L-Arċidjoċesi tgħaddi propjetà lill-Hospice għall-kura ta' pazjenti b'mard terminali

L-Arċidjoċesi se tkun qed tagħti lill-Hospice Movement l-art u l-bini f’Santa Venera li qabel kienu magħrufa bħala l-Istitut Adelaide Cini

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Malta Hospice Movement iffirmaw ftehim uffiċjali għat-twaqqif ta’ St Michael’s Hospice, l-ewwel kumpless li se jkun qed jipprovdi kura paljattiva għal pazjenti b’mard serju u terminali.

Permezz ta’ dan il-ftehim, iffirmat dalgħodu fil-preżenza tal-Arċisqof Charles Scicluna, l-Arċidjoċesi se tkun qed tagħti lill-Hospice Movement l-art u l-bini f’Santa Venera li qabel kienu magħrufa bħala l-Istitut Adelaide Cini, għal perjodu ta’ 50 sena.

Il-valur tal-art u l-proprjetà eżistenti, li jkopru medda ta’ art ta’ 9,000 metru kwadru fuq żewġ sulari u ta’ 6,800 metru kwadru ieħor ta’ ġonna, ekwivalenti għal tliet grawnds tal-futbol, huwa stmat li jiswa madwar €8 miljun.

Il-ftehim kien iffirmat mis-Sur Michael Pace Ross (Segretarju Amministrattiv) f’isem l-Arċisqof ta’ Malta, u mis-Sinjura Maria Gatt (Chairperson) u minn Vincent Zammit (Segretarju) f’isem il-Malta Hospice Movement.

Il-Malta Hospice Movement se jkun qed jirrinova din il-proprjetà, biex Hospice Malta jevolvi f’St Michael’s Hospice.

Il-Hospice se jsebbaħ ukoll il-ġonna ta’ madwar id-dar li ser jipprovdu lill-pazjenti l-ispazju neċessarju fil-miftuħ waqt li jirċievu l-kura.

Din ser tkun l-unika faċilità f’Malta tal-Hospice, bl-għan li

  • ttejjeb is-servizzi preżenti tal-kura paljattiva lill-pazjenti fid-djar u l-komunitajiet tagħhom;
  • talloka taqsima ta’ in-patient għal dawk il-pazjenti li jeħtieġu trattament għall-uġigħ u sintomi oħra;
  • toffri servizz ta’ respite għal dawk li għandhom bżonn; u
  • tassisti lil dawk li jeħtieġu kura dinjituża fi tmiem il-ħajja.

Fil-kumpless St Michael’s Hospice ser ikunu disponibbli wkoll servizzi ta’ terapija ta’ matul il-jum u kliniċi, kif ukoll korsijiet edukattivi ta’ taħriġ għall-istaff tal-Hospice u speċjalisti oħra fil-kura paljattiva.

Ix-xogħlijiet fuq il-bini eżistenti tal-Knisja huma skedati li jibdew meta jinkisbu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ix-xogħlijiet se jitwettqu fuq perjodu ta’ tliet snin li matulu l-Hospice Movement ser jiġbor il-fondi neċessarji għat-twaqqif u t-tmexxija ta’ dan il-proġett.

L-ewwel pazjenti huma mistennija fl-2021 wara li jitlesta xogħol ta’ tisbiħ estensiv fuq ġewwa tal-binja.

Imwaqqfa fl-1989, l-għan ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jsofru mill-kanċer, minn motor-neuron disease, u mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied.

More in Socjali