Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Ħadd ma jrid transgender fuq il-post tax-xogħol'

Nitkellmu dwar l-ugwaljanza u l-liġijiet li jagħmlu ħajja aktar faċli. Imma kemm hi faċli ħajja ta’ persuna transgender? Terry Muscat taqsam mal-ILLUM ir-realtajiet ta’ persuna gay, transgender u eks priġuniera

Liam Carter / 5 ta' Lulju 2018 08:05
Ritratt | Andrew Borg Carbott
Min jafha minn fuq l-interventi li tħobb tagħmel fuq Radju 101, min jafha għax minn Bormla u min jafha għax hi persuna transgender. Terry Muscat jew kif inhi magħrufa aħjar, it-Terry ta’ Bormla hi bniedma popolari sew madwar Malta. Minkejja dan il-fatt ftit huma dawk li jafu  l-istorja kollha ta’ Terry: id-diffikultà biex hi tiġi aċċettata fis-soċjetà, l-inġustizzji li ħabtet wiċċha magħhom fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja minħabba s-sesswalità tagħha u kif ukoll l-esperjenza tagħha wara l-ħabs. Mal-ILLUM, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha u mingħajr ebda kantunieri, Terry Muscat tiftaħ qalbha.

Ta’ 12-il sena tibda jkollha sentimenti omosesswali

“Naħseb kelli 12-il sena meta beda jkolli dawn il-ħsibijiet u sentimenti għall-irġiel. Kont dejjem imbeżżgħa li nitkellem man-nies dwarhom. Kont nibża' mir-reazzjoni negattiva tal-familjari u l-ħbieb.”

Dan kien l-ewwel kliem ta’ Terry hekk kif bdiet tirrakkontali dwar l-affarijiet li għamluha u dawk li kważi kissruha, il-mumenti li għamluha b’saħħitha u dawk li kważi ħallewha bla ħajja. “Wara ħafna żmien inżomm kollox ġewwa fija dan kollu kien beda jaffetwali s-saħħa mentali tiegħi allura kien wasal iż-żmien li nitkellem ma’ xi ħadd. Kelli ngħid lill-familjari tiegħi. Il-ġurnata kienet lejlet l-ewwel tas-sena,” tirrakkonta Terry.

"Għalkemm għandha ħafna liġijiet ġodda, xorta mhuwiex faċli tkun persuna transgender. Għadna lura ħafna..."
Muscat tkompli tispjega, “il-familja tiegħi kienu organizzaw festin id-dar, jien kont ħadt is-sieħeb tiegħi miegħi, kif ħabbat u dħalt id-dar kont introduċejtu bħala l-ħabib tiegħi. Niftakar ftit muniti wara li daqqu t-tokki ta’ nofsillejl, ma nafx x’tani. Ġieni kuraġġ liema bħalu, ġbart il-familjari flimkien u għidtilhom l-iktar żewġ kelmiet tqal li qatt għidt f’ħajti, “Jien gay.”

Terry tkompli tirrakkonta l-atmosfera fil-kamra wara li hi nisslet dawn iż-żewġ kelmiet, “Missieri tah ħass ħażin. Kelli nitlaq kmieni dakinhar. Missieri kien raġel tajjeb però qatt ma seta’ jaċċettani bħala persuna omosesswali aħseb u ara bħala persuna transgender. Kont ninkwieta ħafna dwar missieri, ma ridtx ninkwetah. Meta mbagħad miet, għamilt ċertu bidliet f’ġismi li dejjem kelli x-xewqa li nagħmel.

Iktar faċli tkun persuna transgender illum il-ġurnata ?

Terry qalet lill-ILLUM li meta fl-aħħar fetħet il-‘gaġġa’ u għamlet it-trapass li dejjem xtaqet  tagħmel kienu l-isbaħ ġranet ta’ ħajjitha. “Kienu ħafna dawk li jarawni miexja fit-triq u jgħaddu kummenti, forsi xi kultant minħabba karatteristiċi li jien għandi: storbjuża, ċajtiera u skjetta. Oħrajn però kienu jħobbu jgħaddu kummenti bbażati biss fuq id-deċiżjoni tiegħi li nkun persuna transgender.”             Madanakollu tkompli tgħid Terry, “dawn ma kinux jaqtgħuli qalbi, apparti minn hekk jien dejjem kelli risposta pronta,” qalet b’ton ċajtier.

Fis-snin li għaddew, il-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat kien daħħal diversi riformi legali li xprunaw id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, fosthom bl-introduzzjoni ta’ żwieġ ċivili u l-emendi riċenti tal-IVF li bihom għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, persuni LGBTIQ se jkunu jistgħu jgħaddu mill-proċess ta’ IVF. Dawn il-liġijiet minnhom infushom ġabu bidliet li sa ftit żmien ilu ħafna lanqas biss konna noħolmu li jseħħu. Imma din il-gazzetta xtaqet tifhem aħjar jekk lil hinn mil-liġi persuni transesswali humiex qed jgħixu aħjar.

"Ħadd ma jrid jimpjega persuna transgender aħseb u ara persuna transgender li żbaljat darba"
Staqsejt lil Terry jekk illum il-ġurnata hux iktar faċli li tkun persuna gay. Fuq din hi kienet pronta sabiex tisħaq, “għalkemm għandna ħafna liġijiet ġodda, xorta mhuwiex faċli tkun persuna transgender. Għadna ħafna lura, m’għandekx idea kemm hi diffiċli biex issib fejn taħdem meta tkun persuna transgender. Dawk li jsibu x-xogħol jagħmlu dan għax ikunu jaħdmu għal rashom, il-bqija xejn.”

It-Terry tipprova taqbeż minn fuq wied bil-karozza

Mal-ILLUM, Terry tkellmet ukoll dwar wieħed mill-aktar episodji koroh ta’ ħajjitha, meta ppruvat tneħħi ħajjitha b’idejha.

“Dak iż-żmien kont għaddejja minn żmien xejn feliċi,” spjegat Terry, “kont qed inbati minn dipressjoni, fl-istess waqt għaddejt minn xi ħaġa fir-relazzjoni tiegħi li waslitni fix-xifer. Kont iddeċidejt li naqbeż bil-karozza minn fuq wied. Niftakar kif bdiet miexja l-karozza, smajt vuċi ġo rasi, li bdiet tgħidli Terry, int taf x’se tagħmel, dawwar denbek u erġa’ lura. Nirringrazzja lil Alla li dakinhar intervjena u bqajt ngħix din il-ħajja,” saħqet Terry pjuttost emozzjonata f’dan il-punt tal-intervista.

Għaliex bniedem bil-familja jeħel il-ħabs darba, ma tagħtihx ċans ieħor?

Sentejn ilu Terry Muscat kienet instabet ħatja li forniet id-droga eroina. Dan ġara wara raid mill-pulizija meta kien instab fil-pussess tagħha raża tal-kannabis u gramma droga eroina. Fid-difiża, Muscat qalet li hi kienet xtrat gramma droga eroina għal persuna qrib tagħha li kienet għaddejja minn problema serja ta’ vizzju li kienet qed twassalha biex tisraq u tagħmel użu minn labar użati, xi ħaġa ferm perikoluża. Għaldaqstant, Terry xorta waħda tammetti li minkejja l-intenzjoni tagħha, li tgħin lil din il-persuna, bil-mod kif forsi ħasset l-aħjar, dak li għamlet kien żball. Fil-fatt għal dan l-iżball weħlet is-sentenza ta’ 21 xahar ħabs li minn dawn skontat total ta’ tmien xhur ħabs wara li mbagħad ħarġet fuq parole.

Imma kull fejn induru u kull fejn inħarsu llum nisimgħu l-messaġġ u l-appelli dwar l-importanza li soċjetà terġa’ tilqa’ fi ħdanha priġunieri billi tagħtihom ċans isibu impjieg u allura jibdew ħajjithom mill-ġdid. Imma din vera qed tiġri? Terry Muscat ingħatat ċans ieħor?

Mal-ILLUM hi tispjega kif dan mhux il-każ, tant li sabet diffikultà biex issib xogħol. “Wara li ħriġt mill-ħabs f’Settembru mort biex nerġa’ nieħu l-post tax-xogħol lura però kien kollu għalxejn hekk kif informawni li x-xogħol tliftu għaliex jiena traffikanta kbira tad-droga. Fuq gramma ġabuni traffikanta kbira tad-droga. Hawn tant pampaluni li baqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn,” saħqet Terry.

"Kont iddeċidejt li naqbeż bil-karozza minn fuq wied. Niftakar kif bdiet miexja l-karozza, smajt vuċi ġo rasi…"
Hi kompliet titkellem dwar id-diffikultà li sabet meta ppruvat issib impjieg, “taf kemm mort napplika postijiet! Kulħadd jgħidli għalxejn bil-kondotta li għandek mhu se tidħol imkien. Saħansitra darba minnhom, kien hemm kumpanija tat-tindif li bagħtitni l-MEPA nnaddaf. Kont ferħana se ntir.”

Sfortunatament, kellha tkun ferħa bla temma hekk kif sal-10am Terry kienet reġgħet spiċċat bla xogħol. “Fl-10am ġie ta’ fuqi u qalli daqshekk għax il-kondotta tiegħek maħmuġa. Infqajt nibki. F’49 sena qatt ma ċċappast mal-Pulizija, żbaljajt darba u se nibqa' nbati ħajti kollha,” irrakkontat Terry.

Terry kompliet tgħid li, “kienu bosta Membri Parlamentari, Ministri u Deputati Nazzjonalisti li ppruvaw jgħinuni nsib ix-xogħol, il-problema ma kinetx min-naħa tagħhom iżda, mill-kumpaniji. Ħadd ma jrid transgender fuq il-post tax-xogħol, aħseb u ara transgender li f’49 sena fuq din l-art żbaljat darba.”

Dak li qalet Terry Muscat għall-ewwel darba ma’ din il-gazzetta juri li lil hinn mis-sesswalità tagħha, hemm persuna bi storja, b’realtà, b’ferħ u bi dwejjaq bħal kull persuna oħra. Jekk xejn l-inkontru tal-ILLUM ma’ Muscat uriena u għandu juri lill-qarrejja kollha li s-sesswalità ta’ persuna hi parti mill-persuna u mhux kollox.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook