‘Jekk inwaqqfu missier mill-kriminalità se nwaqqfu ġenerazzjoni sħiħa’

 Il-Fondazzjoni RISe għalqet ħames snin. X’toffri r-RISe li l-ħabs qatt ma jista’ jagħti? Il-ħabs jgħin jew itellef? X’qalu l-Beltin meta ħdejhom marru joqogħdu l-priġunieri? L-istigma għadha teżisti? L-ILLUM titkellem ma’ Charles Mifsud

Fit-22 ta’ April li għadda, il-gazzetta ILLUM daħlet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin permezz ta’ eks priġunier li rrakkonta magħna l-esperjenza tiegħu fil-ħabs u d-differenza kbira li ħass meta kien fost l-ewwel priġunieri li gawda mill-programm offrut mill-Fondazzjoni RISe, li l-għan primarju tagħha huwa li tintegra lill-priġunieri lura fis-soċjetà.

Din il-ġimgħa, din il-Fondazzjoni għalqet ħames snin u kien għalhekk li l-ILLUM iltaqgħet mad-Direttur ta’ RISe, Charles Mifsud li saħaq dwar l-importanza li r-riabilitazzjoni tal-priġunieri ssir fil-komunità, jiġifieri fit-toroq u mhux f’istituzzjoni.

Mifsud mar direttament għall-problema u saħaq li nħass il-bżonn ta’ programm li wieħed mill-għanijiet tiegħu tkun li jnaqqas ir-rata ta’ reċidività li fi kliemu, dik ta’ Malta, hija waħda mill-ogħla fl-Ewropa. Fil-fatt, 62% ta’ dawk li joħorġu mill-ħabs, x’aktarx se jerġgħu jaqgħu għall-kriminalità.

Iżda hemm problema oħra li r-RISe taħdem biex taqtgħalha rasha. Mifsud spjega kif 72% tal-priġunieri, kellhom il-qraba tagħhom il-ħabs. “Jekk illum se nwaqqfu raġel miċ-ċiklu tal-kriminalità, u wliedu ma jikkupjawhx, se nkunu waqqafna ġenerazzjoni sħiħa.”

“L-aħħar ftit xhur fil-ħabs huma l-aktar iebsa”

Mhux faċli li priġunier li jkun ilu snin fil-ħabs jibda jaħseb x’se jsib ma’ wiċċu malli joħroġ.

“Jekk il-bniedem mhux se jkun ippreparat li jiffaċċja soċjetà li dejjem qed tinbidel, se jitfixkel,” saħaq Mifsud. “Għalhekk l-iskop kien li priġunier, l-aħħar xhur tiegħu fil-ħabs, jagħmilhom ġo dar fil-komunità biex jibda jiffaċċja s-soċjetà ftit ftit.”

Jekk fil-ħabs hemm 550 persuna, kważi kollha se joħorġu. Mhux aħjar naraw kif se ngħinuhom?

Għalhekk, il-Fondazzjoni RISe tgħin lil dawn il-priġunieri biex jibdew joħorġu jaħdmu u jagħmlu wkoll xi korsijiet biex jiksbu ħiliet anke f’affarijiet bażiċi, bħal ngħidu aħna l-użu tal-mowbajls u tal-emails. Apparti minn hekk jibdew iqattgħu ftit tal-ħin mal-familja, biex anke l-qraba, speċjalment it-tfal, jibdew jidraw li magħhom, dalwaqt se tibda tgħix persuna oħra.

Id-Direttur tar-RISe Charles Mifsud
Id-Direttur tar-RISe Charles Mifsud

Mifsud spjega li mhux faċli għal mara, li ilha tgħix mingħajr ir-raġel għal numru ta’ snin u li addatat ħajjitha għaċ-ċirkostanza, u f’salt ikollha tbiddel ir-rutina tagħha. L-istess jgħodd għat-tfal, aktar u aktar jekk missier ikun ħalla lit-tfal ta’ età żgħira ħafna meta ġie biex jidħol il-ħabs. Propju għalhekk li RISe, apparti li tgħin lill-priġunieri, qed tgħin ukoll indirettament lill-familji tagħhom.

Fost ir-rutina stretta tar-residenti fid-dar tar-RISe fil-Belt Valletta, il-priġunieri jkollhom ukoll diversi laqgħat ma’ professjonisti, fosthom psikologi, ħaddiema soċjali u anke esperti tal-familja, fejn ir-residenti jkunu jistgħu jiddiskutu dak li qed iħossu u anke problemi li jkunu qed jiffaċċjaw.

Fil-fatt, iż-żagħżugħ li kien tkellem mal-gazzetta ILLUM kien saħaq li waħda mill-aktar affarijiet differenti li ħass bejn il-ħabs u l-programm tar-RISe kienet l-attenzjoni individwali li tingħata lir-residenti u li fi kliemu hija kruċjali.

Ir-riċetta tas-suċċess tiddependi mis-soċjetà

“Kull bniedem għandu storja, għandu l-bżonnijiet tiegħu u għandu r-riskji tiegħu,” stqarr Charles Mifsud. “Fir-residenza nilqgħu 10 persuni għax dan huwa numru ideali biex tkun tista’ tagħti attenzjoni partikolari lill-individwu.”

Iżda r-riċetta għas-suċċess ma tiddependix biss mill-individwu. Kien hawn, li Mifsud saħaq fuq l-importanza tal-appoġġ li eks priġunier isib fis-soċjetà. Aktar ma eks priġunier se jsib sapport, inqas hemm ċans li se jirrepeti reat.

Ġirien priġunieri?

Fid-dawl ta’ dak li kien għadu kemm qal, ma stajniex ma nsaqsux lid-Direttur tal-Fondazzjoni dwar ir-reazzjoni tar-residenti meta saru jafu li ftit bibien ’il bogħod minnhom se jkunu qed jgħixu l-priġunieri. It-triq ma kinitx waħda faċli.

Charles Mifsud spjega kif għall-bidu, il-Fondazzjoni kienet se tingħata b’donazzjoni dar f’Għawdex, iżda r-residenti ma tantx kienu kuntenti b’din l-aħbar tant li d-donatur kellu jmur lura minn kelmtu.

Wara dan it-tentattiv, il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali kien offra dar f’lokalità f’Malta, iżda minħabba l-istess intoppi, din id-dar ma kinitx ingħatat.

Kien hawn li l-Fondazzjoni wasslet għad-dar fil-Belt Valletta, “li kienet fi stat ħażin ħafna u qisha kerrejja,” iżda li r-residenti Beltin ftit li xejn kellhom oġġezzjonijiet u minn hemm bdiet il-missjoni tar-RISe.

“Il-kunċett huwa bbażat biss biex innaqsu r-reati u r-reċidività. Ma’ kull reat hemm vittma u allura kull reat inqas ifisser vittma inqas,” saħaq Mifsud. “Jgħaddu minn żmien diffiċli ħafna, xi drabi jgħixu ħabs sieket fis-soċjetà minħabba l-istigma.”

Għandna nxandru l-isem u l-laqam ta’ akkużat?

L-eks priġunieri xi drabi jgħixu ħabs sieket fis-soċjetà

Kien hawn li Mifsud, filwaqt li saħaq li s-soċjetà għandha d-dritt tkun taf li xi ħadd mar il-ħabs minħabba reat, staqsa kemm hu essenzjali li wieħed ixandar l-isem, jew aktar u aktar il-laqmijiet, ġaladarba laqam se jirrifletti wkoll fuq it-tfal u l-qraba tal-akkużat.

“Kien hemm każ partikolari fejn omm ma kinitx taf li binha se jitressaq akkużat b’reat biex ma tinkwetax ruħha, iżda semgħet ismu u l-laqam fuq it-televixin u spiċċat l-isptar,” saħaq Mifsud. “Għandek it-tfal li fl-iskola wkoll ikunu magħrufa bil-laqam ta’ missierhom.”

‘Il-ġustizzja vera sseħħ jekk eks priġunier ma jerġax jaqa’’

Mifsud kompla jispjega li kull min wettaq reat jeħtieġ jieħu dak li ħaqqu iżda kompla jisħaq li waqt li qed ipatti għal dak li għamel, għandu jingħata l-għajnuna biex meta joħroġ mill-ħabs ma jerġax iwettaq reat ieħor. Saħaq li din hija l-vera ġustizzja u l-motto tar-RISe.

“Jekk fil-ħabs hemm 550 persuna, kollha, ħlief xi 14, se jerġgħu joħorġu fis-soċjetà. Mhux aħjar naraw kif se ngħinuh biex ma jerġax iwettaq reat ieħor?”

‘Jekk persuna tirriforma ruħha se tgawdi s-soċjetà kollha’

Kompla jisħaq li fl-aħħar mill-aħħar is-soċjetà trid tifhem, anzi għandha l-obbligu, li kif tagħmel mal-vittmi tad-droga, tgħin lill-priġunieri biex jirriabilitaw ruħhom. Insista li filwaqt li l-Maltin huma nies ġenerużi, f’dan l-aspett fadlilhom ħafna x’jifhmu, għax fi kliemu, jekk persuna se tirriforma ruħha, se tgawdi s-soċjetà kollha kemm hi.

“Jekk noħorġu n-nies mill-ħabs b’xogħol, se jikkontribwixxu għall-ekonomija. Jekk se nduru mal-individwu u mal-familjari tiegħu, se jkollu inqas problemi u inqas ċans li jdur lejn il-kriminalità,” saħaq Mifsud. “Ma rridux inkunu kuntenti għax persuna teħel ħames snin ħabs imma għandna nkunu kuntenti jekk dik ma terġax tidħol. Hemm tkun seħħet il-ġustizzja.”

‘Għal żmien twil il-ħabs kien abbandunat...’

Kien hawn li insista li l-gvernijiet ukoll għandhom dan l-obbligu. “Għal żmien twil il-ħabs kien abbandunat u frott ta’ ħafna affarijiet huwa l-fatt li l-ħabs kien abbandunat minn kull aspett,” kompla Mifsud.

Propju għalhekk, li waqt li komplejna nitkellmu fuq is-servizzi individwali li jingħataw ir-residenti, staqsejna lil Charles Mifsud jekk jaħsibx li r-riabilitazzjoni fil-ħabs qed tkun effettiva.

Mifsud saħaq li fil-ħabs hemm popolazzjoni ta’ aktar minn 500 persuna, “prattikament raħal,” u għalhekk diffiċli li kulħadd jingħata l-attenzjoni individwali.

Madanakollu insista li fil-ħabs isir ħafna xogħol tajjeb u saħaq li xi drabi ssir kritika esaġerata fuq il-ħabs.

“Ma nistgħux nistennew wisq... mhux għax fil-ħabs ma jkunux iridu imma għax ir-riżorsi huma dawk li huma,” saħaq Mifsud.

‘Għad għandna ħabs mibni fuq il-kunċett ta’ kastig’

Iżda ġaladarba l-attenzjoni individwali hija daqstant importanti għar-riabilitazzjoni, il-priġunieri ma jistgħux jinqasmu fi gruppi iżgħar, jew inkella, minflok ħabs wieħed, ikun hemm diversi djar żgħar li jilqgħu fihom ammonti iżgħar ta’ priġunieri?

“L-affarijiet li qed issemmi huma l-ideali. F’Malta għandna ħabs mibni snin ilu fuq il-kunċett ta’ kastig,” saħaq Mifsud. “Anke l-ambjent innifsu jkellmek. Biex toffri riabilitazzjoni l-ambjent huwa importanti.”

Kien hawn li kkritika l-fatt li meta ftit tas-snin ilu nbniet estensjoni tal-ħabs, din xorta waħda ma kinitx imfassla biex tirrifletti aktar il-kunċett ta’ riabilitazzjoni. Għal Charles Mifsud, dan kien każ mitluf.

‘Jeħtieġ aktar djar fil-komunità għall-priġunieri’

Spjega kif barra minn Malta, jeżistu ħabsijiet għal dawk il-persuni li jkunu arrestati u qed jistennew is-sentenza. F’Malta ma teżistix din id-differenza, tant li min ikun arrestat jinżamm mal-priġunieri li qed jiskontaw sentenza.

“Jeħtieġ ikollna aktar djar residenzjali bħalma għandna aħna, biex mill-ħabs toħroġ għal dawn id-djar u jkunu jistgħu jiġu offruti aktar servizzi individwali,” saħaq Mifsud.

Preżentament, huma ftit biss dawk il-priġunieri li qed jgħaddu mill-programm tar-RISe. Oħrajn joħorġu fis-soċjetà direttament mill-ħabs.

‘Minn 30 persuna tnejn biss waqgħu’

Iżda taraw differenza bejn min jgħaddi mill-programm tar-RISe u min joħroġ direttament mill-ħabs? “Inkun prużuntuż jekk ngħid iva, għax ilna noperaw sentejn biss. Iżda mit-30 persuna li għaddew mir-RISe, tnejn biss minnhom reġgħu waqgħu. L-oħrajn, sal-lum, jgħixu l-ħajja normali tagħhom kemm fix-xogħol u anke mal-familja.”

Fil-fatt, l-għajnuna li toffri r-RISe ma tiqafx biss malli tgħaddi s-sena, iżda l-bibien jibqgħu dejjem miftuħa u eks priġunieri jibqgħu jsibu l-għajnuna li jkollhom bżonn, kemm jekk fuq ix-xogħol u anke d-dar.

“Nitkellmu ħafna fuq dak li jsir fil-ħabs jew fil-programm tar-RISe, iżda l-importanti huwa dak li jsir wara,” kompla jispjega Charles Mifsud. “Hemm min ifittixna minn jeddu u hemm oħrajn li nagħmlu kuntatt magħhom meta nisimgħu li jinsabu f’xi diffikultà.

‘Kull min ġie r-RISe ħareġ b’xogħol’

Kemm hu diffiċli li eks priġunier isib xogħol? “Kull bniedem li ġie jagħmel il-programm ħareġ bix-xogħol,” saħaq Mifsud waqt li spjega kif kien hemm kumpanija li offriet xogħol lil xi priġunier u reġgħet offriet lil RISe biex tħaddem lil xi ħadd ieħor. “Hemm kumpaniji li jħaddmu magħhom anke tliet persuni li għamlu l-programm tagħna.”

Ma nemminx lil min jgħid li se jidħol fil-ħabs u jaqta’ d-droga għalkollox

Komplejna nitkellmu fuq l-edukazzjoni li tingħata mill-Fondazzjoni RISe mhux biss fejn jidħol taħriġ ta’ xogħol jew f’affarijiet bażiċi ta’ kuljum iżda anke taħriġ professjonali biex wieħed ikun kapaċi jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu, fost oħrajn.

‘L-edukazzjoni fil-ħabs għandha tkun obbligatorja’

Staqsejna lil Charles Mifsud jekk hux biżżejjed li dan it-taħriġ jingħata mir-RISe u jekk hemmx bżonn aktar programmi edukattivi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, aktar u aktar fid-dawl ta’ dak li kien qalilna l-eks priġunier meta saħaq li ħafna drabi ma kienx ikollu xejn x’jagħmel u kien iqatta’ l-ħin bilqiegħda fuq taraġ.

Mifsud spjega li fil-ħabs isiru diversi sessjonijiet ta’ taħriġ iżda kollox jiddependi fuq il-motivazzjoni tal-priġunieri li jmorru għalihom.

Kien għalhekk li Charles Mifsud saħaq li għandu jkun hemm struttura u pjan biex l-attendenza għal dawn is-sessjonijiet tkun obligatorja.

“Hemm bżonn ta’ aktar struttura,” kompla jisħaq waqt li saħaq li mill-ħabs kien hemm min tgħallem. “Min ried sab l-għajnuna. Mill-ħabs intbagħtu persuni l-Università u l-MCAST.”

Vittmi tad-droga għandhom jitħalltu mal-priġunieri?

Fl-intervista tal-ILLUM mal-eks priġunier, ħarġet ukoll ċara l-problema tad-droga fil-ħabs, b’dan iż-żagħżugħ jisħaq kif iċċappas bid-droga fil-ħabs stess.

X’jaħseb Charles Mifsud? Min qiegħed il-ħabs fuq droga għandu jkun mal-priġunieri l-oħra?

“Il-problema tad-droga mhux ta’ Malta biss. F’kull ħabs fid-dinja hemm id-droga,” qal Charles. “Tidħol fil-ħabs bħalma tidħol kullimkien.”

Iżda kompla jisħaqli d-droga hija d-droga u tibqa’ dejjem ħażina u minħabba l-ambjent tal-ħabs faċli taqa’ għaliha. Kien għalhekk li bħalma insista l-eks priġunier, anke Mifsud staqsa kemm persuni b’vizzju tad-droga għandhom ikunu l-ħabs ma’ priġunieri oħra.

Fakkar li fl-aħħar snin daħlu fis-seħħ diversi liġijiet u mexjin lejn kunċett fejn persuni bil-vizzju tad-droga ma jkunux ma’ priġunieri oħra fil-ħabs u saħaq li din għandha tkun it-triq.

“Minkejja dan ma nemminx lil min jgħid li se jidħol fil-ħabs u jaqta’ d-droga għalkollox,” temm jgħid Mifsud.

More in Socjali