‘Id-droga ma tgħaddix minn ġol-ħajt... xi ħadd li joħroġ u jerġa’ jidħol’

Għall-ewwel darba il-gazzetta ILLUM ‘tidħol’ fil-ħabs permezz ta’ esperjenza ta’ eks ħabsi u l-istorja hija pjuttost xokkanti... grazzi għal RISe imma sab ħafna u ħafna għajnuna

“Fil-ħabs hemm ħafna nies jieħdu d-droga…qerditu ħabs.” Din il-ġimgħa l-politika ġibdet għal fuqha l-attenzjoni kollha u meta jiġri hekk nispiċċaw ninsew realtajiet oħra u sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom persuni vulnerabbli. Iżda mhux il-gazzetta ILLUM. Din il-ġimgħa żorna l-uffiċini tar-RISe fil-Belt Valletta u tkellimna ma’ Jacob*, eks priġunier li jinsab determinat li ma jerġax jirfes l-għatba ta’ dak li sejjaħlu bħala “infern.”

Jacob ma qagħadx idur mal-lewża. Il-problema tad-droga fil-ħabs hija reali. Jacob stess ma kienx jieħu d-droga. Daħal il-ħabs taħt arrest wara li kien seraq għall-vizzju. Ħareġ wara xahrejn u kien hemm li beda jieħu d-droga. Reġa’ daħal il-ħabs, din id-darba għax instab ħati li seraq biex ikun jista’ jixtriha.

“Ma għandek xejn x’tagħmel. Jew taħdem jew tkompli tgħaffeġ. Jien hawn tfottejt… jiena dħalt fuq serq, ħriġt u dħalt fuq xi ħaġa oħra. Tant tinfluwenza ruħek, tant tisma’ affarijiet, li qatt ma tista’ tieħu r-ruħ, għax il-ħin kollu tisma’ affarijiet negattivi. Immaġinak ħames snin kuljum tisma’ l-ħażin.”

Kien hawn li Jacob insista li l-ħabs jeħodlok l-identità tiegħek. “Anke wiċċek u l-kulur tiegħek jinbidel… jien spiċċajt ma nafx min jien, la nidħaq, la nibki, xejn. Dawn huma kollha sintomi tal-ħabs.

“Bilqiegħda jieħdu d-droga…”

L-ewwel darba li semma d-droga, Jacob kien qed jitkellem magħna fuq ix-xogħlijiet u r-rutina fil-ħabs. Biex titħalla taħdem fil-kċina, jew f’xi dipartiment irid ikollok reputazzjoni tajba u ma hemmx ħafna x’tagħmel lanqas. Fi kliem Jacob, jekk hemm 700 ruħ, 50 biss jingħataw irwol.

Ftit priġunieri għandhom il-possibbilità li jaħdmu… l-oħrajn bilqiegħda fid-divison jieħdu d-droga

U l-oħrajn kif iqattgħu l-ġurnata? “Bilqiegħda fid-divisions jieħdu d-droga.”

Imma s-sigurtà essenzjali fil-ħabs. Id-droga kif tidħol?

“Id-droga mhux se tgħaddi minn ġol-ħajt,” saħaq Jacob. “Ma tridx tkun gradwajt biex tasal għall-konklużjoni. Xi ħadd li joħroġ barra u jerġa’ jidħol.”

Wieħed irid isemmi wkoll li huwa sinjal pożittiv meta jinqabdu persuni jippruvaw idaħħlu d-droga fil-ħabs jew inkella tinstab fil-ħabs stess. Mhux l-ewwel darba li gwardjan inqabad dieħel il-ħabs bid-droga jew inkella b’xi mowbajls. Fi Frar li għadda kienet saret spezzjoni “intensiva,” u skont il-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali kienu nstabu internet key u trab suspettuż f’locker ta’ priġunier, bil-Ministru Michael Farrugia jwiegħed li dawn it-tfittxijiet se jibqgħu jsiru b’mod regolari.

“Ġurnata bilqiegħda fuq it-taraġ… jien fil-ħabs ħadt id-droga”

Ma’ Jacob imxejna pass pass, mill-ewwel xhur tiegħu fil-ħabs sakemm sar raġel liberu madwar sena ilu. Jacob daħal il-ħabs meta kellu biss 16-il sena. Daħal b’sentenza ta’ sentejn, iżda fl-ewwel xhur tiegħu nqatgħu xi sentenzi oħra u spiċċa weħel sitt xhur u nofs.

“Ma stajtx naċċettaha. Sitt snin għad għandi 16-il sena! Imma trid u ma tridx ikollok toqgħod,” saħaq Jacob. L-aktar ħaġa li kienet iddejqu kienet dik li ma kien ikollu xejn x’jagħmel.

“Immaġinak ġurnata sħiħa, mit-tmienja ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija bilqiegħda fuq taraġ ma tista’ tagħmel xejn.”

Hawnhekk id-diskors reġa’ waqa’ fuq id-droga. Fi kliem Jacob, id-droga tħarrbek mir-realtà. Taf li bid-droga tista’ taħrab il-ħabs… Jien fil-ħabs ħadt id-droga.”

Mhux faċli tagħmel ġurnata tiċċassa beda jinsisti Jacob. “L-uniku ħaġa li tispiċċa tagħmel biex inti tħossok b’saħħtek hija li tiġġieled. Ara kif tispiċċa!”

“Fil-ħabs ma hemmx riforma…”

Imma bil-ġlied, jew kelma żejda, jiġu wkoll il-konsegwenzi. F’sena waħda biss, Jacob laqqat 100 rapport u dan kien ifisser 16-il ġurnata maqful ġo ċella. Kien hawn li Jacob induna li ma jistax jibqa’ sejjer hekk.

“Hawn għidt hemm bżonn nagħmel xi ħaġa. Mela jiena diġà qiegħed il-ħabs inpatti għal dak li għamilt u issa se naqla’ kastig ieħor fil-ħabs stess? Se nibqa’ ngħaxxaqha?” Iżda Jacob insista li l-bidla seħħet bis-saħħa tiegħu, mhux minħabba r-riforma.

Il-ħabs imexxuh l-uffiċjali, la d-direttur u lanqas il-Ministeru

Fil-fatt, meta staqsejnieh jekk il-ħabs jgħinekx tirriforma ruħek, Jacob ma qagħadx idur mal-lewża. “Fil-ħabs ma hemmx riforma. Biex tirriforma ruħek inti trid tkun,” insista Jacob waqt li qabbel l-esperjenza tiegħu fil-ħabs għal meta kien qed jgħix fil-komunità, fir-residenza tal-Fondazzjoni RISe. “Sakemm kont hemm jiena ma kien hemm ħadd jimbuttak.”

“Kieku jien inbiddel l-uffiċjali kollha…”

Hawnhekk Jacob tkellem fuq l-uffiċjali tal-ħabs, li huma l-aktar nies li magħhom il-priġunieri se jkollhom kuntatt. Spjega li biex priġunier ikellem lid-Direttur tal-ħabs irid jibgħatlu ittra u jwassluha l-uffiċjali. Qal li kien kiteb xi 60 ittra u qatt ma bagħtu għalih, sakemm darba inzerta lid-Direttur u staqsieh għalfejn. Iżda d-direttur qallu li qatt ma waslet ittra waħda għandu.

“Dawn huma l-uffiċjali li suppost jgħinuna. Hemm il-korruzzjoni sfortunatament. Jekk dan uffiċjal u jaf li lili trattani ħażin, jaf li fl-ittra abbli se jkun hemm ismu… kulħadd se jibża’ għal ġidu,” kompla Jacob.

Meta staqsejna lil Jacob biex jagħżel xi ħaġa li jbiddel fil-ħabs, ħasadna bir-risposta. Ħsibnieh se jgħidilna l-ikel, jew ir-rutina jew l-ambjent. Iżda t-tweġiba tiegħu kienet l-uffiċjali.

“Mhux l-ewwel darba li qatt ma sibt għajnuna. Il-ħabs huma jmexxuh. La l-Ministeru, la d-Direttur, imma huma… Kemm kont ilni hemm jien inbiddlu ħames diretturi. B’ħames diretturi qatt ma nbidel xejn u ħadd ma żamm, għalfejn? Għax l-uffiċjali jmexxu l-ħabs,” insista Jacob. “Mhux qed ngħidlek li ma hemmx uffiċjali tajbin, imma n-nagħġa s-sewda tħarbatlek il-merħla.”

Hawnhekk wieħed irid isemmi li l-uffiċjali tal-ħabs qed jingħataw taħriġ speċjalizzat qabel ma jidħlu jaħdmu fil-ħabs. Għax ngħiduha kif inhi, gwardjan tal-ħabs mhux qed jaħdem f’ambjent faċli.

Jacob jibda jinbidel…

Malli Jacob ħareġ minn dik iċ-ċella li fiha dam 16-il ġurnata maqful, iddeċieda li jitlob lit-tmexxija tal-ħabs biex jagħtuh xi ħaġa biex jgħaddi l-ħin. Tawh biċċa kamra fejn ikun jista’ joqgħod ipinġi, għax dan hu wieħed mill-passatempi favoriti ta’ dan iż-żagħżugħ.

Minn hemm bdew jingħataw diversi opportunitajiet lill-priġunieri. Diversi għalliema tal-arti għadhom sal-lum iżuru l-ħabs ta’ spiss. Sakemm dam il-ħabs, Jacob saħansitra tgħallem ukoll idoqq il-kittarra. Ir-residenti tal-ħabs bdew jingħataw ukoll xogħlijiet varji, fosthom anke fil-kċina tad-diviżjoni.

“Mhux biżżejjed li tagħmel music room…”

Qed isiru wkoll ħafna affarijiet u attivitajiet, anke bl-għajnuna tal-LEAP, tant li Jacob qal li l-affarijiet inbiddlu ħafna. Iżda dan biżżejjed? Jacob insista li fadal xi ħaġa li hija essenzjali u sabha biss meta niżel ir-RISe.

“X’inhu l-veru bżonn? L-edukazzjoni jew dak li vera għandu bżonn l-individwu? Bdew jagħmlu ħafna affarijiet biex jagħmlu ħoss imma l-veru bżonn ħadd ma jagħti kasu.” X’inhu dan il-bżonn? “Li jekk bniedem ħareġ mill-ħabs ma jerġax jidħol lura. Min ma għandux daqshekk rabta mal-familja, tgħinu biex isaħħaħha. Jekk ma għandux flus jew ma għandux xogħol tgħinu jsib xogħol biex meta joħroġ hemm barra jsib xi ħaġa taħt rasu… dawk huma l-bżonnijiet ta’ veru.”

X’jaħseb dwar l-ambjent tal-ħabs?

Kanċelli, ċelel, ħmieġ u nuqqas ta’ ikel… dawn huma l-affarijiet li jiġuna f’moħħna meta naħsbu fil-ħabs. Forsi għax hekk naraw fil-films jew hekk imdorrija nisimgħu. Imma l-ambjent tal-ħabs kif inhu?

“Dejjem l-istess nies, dejjem l-istess rutina, dejjem l-istess riħa,” qal Jacob. “Kuljum l-istess.”

U r-rutina normali kif tkun? “Tqum filgħodu, tittieħed ir-rassenja, taħsel iċ-ċella, tista’ timmaġina x’breakfast… kollox bil-ħin, iċċempel, tinħasel, kollox bil-ħin.”

“Min jieħu d-droga ma għandux ikun ma’ priġunieri oħra”

Jacob tkellem ukoll fuq id-diviżjonijiet fil-ħabs. Sal-età ta’ 21 sena, Jacob kien fid-diviżjoni apposta għar-residenti żgħar. “Kien żmien tal-biża’. Naħseb kien l-agħar żmien.”

Minn hemm, il-priġunieri żgħar ittieħdu l-Imtaħleb u wara programm li għamel biex jegħleb il-vizzju tad-droga, Jacob tpoġġa’ mal-priġunieri kollha jkun xi jkun il-każ.

Staqsejna lil Jacob jekk jaqbilx li l-priġunieri kollha jintefgħu f’keffa waħda. “La qiegħed hemm ġew kulħadd fl-istess dgħajsa. Kulħadd żbalja,” qal Jacob iżda ma jaqbilx li persuna li qed tiskonta sentenza minħabba traffikar jew pussess tad-droga titpoġġa ma’ priġunieri oħra, waqt li fakkar f’dak li ġara lilu.

Fil-ħabs ma hemmx riforma… ma kien hemm ħadd jimbuttak

“Jekk qatt ma missejt xejn għaliex se titfani ma’ xi ħadd li jieħu? Illum jew għada se taqa’ żgur, b’saħħtek kemm int b’saħħtek, anke jekk qatt ma tkun ħadd.”

Iżda ikrah kemm kien ikrah dan iż-żmien, Jacob iħoss li kiber u ħareġ aktar b’saħħtu għalkemm jibqa’ bir-rimors li tilef ħafna żmien.

RISe tagħmel id-differenza kollha…

Jacob kien wieħed mill-ewwel residenti li niżlu fiċ-ċentru tar-riabilitazzjoni tal-Fondazzjoni RISe fil-Belt Valletta. Għalkemm ma kienx jaf x’se jiġri u ma bdew jifhmu xejn, Jacob sab dak li fi kliemu kien nieqes fil-ħabs, jiġifieri l-attenzjoni personali.

Fil-fatt, ir-residenti jkollhom diversi laqgħat personali ma’ diversi professjonisti, bil-għan li jingħataw dak li għandhom bżonn.

“Mill-ewwel tinduna li hawn xi ħadd li jixtieq jgħinek. Mill-ewwel tħossok tajjeb,” spjega Jacob. Tant hu hekk, li għalkemm Jacob issa huwa liberu, ma ġiex jaqa’ u jqum, iżda għadu jmur ta’ spiss jitkellem u jagħti daqqa t’ id fejn ikun hemm bżonn.

Forsi l-aktar ħaġa pożittiva hija li Jacob, bis-saħħa tar-riforma u l-għajnuna li kiseb, irnexxielu jikseb l-istess post tax-xogħol li kellu qabel ma’ daħal il-ħabs.

Ftit ftit, ir-residenti taċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni tar-RISe, jibdew joħorġu mal-familja u anke għax-xogħol. Skont Jacob din hija xi ħaġa pożittiva ħafna, għax fi kliemu, meta toħroġ, “issib it-tapit mifrux u mhux toħroġ mingħajr ma tkun taf x’laqtek.”

RISe tgħin ukoll lill-priġunieri biex jibdew jibnu ftit ftit ir-relazzjonijiet li kellhom, kemm mal-familja u anke mal-ħbieb jew inkella s-sieħeb jew is-sieħba.

“Ngħix bil-biża’… imma ftit biżaġ’ tajba.”

“Fil-verità jien nemmen li l-programm jibda hemm barra,” insista Jacob. “Ikollok kemm ikollok saħħa, tista’ terġa’ taqa’ f’żewġ minuti. Anke jkollok argument ma’ ommok jew mat-tfajla. Moħħok jerġa’ jmur hemm.”

Qumu minn hemm, aċċettaw li qegħdin fil-ħażin u fittxu l-għajnuna

Imma tibża’? “Illum ngħix bil-biża’… imma ftit biża’ tajba! Inħares lura u nużah għall-quddiem,” insista Jacob.

In-nies mhux dejjem jgħinuk. Bħall-ħajja normali, Jacob qal li ssib minn iridlek il-ġid u min iridlek id-deni.

“Jiena nimxi ġurnata b’ġurnata… Meta tiġi tentazzjoni niġġildilha… s’issa miexi għalkemm mhux kollox ward u żahar,” qal Jacob. “Jekk tmiss darba mal-ħabs u ma tgħidlux le, terġa’ tidħol.”

“Kollox iġġib lura… iż-żmien le”

Lil dawk iż-żgħażagħ li għaddejin mill-istess esperjenza tiegħu u bħalu kienu jipprovaw jaħarbu mis-soċjetà, Jacob ħeġġiġhom biex ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna.

“Waħdek mhux se tasal… b’saħħtek kemm inti b’saħħtek mhux tasal żgur. Jekk waqajt ġo ħofra trid lil xi ħadd biex iwaddablek il-ħabel. L-ewwel ħaġa li trid tagħmel hija li taċċetta li qiegħed fi żball, qiegħed ġo ħofra. Minn hemm, jekk għandek ir-rieda, se timxi żgur… investu fiż-żmien li għandkom. Jekk tlift mowbajl, ix-xogħol jew elf ewro se ġġibhom. Imma ż-żmien ma ġġibu qatt.”

*Jacob huma isem fittizju

More in Socjali