Kumpanija tat-trakkijiet tbiddel l-iskumdità fit-toroq f'kampanja edukattiva

L-għan tal-kampanja huwa li tikber il-kuxjenza favur użu aktar responsabbli tat-toroq

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg nieda kampanja għas-sigurtà fit-toroq, liema kampanja qed titmexxa minn Express Trailers.

L-għan tal-kampanja huwa li tikber il-kuxjenza favur użu aktar responsabbli tat-toroq.

Il-Ministru Borg saħaq li li kumpanija bħal din, li topera f’settur direttament relatat mat-trasport, għandha potenzjal akbar li tilħaq udjenzi fl-istess industrija.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen u Kap Eżekuttiva ta’ Express Trailers, Franco Azzopardi qal, il-kumpanija tħaddem flotta kbira ta’ trakkijiet, trailers u vannijiet u minħabba f’hekk xi drabi toħloqu skumditajiet fit-toroq.

“Għalhekk, iddeċidejna li nassumu rwol attiv fil-komunità u ħassejna li l-promozzjoni tas-sigurtà fit-toroq tkun qrib ħafna mal-operat tagħna bħala utenti tat-toroq attivi,” saħaq Azzopardi. “It-twemmin tal-kumpanija huwa li s-sigurtà fit-toroq għandha tkun prijorità prinċipali għal kulħadd, speċjalment is-sewwieqa li qegħdin jiġu msejħa biex isuqu b’mod responsabbli u jipproteġu utenti tat-toroq aktar vulnerabbli.”

Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-grafika li qed tintuża bħala simbolu tal-kampanja; qalb miżmuma f’par idejn li jissimbolizzaw it-triq. “Nitkellmu, niddiskutu u nippruvaw nirraġunaw kull darba li jiġri xi inċident, imma dan mhuwiex biżżejjed – irridu naġixxu” saħaq il-Ministeru.

Preżenti kien hemm ukoll Pierre Vella mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq.

Aktar informazzjoni dwar il-kampanja tinsab fuq is-sit www.expressroadsafety.com

More in Socjali