Analiżi | Arahom ġejjin: It-tajjeb u l-ħażin ta' influss ta' ħaddiema barranin

Lilhinn mill-immigranti li qed jiġu bid-dgħajjes il-Jobs Plus qed tinnegozja biex ikunu ‘importati’ eluf ta' ħaddiema barranin f’Malta. Imma pajjiżna jiflaħ għal aktar? l-ILLUM tanalizza l-pożittiv u n-negattiv...

Il-barrani. Nitkellmu dwaru. Nilqgħuh. Inwaħħlu fih u niddiskutuh. Il-kelma ‘barrani’ saret xi ħaġa li tintuża kważi l-ħin kollu, bi sfortuna u b’mod ġenerali fin-negattiv u bħala l-persuna jew dak il-grupp ta’ persuni li fihom inwaħħlu meta xi ħaġa f’pajjiżna ma tkunx sejra tajjeb jew ikun hemm nuqqas.

F’dawn l-aħħar xhur ħarġu diversi ċifri li jitrattaw il-ħaddiema barranin li hawn f’pajjiżna. Il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà qalu li ġew 87,000 mill-2013 u mistennijin jiġu 80,000 persuna oħra sal-2021. Il-Malta Employers Association qalu illi l-popolazzjoni taf titla’ sa 700,000 minħabba domanda għax-xogħol.

L-ILLUM tat ħarsa lejn dawk li huma l-fatturi pożittivi u dawk li huma fatturi negattivi f’influss dejjem jikber ta’ persuni barranin li qed jiġu pajjiżna, legalment jew b’mod legali imma mingħajr dokumenti. Fejn se jsir progress u fejn jista’ jkun hemm rigress, b’mod speċjali jekk ma jkunx hemm ippjanar serju.

Aktar taxxa. Aktar qligħ. Ekonomija aktar b’saħħitha.

L-aktar benefiċċju ovvju ta’ numru dejjem jikber ta’ barranin li qed jaħdmu Malta hija li fil-maġġor parti tal-każi dawn qed jaħdmu f’pajjiżna b’mod legali u allura qed iħallsu t-taxxi f’Malta. Dan ifisser qligħ akbar għal pajjiżna mit-taxxa tad-dħul u allura aktar flus iġġenerati għall-kaxxa ta’ Malta. Iktar iva milli le, persentaġġ konsiderevoli tal-flus li taqla’ persuna li se taħdem hawn se jintefqu hawn f’supermarkets, kiri, ħwienet tal-ikel, bars, taxis u ħafna oħrajn. Naturalment iktar kemm ikun kbir id-dħul ta’ persuna iktar iċ-ċans li parti minn dak id-dħul se jmur fl-ekonomija Maltija u aktar iddur ir-rota.

Aktar domanda għall-propjetà tal-kiri

 Iktar kemm jiġu barranin aktar se jkun hemm min ikollu bżonn fejn jgħix. Dan ifisser li tiżdied id-domanda għall-kiri ta’ appartamenti, djar jew kwalunkwe tip ta’ proprjetà għall-kiri. Dan minnu nnifsu jfisser 1) li sidien, kemm kbar li għandhom ħafna proprjetà kif ukoll żgħar li għandhom inqas, ikunu jistgħu jgawdu qligħ pjuttost b’saħħtu  minn dawn il-kirjiet. U 2) Iktar domanda jfisser li tibqa’ għaddejja l-attività fil-qasam tal-kostruzzjoni li bħalissa hija waħda b’saħħitha ħafna.

Inqas problemi biex impjegatur isib ħaddiema

Bħalissa waħda mill-akbar uġigħ ta’ ras għal bosta persuni li jħaddmu huwa proprju biex isibu nies li jaħdmu. Kieku kellna nneħħu lill-ħaddiema barranin kollha li hawn fil-pajjiż, setturi diversi jbatu sew, jew biex isibu lin-nies biex jaħdmu jew inkella biex jiffaċċjaw spiża ħafna akbar f’pagi. Il-probabilità hija li wħud minnhom ikollhom saħansitra jagħlqu jew inkella jagħżlu li joperaw minn swieq oħrajn.

Fil-każ ta’ setturi bħall-kostruzzjoni, is-settur tal-ikel u xorb, lukandi, akkomodazzjoni, divertiment, saħħa (carers) u anke fit-trasport pubbliku, nuqqas qawwi ta’ barranin ifisser li l-operat jiffaċċja kriżi konsiderevoli.

Fil-każ, u b’mod speċjali, is-settur tal-igaming nuqqas kroniku ta’ ħaddiema barranin jaf ifisser li dan is-settur ikollu jirriloka.

Aktar diversità. Aktar għarfien

Soċjalment iktar barranin f’pajjiżna jfisser aktar taħlit u għarfien dwar kulturi barranin, jekk hux mużika, reliġjon, ikel u ħafna iktar. Soċjetà li titħallat iktar titgħallem u ssir dejjem iktar rikka.

Jekk pajjiż jagħraf jiċċelebra d-diversità permezz tal-kulturi differenti li jgħixu fih, isir pajjiż iktar sinjur, mhux fil-flus imma fl-għarfien ta’ dak kollu li hawn madwarna.

Aktar investiment

Ladarba inqas ħaddiema barranin tista’ tfisser problemi għal min iħaddem, aktar ħaddiema barranin ifisser li min jinvesti f’pajjiżna jkollu għażla qawwija u wiesgħa ta’ ħaddiema.

Min jinvesti jista’ jiġi f’pajjiżna bl-għarfien illi apparti popolazzjoni ta’ ħaddiema Maltin,  f’pajjiżna hawn ukoll popolazzjoni ta’ ħaddiema barranin li joffru allura firxa ħafna iktar wiesgħa ta’ talent u kapaċitajiet, kif ukoll abbilitajiet (l-għarfien ta’ ċerti lingwi, pereżempju) li l-Maltin m’għandhomx jew għadhom qed jitħarrġu fihom.

Aktar bini. Inqas spazju.

Iktar barranin ifisser, kif diġà għidna, li tkompli tiżdied id-domanda għall-proprjetà, li jfisser illi jkompli jiżdied il-bini. Sakemm il-kuntratturi jaraw id-domanda, se jibqgħu jibnu. Dan se jitfa’ aktar piż fuq l-ambjent urban u rurali ta’ pajjiżna li diġà jinsab taħt stress qawwi b’diversi siti ta’ kostruzzjoni u krejnijiet li qed jiddominaw ħafna mis-smewwiet fuq il-bliet Maltin.

Dan ifisser li se jkompli jonqsu l-ispazji miftuħin jew tonqos il-karatteristika urbana partikolari biex tagħmel aktar spazju għal aktar bini ta’ appartamenti.

Pajjiż aktar iffullat

Il-popolazzjoni taf tiżdied għal 700,000 jew bi 80,000 barrani ieħor sa tliet snin oħra, imma d-daqs tal-pajjiż se jibqa’ li hu. Dan allura se jfisser illi pajjiżna se jsir aktar iffullat, b’aktar karozzi u allura aktar traffiku, aktar nies fuq it-trasport pubbliku biċ-ċans ta’ aktar nies li ma jinqdewx, aktar nies fl-isptarijiet u aktar tfal fl-iskejjel bil-konsegwenza li jkollhom jinbnew skejjel ikbar (bħat-tkabbir tal-iskola ta’ San Pawl il-Baħar). Ifisser aktar nies f’Paceville, li jwassal għal aktar problemi, aktar nies fuq il-bajjiet fis-sajf li jfisser illi mhux se jkun hemm biżżejjed spazju fuqhom...

Apparti kunsiderazzjonijiet purament estetiċi, in-nuqqas ta’ spazji flimkien ma’ aktar iffullar jista’ jkollu effett psikoloġiku fuq il-poplu, b’aktar storbju u inqas postijiet ta’ rilassament.

Ikomplu jiżdiedu l-kirjiet

Jekk is-sidien tal-propjetà jgawdu minn żieda fil-kirjiet mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk li qed jikru. Iktar kemm se tkompli tiżdied id-domanda, aktar se jogħlew il-kirjiet. Sidien li jkunu jafu li hemm talba għal kirja li tkun 20%, 50% jew saħansitra 100% ogħla se jmorru għal dak il-valur. B’White Paper jew mingħajrha, jekk se jkun hemm domanda għal kirjiet b’€1,500 fix-xahar biex nagħtu eżempju, se jibqa’ jkun hemm sidien li se joffru kirja b’dawk il-prezzijiet.

Dan ifisser li 80,000 barrani fit-tliet snin li ġejjin se toħloq aktar pressjoni u żżid id-domanda, bil-konsegwenza li jiżdiedu l-kirjiet. Għal dawk il-Maltin li qed jgħixu f’kirja din tista’ tfisser aktar tbatija. Mil-lenti tal-ħaddiema barranin infushom dan ifisser li se jkompli jiżdied il-fenomenu tal-‘flat sharing’, li minnu nnifsu jżid mill-ġdid il-kirja (iktar nies=kirja ogħla)

Tista’ sservi biex il-pagi jibqgħu statiċi

F’ċerta setturi żieda fil-ħaddiema, jew ħaddiema potenzjali barranin jista’ jfisser li l-pagi jibqgħu statiċi. Għalfejn? Sempliċi. Jekk ‘X’ iħaddem lilek b’€10 fis-siegħa, meta b’dak l-istess ammont jista’ jħaddem barrani li f’pajjiżu jaqla’ miżerja ta’ €3.00 fis-siegħa, il-probabilità li ‘X’ jaċċetta talba għal żieda hija remota, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-għażla quddiem ‘X’ hija ħafna akbar, b’ħafna ħaddiema lesti biex jaħdmu (għal inqas minn €10 fis-siegħa).

Dan jista’ jwassal biex il-paga tal-Malti tiżdied ftit jew tibqa’ statika.

Spiża ikbar fuq is-sistema tal-Welfare

Apparti l-iffullar fl-iskejjel u l-isptarijiet, influss iġib miegħu użu akbar tas-sistema ta’ ‘welfare’ f’pajjiżna. Aktar studenti u aktar pazjenti, aktar benefiċċji u aktar ħlasijiet fejn dawn ikollhom isiru.

Dan jitfa’ piż akbar fuq is-sistema ta’ welfare u aktar infieq mill-baġit tal-Gvern.

Min-naħa l-oħra iżda, dan l-aspett negattiv jista’ jkun kumpensat minħabba l-fatt li huwa probabli ħafna li aktar ħaddiema barranin iħallsu l-bolla (fejn mhux qed isir abbuż permezz ta’ xogħol illegali), se jkun wieħed mill-fatturi prinċipali li jwassal biex il-pensjonijiet u servizzi soċjali u servizzi li jingħataw b’xejn ikunu mibnijin fuq sisien aktar sodi.

Dipendenza

Jekk l-ekonomija ma tibqax għaddejja bir-rittmu li għaddejja bħalissa, x’se jiġri? Naturalment, wieħed ma jawgurax li dan qatt jiġri u l-istorja wrietna li Malta dejjem salvat, xi ftit jew wisq, anke minn mumenti fejn l-ekonomiji dinjin ma kinux sejrin tajjeb.  

Imma kif inhuma l-affarijiet bħalissa huwa ċar li d-dipendenza ekonomika tagħna fuq il-bżonn li ‘nimpurtaw’ aktar barranin qiegħda dejjem tiżdied, li hu tajjeb sakemm qed jiġu u sakemm kollox ward u żahar.

Inġibu eżempju. Sqalli li ġie Malta biex jaħdem għax fi Sqallija m’hemmx xogħol, mhux se jkollu l-affinità ta’ persuna Maltija lejn il-pajjiż, bil-possibilità illi jekk ir-rittmu ekonomiku f’Malta jonqos jew dak ta’ Sqallija jiżdied jerġa’ jirritorna Sqallija.

Dan jista’ jindika li dipendenza fuq il-ħaddiem barrani, bħal dipendenza fuq kwalunkwe settur ekonomiku jġorr riskji konsiderevoli.

More in Socjali