Inawgurata residenza ġdida għal adoloxxenti li għandhom bejn 10 u 18-il sena

Ir-residenza hija mgħamra b’dak kollu li familja hija mdorrija biha f’residenza normali u hija mqassma fi tliet appartamenti

Dalgħodu nfetħet residenza ġdida li se tkun qed tilqa’ fiha adoloxxenti fl-etajiet ta’ bejn l-10 u t-18-il sena, liema residenza se tkun qed titmexxa mill-Aġenzija Appoġġ.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li dawn l-adoloxxenti diġà jkunu għaddejjin minn trawma u huwa għalhekk li hemm bżonn ambjent li jgħin lil dawn il-persuni jgħixu ħajja normali u jkomplu bir-rutina ta’ kuljum.

Ir-residenza hija mgħamra b’dak kollu li familja hija mdorrija biha f’residenza normali u hija mqassma fi tliet appartamenti.

F’maisonette minnhom se jkun qed jintuża għal klijenti li jkunu f’perjodu ta’ tranżizzjoni għal għejxien indipendenti. Fi flat ieħor se jgħixu żewġ klijenti, u erba’ persuni oħra se jgħixu fil-flat l-ieħor.

Fil-preżent hemm residenza oħra fejn fiha hemm 2 ġuvintur u 2 tfajliet bejn l-eta ta’ 12 u 18-il sena.

Il-Ministru Falzon fakkar ukoll f’residenzi fejn fihom jgħixu l-aħwa, dan għax ikun iktar ta’ ġid jekk l-aħwa jibqgħu jgħixu flimkien.

F’residenza minnhom hemm jgħixu 5 aħwa, u 3 aħwa oħra separament.

More in Socjali