L-Arċisqof Scicluna lura għaċ-Ċilì

Il-Papa Franġisku talab lill-Arċisqof Scicluna biex ikompli jinvestiga l-akbar każ ta' abbuż sesswali li heżżeż lill-Knisja

Wara l-ewwel żjara tal-Arċisqof kienu rriżenjaw 34 Isqof f'salt
Wara l-ewwel żjara tal-Arċisqof kienu rriżenjaw 34 Isqof f'salt

Il-Papa Franġisku reġa' talab lill-Arċisqof Charles Scicluna biex mill-ġdid iżur iċ-Ċilì biex ikompli jinvestiga l-akbar każ ta' abbuż sesswali fuq minuri, liema każ heżżeż lill-Knisja fil-pajjiż.

Id-Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan, Greg Burke, qal li l-missjoni tal-Arċisqof Scicluna se tkun iffukata fid-Djoċesi ta’ Osorno, fejn faqqa' l-akbar skandlu. Huwa se jkun akkumpanjat minn Mons. Jordi Bertomeu

L-Arċisqof Scicluna kien żar iċ-Ċilì, iltaqa' mal-vittma u anke investiga dan il-każ u kien ippreżenta rapport li fost affarijiet oħra sab diversi nuqqasijiet u akkuża diversi Isqfijiet li ħbew u ħelsu minn evidenza dwar abbuż sesswali minn membri tal-kleru u anke li għamlu pressjoni fuq investigaturi biex ma jinvestigawx jew inaqqsu l-akkużi.

Wara dan ir-rapport, 31 Isqof Ċilen u tliet isqfijiet oħra rtirati f’Ruma rriżenjaw waqt laqgħa urġenti li kellhom mal-Papa Franġisku.

Intant, fi tmiem din il-ġimgħa, il-Papa Franġisku ser jilqa’ f’Casa Santa Marta grupp ta’ saċerdoti miċ-Ċilì u anke se jibgħat ittra miktuba minnu lill-President tal-Konferenza Episkopali taċ-Ċilì, indirizzata lill-Insara kollha tal-lokal.

L-istess skandlu kien anke tefa’ dawl ikrah fil-Papa Franġisku meta bi kliemu ddefenda Isqof li ħeba l-każi ta’ abbuż sesswali, anke ftit wara talab maħfra u biddel il-pożizzjoni tiegħu dwaru.

More in Socjali