Ritratti | Bormla ssellem lil Jake, il-ħabib ta' kulħadd

Ħafna Bormliżi fakkru lil Jake bħala żagħżugħ li kien jaħseb f'ħaddieħor minkejja li kellu bżonn ħafna għajnuna hu stess

Dalgħodu Bormla tat l-aħħar tislima lil Jake Cutajar, il-ħabib ta' kull Bormliż li kien jaħseb f'kulħadd.

Il-mewt għall-għarrieda ta' Jake, li kellu 21 sena, ħasdet lil bosta, mhux Bormliżi biss, għax ħafna kienu dawk li ta' kuljum kienu jarah fuq Facebook live, fejn kien iqatta' sigħat twal jitlob għall-morda, jdoqq xi diska u anke 'jqaddes' xi Quddiesa.

Fil-fatt, Jake miet nhar il-Ġimgħa li għadda, ftit minuti wara li beda jxandar live mill-kamra tas-sodda tiegħu. Kif kien jagħmel ħafna drabi, Jake kien qed jitlob għall-morda.

Ħafna fakkruh bħala żagħżugħ li kien jaħseb f'kulħadd, minkejja li kellu bżonn ħafna għajnuna hu. Kuljum kien jitlob għall-morda u għal dawk li għaddew min xi problema u kien ikun minn tal-ewwel biex jibgħat messaġġ ta' kuraġġ lil xi Bormliż li jkun għaddej minn xi diffikultà.

Il-funeral ta' Jake sar fl-aktar post li kien għal qalbu: Il-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Għall-funeral, fuq xewqa ta' Jake stess, in-nies intalbu jilbsu l-abjad u ċ-ċilest, il-kuluri assoċjati ma' Bormla u mal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Ma naqsitx ukoll il-Banda u l-innu 'Omm Beltna' li Jake kien idoqq kważi kuljum biex isellem lill-Immakulata Kunċizzjoni.

More in Socjali