Nonfqu ħafna f’divertiment, fost l-inqas f’dawl, ilma u kotba

10% tal-paga niddevertu biha u ħafna inqas minnha tmur għal kontijiet... kotba? X’kotba huma?

Ċifri tal-Eurostat li ħarġu iktar kmieni din il-ġimgħa juru illi l-Maltin huma fost l-inqas li jixtru kotba, gazzetti jew affarijiet relatati ma’ ‘stationeries’. Fil-fatt dawn iċ-ċifri juru illi fl-2017 il-baġit għal kotba, gazzetti u ‘stationeries’ fost il-Maltin hija biss ta’ 0.7%. Fl-istess livell ta’ Malta hemm Spanja u r-Repubblika Ċeka, filwaqt li n-nefqa tal-Bulgari u l-Griegi hija ftit inqas, b’0.6%.

Dan jimmarka tnaqqis gradwali f’Malta fl-aħħar tliet snin, minn 0.9% fl-2015, imbagħad 0.8% fl-2016.

Min-naħa l-oħra, iktar mid-doppju tal-ispiża b’3.9% jmorru f’nefqa ta’ alkoħol, tabakk u narkotiċi. F’dan il-każ ma kienx hemm tnaqqis u n-nefqa tal-familji baqgħet konsistenti.

Minkejja li  l-ammont fuq kotba, gazzetti u ‘stationeries’ huwa parti żgħira mill-baġit tal-familji u individwi, il-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 1.1% biss li jammonta għal €90 miljun. Dan jimmarka tnaqqis f’din in-nefqa partikolari, minn 1.8% fl-1995.

Din in-nefqa tirrapreżenta 0.6% tal-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jew madwar €200 għal kull resident fl-istess blokk. Madwar l-UE, kull sena, id-djar nefqu d-doppju fuq kotba, gazzetti u stationeries milli nefqu fuq vaganzi ‘package’. Min-naħa l-oħra n-nefqa fuq dawn l-oġġetti kienet nofs dik fuq attivitajiet rikreazzjonali u kulturali.

L-aktar pajjiżi illi fihom il-familji u l-individwi kellhom l-akbar nefqa fuq dawn l-oġġetti kienu l-Islovakkja b’2.1% tan-nefqa totali, il-Ġermanja b’nefqa ta’ 1.6% u l-Polonja, b’1.4%.

Intant il-Maltin jonfqu 4.9% mill-baġit tagħhom fuq ħwejjeġ u żraben, b’waħda mill-akbar nefqiet tkun fuq l-ikel b’nefqa ta’ 10.1%, ħarira inqas mis-snin ta’ qabel meta n-nefqa kienet ta’ 10.5%. In-nefqa tal-Maltin fuq l-ikel, minkejja li żaqqna nħobbuha xi ftit mhux ħażin, hija 1.1% inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Intant, forsi mingħajr wisq sopriżi, wara li fl-2014 u l-2015 traħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li kien hemm roħs ġenerali fil-prezz tal-gass, il-Maltin għandhom fost l-inqas nefqa fuq dawl, ilma u gass. In-nefqa totali fl-2016 kien ta’ 10.4%, meta l-medja fl-UE hija ta’ 24.5%, jiġifieri iktar mid-doppju ta’ dak li jħallsu l-Maltin. L-Ingliżi u l-Franċiżi huma l-aktar ċittadini li joħorġu flus minn buthom għad-dawl, ilma u gass b’27% u 26% rispettivament.

In-nefqa tal-kirjiet, b’1.1% wkoll hija baxxa għalkemm dan mhux neċessarjament huwa riflessjoni tal-prezzijiet infushom imma tal-fatt li maġġornaza kbira ħafna ta’ Maltin u Għawdxin, huma sidien ta’ darhom u allura ma jikrux. F’pajjiżi bħar-Renju Unit, bi bliet kbar bħal Londra illi fihom eluf kbar ta’ nies jikru, l-ispiża titla’ għal 6.6%.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li skont ċifri proviżorji, sal-2017 3.9% tan-nefqa tal-Maltin kienet tmur għal servizzi ta’ saħħa, 3.1% fix-xiri ta’ vetturi u 12% fuq trasport.

Mhux wisq sorpriża li l-Maltin, għax huwa poplu li ġeneralment iħobb jiddeverti f’pajjiż mimli storja, jonfqu aktar minn 10% tad-dħul tagħhom fuq rikreazzjoni jew inkella attivitajiet kulturali. Dan jikkumpara tajjeb mal-bqija tal-UE fejn il-medja ta’ nefqa f’rikreazzjoni hija ta’ 8.5% mill-baġit tal-Maltin u huwa viċin ħafna tan-nefqa fl-Olanda.

In-nefqa fl-edukazzjoni hija ta’ 2%, għalkemm wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll il-fatt li f’pajjiżna l-iskejjel tal-Gvern f’kull livell huwa b’xejn kif hija wkoll l-Università.

More in Socjali