Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

L-MEPs Maltin innominaw lil Bjorn Formosa għall-Premju Ċittadin Ewropew

Bjorn Formosa beda jbati mill-marda tal-ALS f’Awwissu 2015. Minn dakinhar, beda numru ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus u biex titqajjem kuxjenza

Albert Gauci Cunningham / 2 ta' Mejju 2018 10:24
Ħames Membri tal-Parlament Ewropew Maltin - David Casa, Miriam Dalli, Roberta Metsola, Marlene Mizzi u Francis Zammit Dimech - ingħaqdu flimkien biex jinnominaw lill-attivist tal-ALS Bjorn Formosa għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew. Kull sena, il-Parlament Ewropew jippremja individwi u gruppi li jkunu ddistingwew ruħhom biex jippromwovu l-valuri Ewropej.

L-MEPs tal-Partit Laburista Marlene Mizzi u Miriam Dalli qalu: “Minkejja li qed jiġġieled marda terminali, Bjorn iddedika ħinu biex jgħin li ħaddieħor billi jżid il-kuxjenza, jiffinanzja r-riċerka u fetaħ dar għall-pazjenti tal-ALS u l-MS. Bjorn wera xi tfisser li wieħed jaħseb f’ħaddieħor u li toffri ruħek għas-soċjetà, u għal dan, ħaqqu li jkun rikonoxxut u ppremjat, mhux l-inqas mill-Parlament Ewropew. Bjorn. Pazjenti bħalu jixirqilhom l-appoġġ kollu tagħna, u bħala politiċi, aħna qegħdin hawn biex nagħtuhom l-appoġġ. Kien proprju għax Bjorn jirrappreżenta l-valuri Maltin li nemmnu fihom – is-sens ta’ altruwiżmu u l-kuraġġ - li tlabna lill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista biex jappoġġjaw in-nominazzjoni tagħna. Mhix faċli li tagħżel bejn żewġ nomini b’saħħithom, iżda tajna l-kelma tagħna li s-sena d-dieħla nappoġġjaw in-nominazzjoni tad-Dar tal-Providenza.”

"Bjorn wera xi tfisser li wieħed jaħseb f’ħaddieħor u li toffri ruħek għas-soċjetà"
MEPs Laburisti
L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalu: “Hu l-obbligu tagħna - bħala Membri tal-Parlament Ewropew - li nippromwovu x-xogħol imprezzabbli li jagħmlu eluf ta’ voluntiera Maltin u Għawdxin. Filwaqt li oriġinarjament aħna konna nnominajna lid-Dar tal-Providenza għal dan l-unur prestiġjuż li jingħata mill-Parlament Ewropew, wara diskussjonijiet mal-kollegi Miriam Dalli u Marlene Mizzi, iddeċidejna li ningħaqdu magħhom u nappoġġjaw in-nominazzjoni ta’ Bjorn Formosa għall-premju ta’ din is-sena. Ix-xogħol kbir ta’ Bjorn fis-snin li għaddew, anke waqt li qed jisfida l-marda diffiċli li għandu, hu wieħed li ħaqqu kull tifħir, u se nkomplu nassiguraw li l-awtoritajiet jagħtuh l-appoġġ sħiħ fil-ġbir tal-fondi kif ukoll fil-kampanji ta’ kuxjenza.”

Bjorn Formosa beda jbati mill-marda tal-ALS f’Awwissu 2015. Minn dakinhar, beda numru ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus u biex titqajjem kuxjenza, li wasslu biex infetħet Dar Bjorn f’Novembru 2017.

"Ix-xogħol kbir ta’ Bjorn fis-snin li għaddew, anke waqt li qed jisfida l-marda diffiċli li għandu, hu wieħed li ħaqqu kull tifħir,"
MEPs Nazzjonalisti
L-ALS - Amyotrophic Lateral Sclerosis - hi marda kronika terminali li twassal għall-mewt ta’ newroni li jikkontrollaw muskoli volontarji. Din il-marda hi kkaratterizzata minn muskoli ebsin, uġigħ fil-muskoli, u gradwalment dgħufija minħabba li l-muskoli jibdew jiċkienu. Dan iwassal għal diffikultajiet biex wieħed jitkellem, jibla’ u eventwalment jieħu n-nifs.

Ta’ kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju taċ-Ċittadin Ewropew lil ċittadini, gruppi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jkunu wettqu kisbiet eċċezzjonali jew impenn kbir lejn is-soċjetà f’diversi aspetti. Kull Membru tal-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jinnomina persuna jew organizzazzjoni waħda għal dan il-premju. L-għażla finali tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew issir minn ġurija mmexxija mill-Viċi-President tal-Parlament Ewropew l-MPE Sylvie Guillaume. Ir-rebbieħa jitħabbru u jingħataw il-Premju għaċ-Ċittadin Ewropew f’ċerimonja f’Ottubru.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook