Il-Kottonera bl-inqas numru ta’ gradwati

… u dawk mill-Fillipini huma l-aktar studenti barranin li gradwaw f’Malta

Studju ġdid li ħejjiet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE), ikkonkluda li hemm nuqqas kbir ta’ studenti min-naħa t’isfel ta’ Malta fl-istutizzjonijiet edukattivi Maltin. Ir-rapport wasal għal din il-konklużjoni wara li kkompara l-popolazzjoni ta’ Maltin fin-naħa t’isfel ta’ Malta u n-numru totali ta’ Maltin li qegħdin isegwu xi programm ta’ studju fl-istituzzjonijiet Maltin bħall-Università ta’ Malta u l-MCAST.

Tul is-sena 2016, kien hemm, 1,820 student min-naħa t’isfel tal-Port il-Kbir li nkiteb f’xi kors ta’ studju. Din iż-żona tinkludi fiha l-lokalitajiet ta’ Bormla, Birgu, l-Isla, il-Kalkara, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra. Din kienet l-anqas rata fiż-żoni kollha madwar Malta, fil-fatt fin-naħa tat-Tramuntana tal-port (Tas-Sliema, is-Swieqi, San Ġiljan...) kien hemm 4,356 student li nkiteb għal kors f’istituzzjoni edukattiva. Fin-naħa tax-Xlokk (Marsaxlokk, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq…) kien hemm 2,224 student u  fin-naħa tal-Punent (iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba…) u t-Tramuntana (San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, ix-Xemxija…) kien hemm 2,448 u 2,372 student rispettivament.

Figuri simili kienu rrapportati fin-numru ta’ gradwati Maltin. Hekk kif għal darb’oħra, b’5,884 l-inqas numru ta’ gradwati kienu ġejjin min-naħa t’isfel tal-port ta’ Malta. L-akbar numru ta’ gradwati ġew min-naħa tat-Tramuntana tal-port, b’16,724 student. Fl-istess waqt, 6,200 u 8,702 studenti gradwaw min-naħa tax-Xlokk u l-Punent ta’ Malta rispettivament u 8,918 student min-naħa tat-Tramuntana.

Ir-rapport sostna li wkoll li meta mqabbel mas-sehem tal-popolazzjoni ta’ Għawdex hemm rappreżentazzjoni għolja ta’ studenti li jinkitbu għal programmi edukattivi b’1,304 u finalment jiggradwaw.

Il-maġġoranza tal-gradwati huma nisa   

Skont l-istess studju, f’Malta b’55.6%, il-maġġoranza tal-gradwati huma nisa. Min-naħa l-oħra, 44.4% tal-gradwati huma rġiel. Fuq l-istess binarju, in-nisa jiddominaw programmi ta’ studju li jittrattaw suġġetti bħas-saħħa, u studji soċjali bi 22.6% u l-edukazzjoni bi 15.7%. Imbagħad l-irġiel, ifittxu aktar programmi ta’ inġinerija, manifattura, kostruzzjoni u I.T.

L-agrikoltura ħadd ma jrid jaf biha 

Ir-rapport indaga wkoll fuq l-aktar għażliet popolari għall-istudenti Maltin. Jidher biċ-ċar li fuq medda ta’ tmien snin, il-programmi tal-liġi, tan-negozju u tax-xjenzi soċjoekonomiċi baqgħu l-aktar popolari mal-istudenti Maltin. Dawn kienu segwiti bil-programmi tas-saħħa u l-edukazzjoni. Allarmanti kien il-fatt li tul is-sena 2016 fl-agrikoltura kien hemm biss 57 gradwat.

Tinżel ir-rata ta’ żgħażagħ li ma komplewx l-iskola iżda xorta tibqa' inkwetanti 

Fuq nota differenti, ir-rata ta’ żgħażagħ Maltin li ma segwewx programm edukattiv wara li lestew l-edukazzjoni sekondarja kompliet tinżel għal 18.6% fl-2017. Minkejja dan, ir-rapport innota kif il-pjan sabiex din ir-rata tinżel għal 10% sal-2020 se tibqa' sfida kbira għal Malta. Fl-istess waqt, persuni Maltin bejn it-30 u l-34 sena li segwew kors ta’ studju telgħet għal 30% tul is-sena li għaddiet. B’hekk ir-rapport kien ottimist li tintlaħaq il-mira tal-Unjoni Ewropea ta’ 33% sas-sena 2020.

Numru kbir ta’ Fillipini li qed jiggradwaw f’Malta 

Intant l-istess studju kkonkluda wkoll li l-ogħla rata ta’ persuni barranin li gradwaw f’Malta kienu ġejjin mill-Filippini. Dawn kienu segwita minn studenti Niġerjani u dawk mir-Renju Unit.

More in Socjali