Kwart tal-Maltin jilmentaw minħabba storbju fejn joqogħdu

Għandek xi ġirien jagħmlu l-istorbju? Tgerger minħabba t-traffiku kbir fit-triq tiegħek? 

Għandek xi ġirien jagħmlu l-istorbju? Tgerger minħabba t-traffiku kbir fit-triq tiegħek? Hemm xi ħadd li joħroġ mill-garraxx first u second fis-1am? Iddejjaqt tieħu l-gammumila biex tipprova torqod? Tista’ tikkonsla hekk kif stħarriġ li għandu kif ġie ppubblikat din il-ġimgħa mill-European Statistics on Income and Living Conditions Survey (SILC) sab li 25.3% tal-Maltin ilmentaw dwar storbju li jkun hemm fit-triq tagħhom. Skont l-istess stħarriġ dan l-istorbju jiġi ikkawżat minn attività kummerċjali, traffiku, fabbriki jew inkella mill-ġirien tagħhom.

Apparti minn dan, sikwit tinħoloq id-diskussjoni dwar iktar spazji miftuħa, ġonna, u żoni ħodor hekk kif għal ħafna dawn iffisru kwalità ogħla ta’ ħajja. L-istess rapport li stħarreġ il-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini Maltin u dawk Ewropej jgħixu fihom ikkonkluda wkoll li 26.8% ta’ dawk il-Maltin li wieġbu qalu li t-tniġġiż tal-arja u problemi oħra relatati mal-ambjent kienu inkwetatni ferm għal kwalità ta’għajxien tagħhom.

Intant 10% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-kriminalità, il-vjolenza u l-vandaliżmu huma affarijiet inkwetanti għal-livell ta’ għejxien tagħhom.

Skont l-istess stħarriġ l-aktar reġjun li fih kienu rrapportati dawn il-problemi u oħrajn kien fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Port, fejn kienu rrapportati 50% tal-każijiet kollha f’dan l-istħarriġ. Din iż-żona tinkludi fiha, il-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville tliet żoni li fihom qed issir ammont kbir ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni apparti l-fatt li huma rinomati bħala lokalitajiet tad-divertiment.

More in Socjali