Il-President tħeġġeġ l-importanza tal-qari għal soċjetà li taħseb b'mod kritiku

Il-President Coleiro Preca qalet ukoll li l-presidenza riedet tagħti xhieda tal-importanza tal-qari permezz tal-ftuħ ta’ tliet libreriji matul dawn l-erba’ snin

Il-Presidentta' Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt is-serata ‘Brillantini tal-Qari’ organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fl-iskola medja f’Tal-Ħandaq qalet li l-bżonn tal-qari fis-sistema edukattiva jibqa’ dejjem hemm għax il-qari ma jagħtix biss il-gost li nidħlu fi storja imma jistimula moħħna, jgħinna niżviluppaw aktar il-ħsieb u jagħtina aktar ideat, “u meta l-moħħ ikun stimulat, insiru kreattivi”.

Il-President żiedet li hu għalhekk li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tmexxi diversi programmi u inizjattivi biex tippromwovi l-qari.

“B’ħeġġa lejn il-qari pajjiżna mhux biss ikollu aktar nies kapaċi fil-litteriżmu imma jkollna wkoll aktar nies kapaċi fil-kreattività, fil-ħsieb u fl-ideat. Fuq kollox, ikollna soċjetà li tkun kapaċi taħseb b’mod kritiku, soċjetà b’ċittadini attivi biex lil Malta tagħna nkunu nistgħu niżviluppawha aktar”, spjegat il-President.

Il-President Coleiro Preca qalet ukoll li l-presidenza riedet tagħti xhieda tal-importanza tal-qari permezz tal-ftuħ ta’ tliet libreriji matul dawn l-erba’ snin: il-Librerija Anton Buttigieg fil-Palazz ta’ Sant’ Anton; il-Little Stars Library fi ħdan The President’s Secret Garden u l-Librerija Balzmet ir-Ruħ, fl-uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund Foundation fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Fl-aħħar nett il-President tenniet li meta lokalment nitħabtu biex nindirizzaw il-litteriżmu nkunu qed ningħaqdu mal-kumplament tad-dinja. Dan għaliex fl-2015 il-mexxejja tad-dinja kkommettew għal Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u għall-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli. Fil-fatt, Mira 4, target 6 tgħid speċifikament li sas-sena 2030 għandna lkoll nindirizzaw il-problema tal-litteriżmu fid-dinja.

“Il-brillantini tagħna mhux biss qed jaħdmu biex għada pitgħada meta jsiru l-mexxejja ta’ pajjiżna jkollna mexxejja bi ħsieb kritiku, li jkunu nies attivi, parteċipattivi, u kreattivi, iżda wkoll qed jagħtu sehemhom biex id-dinja tilħaq Mira 4, target 6 ta’ Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda. Għeżież brillantini kemm inħossni kburija bikom”, ikkonkludiet il-President.

More in Socjali