorti se tiddeċiedi favur is-sidien u din il-liġi qed toħloq biss soluzzjoni temporanja għall-Każin.

Madanakollu, il-Gvern dejjem insista, anke fi stqarrija ppubblikata llum, li qed joħloq "bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini, u cioè l-baned, u s-sidien.”

Is-sid se jkollu wkoll id-dritt li jikkontesta l-kundizzjonijiet tal-kera quddiem il-Bord li jirregola l-Kera, liema bord qiegħed jingħata d-dritt li jirrimedja kull sitwazzjoni ta’ sproporzjonalità manifesta wara li jkun ħa kunsiderazzjoni tal-funzjonijiet soċjali u kulturali tal-każin.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook