Sitt Beltin minn kull 10 mhux kuntenti bl-ispazji pubbliċi

X’post għandhom il-Beltin fil-Belt Valletta? Studju fl-ibliet kbar Ewropej ipoġġi lir-residenti Beltin bħala l-inqas kuntenti bl-ispazji miftuħa fil-Belt Valletta

Is-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018, Deo Debattista insista li jekk dawk kollha kkonċernati jpoġġu madwar mejda, ċert li tista’ tinstab soluzzjoni bil-għan li fil-Belt Valletta jinħolqu aktar żoni pedonali li awtomatikament ikun ifisser aktar spazji miftuħa għar-residenti Beltin.

Debattista qal dan mal-gazzetta ILLUM b’reazzjoni għall-stħarriġ tal-Eurostat li wera kif ir-residenti Beltin, huma l-inqas kuntenti bl-ispazji pubbliċi fil-Belt tagħhom, fost ir-residenti tal-ibliet kapitali u bliet kbar oħra Ewropej.

Fil-fatt, meta mistoqsija kemm huma kuntenti bl-ispazji pubbliċi, jiġifieri bl-iswieq, il-pjazez u ż-żoni pedonali, 41% biss tal-Beltin wieġbu li huma kuntenti b’dawn l-ispazji fil-Belt Valletta.

Dan jikkuntrasta sewwa ma’ residenti oħra ta’ bliet kapitali Ewropej, fosthom dawk tal-Lussemburgu u Vjenna, fejn 88% tar-residenti qalu li huma sodisfatti.

Fost l-aktar li huma sodisfatti hemm ukoll dawk ta’ Stokħolma (87%), l-Ljubljana (86%) u Ħelsinki (85%) u fost l-inqas, iżda dejjem wara r-residenti Beltin, hemm dawk li joqogħdu Ateni (49%), Ruma (55%) u Bukarest u Nikosia (56%).

Ta’ min wieħed isemmi li dan l-isħarriġ, ippubblikat ftit tal-jiem ilu, sar fl-2015 u minn dakinhar ġew inawgurati diversi proġetti, fosthom Pjazza Tritoni u s-Suq tal-Belt iżda toroq oħra pedonali nħanqu mill-imwejjed u s-siġġijiet. 

L-istess stħarriġ jorbot ukoll ma’ dak li rrappurtat l-istess gazzetta bħal-lum ġimgħa, jiġifieri li fost l-istess residenti Ewropej, dawk Beltin huma l-inqas kuntenti bil-livell ta’ storbju tant li s-Sindku Alexiei Dingli qed jipproponi li fl-istabbilimenti ta’ divertiment fil-Belt jiġu installati sound meters li jaqtgħu d-dawl meta l-istorbju jlaħħaq ċertu livell.

Kien f’dan id-dawl, li l-ILLUM tkellmet ma’ Deo Debattista u Claudio Grech, żewġ Deputati Beltin u anke ma’ Pawlu Mizzi, żagħżugħ Belti involut fil-programm tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni Valletta 2018, li kollha tkellmu dwar il-bżonn li fil-Belt Valletta jiżdiedu l-ispazji pubbliċi.

‘Intejbu r-rotta tal-karozzi fil-Belt biex jiżdiedu toroq pedonali’

Meta mistoqsi jekk jaħsibx li fil-Belt Valletta hemmx bżonn jiżdiedu l-ispazji miftuħa għar-residenti, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista mill-ewwel insista li mhux faċli li fil-Belt jinħolqu spazji miftuħa.

Fakkar li l-Belt Valletta ma nbnietx bl-iskop li jkun hemm ħafna spazji miftuħa, anzi saħaq li “l-Kavallieri, fil-pjan oriġinali, kellhom li kull pulzier fil-Belt jintuża,” u l-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa beda jinħass l-aktar minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

‘Id-daqs tal-Belt jillimitak’

“Id-daqs tagħha huwa sfida u trid tikkunsidra l-ispazju limitat, b’bilanċ mal-bini li diġà għandha,” saħaq Debattista. Madanakollu insista illi li kieku l-Kunsill Lokali, Transport Malta u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHCR) ipoġġu madwar mejda, jinsab ċert li jista’ jinħoloq ftehim biex jiżdiedu ż-żoni pedonali.

Saħaq li preżentament għaddejja diskussjoni bil-għan li tittejjeb ukoll r-rotta ta’ kif għaddu l-vetturi fil-Belt Valletta u li bis-saħħa ta’ hekk jistgħu jinħolqu aktar żoni pedonali.

‘Hemm bżonn nisfruttaw spazji li diġà jeżistu’

Mistoqsi x’tip ta’ spazji jaħseb li hemm bżonn jinħolqu fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari insista li jeħtieġ jiġu sfruttati postijiet li diġà jeżisitu, fosthom id-dawra tal-kosta ta’ madwar il-Belt Valletta, fejn postijiet meħuda mill-karozzi jingħataw lin-nies.

Iżda dan mhux se jfisser problema akbar ta’ parkeġġ? Debattista spjega li propju għalhekk hemm bżonn li jinħolqu aktar parkeġġi barra l-ħitan tal-Belt Valletta iżda hawn reġa’ insista li kollox jiddependi mill-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill, Transport Malta u l-GHRC biex tiżdied l-aċċessibilità tal-vetturi fil-Belt Valletta.

‘Iż-żoni ta’ bejn il-fortifikazzjonijiet jistgħu jiġu żviluppati’

Preżentament għaddeja ħidma biex jintużaw u jiġu żviluppati ż-żoni ta’ bejn il-fortifikazzjonijiet. Insista li l-Gvern diġà qed jagħmel dan permezz tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) iżda kompla jgħid li hemm diversi żoni li mhux aċċessibbli għan-nies u li b’investiment dawn jistgħu jiġu rinovati u utilizzati.

Temm ifakkar bi proġett li diġà saru, kemm minn Gvern Nazzjonalista, fosthom Pjazza San Ġorġ u Misraħ Ħelsien u fit-trasformazzjoni ta’ Pjazza Tritoni u Pjazza Kastilja li saru fl-aħħar snin.

‘Mhux biżżejjed niddandnu bil-boutique hotels u s-sinjuri’

Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-Oppożizzjoni, Claudio Grech, wera t-tħassib tiegħu, għax fi kliemu, il-Belt Valletta ilha għal dawn l-aħħar snin isofri minn ‘emoreġija qawwija’ ta’ spazji pubbliċi u miftuħin.

“Ir-residenti Beltin qed jassistu għat-tnaqqir konsistenti fl-ispazji fejn jistgħu jgħixu u jgawdu l-lokal tagħhom,” saħaq Grech.

‘Parkeġġi illegali u toroq magħluqa bl-imwejjed’

Waqt li tkellem b’mod partikolari dwar il-problema tal-parkeġġ, Grech insista li spazji riservati għall-parkeġġ “qed ifaqqsu b’mod sfaċċat abbużiv u illegali.”

“Bankini u saħansitra toroq, minn żoni pedonali spiċċaw estensjoni ta’ stabbilimenti li jinjoraw id-dritt ta’ resident li jgawdi l-ispazji pubbliċi,” kompla jisħaq id-Deputat.

Waqt li rrefera għall-imwejjed u s-siġġijiet fil-pjazza ta’ quddiem is-Suq tal-Belt, Claudio Grech insista li ma jistax ikun li żoni miftuħa jibqgħu jittieħdu minn ħalq il-beltin biex jinbiddlu f’żoni kummerċjali.

“Hawn min jiddandan bil-Boutique hotels u bin-nies għonja li qed jixtru proprjetajiet kbar. M’hemm xejn ħażin fih innifsu iżda meta l-qofol ta’ belt isir biss il-flus u l-kummerċ, dik il-belt titlef ruħha u ssir biss cash register.”

‘Grawnd tal-futbol tal-biki u pitch mitluq’

Mistoqsi x’tip ta’ spazji jaħseb li hemm bżonn jinħolqu fil-Belt Valletta, Grech saħaq li l-ewwel u qabel kollox għandu jkun hemm aktar spazji fejn iż-żgħażagħ Beltin ikunu jistgħu jipprattikaw l-isports.

“Illum ngħidlek b’ċertezza li m’hemm l-ebda għodda aħjar biex tiġġieled il-problema tad-droga milli bl-isports,” insista Grech. “Jekk tara l-istat tal-grawnd tal-futbol tal-Belt u l-istat tal-biki li jinsab fih il-pitch tal-Waterpolo tara b’għajnejk kemm hawn min jimpurtah miż-żgħażagħ Beltin.”

‘Nittama li flimkien nagħmlu xi ħaġa’

Temm jittama li Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu flimkien, anke fuq miżuri ta’ infurzar biex spazji li ttieħdu mill-komunità jerġgħu jingħataw f’forom ta’ spazji miftuħa u żoni sportivi.

‘Spazji pubbliċi ma jintużawx minħabba s-sigurtà’

Tkellimna wkoll ma’ Pawlu Mizzi, żagħżugħ Belti li huwa wkoll uffiċjal tal-ipprogrammar tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Bħala Belti, saħaq li biex il-Belt Valletta tkun ħajja, jeħtieġ li l-Beltin stess, l-ewwel u qabel kollox, jieħdu l-inizjattiva u jipparteċipaw fil-ħajja attiva tal-Belt.

“Importanti wkoll li huma stess jagħmlu użu attiv mill-ispazju pubbliku u jerġgħu jħossu li l-Belt Valletta hija tassew tagħhom,” insista Mizzi.

Madankollu fakkar ukoll li ċertu binjiet inaqqsu l-possibbilità li jsiru ċertu attivitajiet minħabba s-sigurtà, fosthom il-Parlament u Kastilja u appella biex ‘din il-limitazzjoni’ tkun indirizzata.

‘Hemm bżonn napprezzaw mill-ġdid ‘il-kultura li nkunu flimkien’

Dwar il-ħidma tal-Valletta 2018, Pawlu Mizzi saħaq li l-Fondazzjoni taħdem ħafna biex timplimenta proġetti li jħeġġu l-użu tal-ispazji miftuħa mill-komunità.

Saħaq li saru diversi diskussjonijiet biex entitajiet lokali anke dawk governattivi jgħinu biex jiġu rriġenerati spazji fejn l-interazzjoni bejn in-nies tkun tista’ tiġġedded.

Semma l-attività Shake It, proġett tal-NGO Move biex l-ispazji kulturali jiġu mmaġinati b'mod ġdid bħala spazji ħajjin fejn l-iskop ma jibqax dak kummerċjali iżda dak ta' interazzjoni f'attivitajiet varji.

Kien hawnhekk li wera x-xewqa li kull entità governattiva tifhem ‘il-bżonn urġenti’ li l-ispazji fl-ibliet u l-irħula tagħna jerġgħu jsibu skop fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità Maltija, mhux biss permezz tal-kummerċ iżda fuq kollox bil-kultura li tiddistingwi lill-Maltin, jiġifieri dik li nkunu flimkien.

More in Socjali