Sa fl-aħħar! Tinda fil-foss għal dawk li jistennew tallinja...

...wara erba' snin ta' ilmenti dawk kollha li jistennew tallinja fil-foss se jkollhom fejn jistkennu sakemm jistennew tallinja...

Dehra artistika ta' kif se tidher it-tinda...
Dehra artistika ta' kif se tidher it-tinda...

Transport Malta ħarġet sejħa għall-bini ta’ tinda fil-venda tal-Belt li ġiet estiża dan l-aħħar, biex tagħti kenn lill-passiġġieri mill-elementi.

It-tinda ser tinbena fuq iż-żewġ naħat tal-foss, biex tgħatti ż-żoni kollha minn fejn jirkbu l-passiġġieri u d-disinn huwa minimalista biex jiġi żgurat l-inqas impatt viżwali fuq is-swar. It-tinda ser tkun mgħammra b’dawl minimalist biex  jikkumplimenta l-madwar waqt li jagħti biżżejjed dawl għas-sigurta’ tal-passiġġieri.  Transport Malta ħadet ħsieb li d-disinn tal-istruttura jipproteġi s-siġar li hemm fil-foss, it-tinda ser tinbena madwarhom biex l-ebda siġra ma tinqala’ jew titħawwel x’imkien ieħor.

It-tinda ħa tkun magħmula biex isservi ħamsin sena, bi standards Ewropej u tiflaħ għal riħ sa forza ta’ 37 metru fis-sekonda.  Is-saqaf  ser ikun magħmul mill-plastik imsaħħaħ minn fibri tal-ħġieġ u miksi b’materjal li jirreżisti x-xemx biex il-passiġġieri jkunu protetti mir-raġġi diretti tax-xemx u mix-xita.

It-tinda ser tkun kompletament riversibbli biex f’każ li l-pjanijiet għall-foss jinbidlu fil-futur, it-tinda tkun tista’ tiżżarma mingħajr ħsara.  Transport Malta ikkooperat mal-Awtorita’ tal-Ippjanar u mal-ERA biex ikun żgurat l-inqas impatt fid-dehra u fl-ambjent.

In-nuqqas ta' din it-tinda kienet waħda mill-aktar ilmenti komuni fost dawk li jistennew tallinja f'dan il-foss u li allura huma l-biċċa l-kbira ta' dawk li jużaw it-trasport pubbliku u li jgħixu fin-naħa ta' fuq jew il-parti ċentrali tal-pajjiż.  

More in Socjali